16.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/202

tat-12 ta' Frar 2016

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-FSE mwaqqaf bil-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/152/KE tal-20 ta' Novembru 2008 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda u l-Parti Afrika Ċentrali, fuq in-naħa l-oħra (1),

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem il-“Ftehim”), ġie ffirmat fil-15 ta' Jannar 2009 u beda japplika b'mod proviżorju mill-4 ta' Awwissu 2014.

(2)

L-Artikolu 92 tal-Ftehim iwaqqaf Kumitat tal-FSE, li għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Ftehim u mit-twettiq ta' kull kompitu msemmi fih.

(3)

L-Artikolu 92 tal-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat tal-FSE.

(4)

L-Unjoni Ewropea għandha tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-FSE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjonifil-Kumitat tal-FSE mwaqqaf bil-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra, rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Emendi minuri għall-abbozz ta' Deċiżjoni, li ma jinvolvux xi modifika sostanzjali, għandhom jiġu awtorizzati mingħajr deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  ĠU L 57, 28.2.2009, p. 1.


ABBOZZ TA'

DEĊIŻJONI Nru …/2015 TAL-KUMITAT TAL-FSE

mwaqqaf bil-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra,

ta' …

rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT TAL-FSE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), iffirmat fi Brussell, fil-15 ta' Jannar 2009, u applikat b'mod proviżorju mill-4 ta' Awwissu 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 92 tiegħu,

Billi:

(1)

Taħt it-termini tal-Ftehim u ta' din id-Deċiżjoni, il-Parti tal-Afrika Ċentrali hija komposta mir-Repubblika tal-Kamerun.

(2)

Il-Ftehim jipprevedi li l-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat tal-FSE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat tal-FSE huma stabbiliti kif indikat fl-Anness.

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma mingħajr preġudizzju għar-regoli speċjali previsti fil-Ftehim jew li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-iffirmar tagħha.

Magħmul fi …, …

Għar-Repubblika tal-Kamerun

Għall-Unjoni Ewropea


ANNESS

REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT TAL-FSE

mwaqqaf bil-Ftehim preliminari lejn Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Parti tal-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kompiti tal-Kumitat tal-FSE

Il-Kumitat tal-FSE għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-oqsma kollha koperti mill-Ftehim u għat-twettiq tal-kompiti kollha msemmija f'dan il-Ftehim.

B'mod partikolari, il-Kumitat tal-FSE għandu:

(1)

Fil-qasam tal-kummerċ:

(a)

jissorvelja u jiżgura l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim. Għal dan il-fini, hu għandu jeżamina u jirrakkomanda l-oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni;

(b)

jevalwa r-riżultati miksuba fil-qafas tal-Ftehim u li jaħdem, jekk ikun il-każ, sabiex l-Ftehim jittejjeb;

(c)

jieħu kull azzjoni bil-għan li jevita t-tilwim u/jew li jirrisolvi t-tilwim li jirriżulta minn interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-Ftehim;

(d)

isegwi l-evoluzzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn il-Partijiet;

(e)

isegwi u jevalwa l-impatt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-Partijiet;

(f)

jiddiskuti u jieħu kull azzjoni li jkollha bħala effett il-promozzjoni tal-kummerċ, tal-investiment u tal-opportunitajiet ta' negozju bejn il-Partijiet;

(g)

jiddiskuti kull suġġett rilevanti tal-Ftehim u kull suġġett ieħor li jista' jikkomprometti l-ilħuq tal-objettivi tiegħu.

(2)

Fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp:

(a)

jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jaqgħu fi-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim;

(b)

isegwi u jikkoordina flimkien mal-isħab l-oħrajn l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni previsti fil-Ftehim;

(c)

jeżamina perjodikament il-prijoritajiet ta' kooperazzjoni stabbiliti fil-Ftehim u, meta jkun il-każ, jifformula rakkomandazzjonijiet dwar l-inklużjoni ta' prijoritajiet ġodda;

(d)

jiggarantixxi l-implimentazzjoni tad-Dokument Konġunt ta' Gwida anness mal-Ftehim.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 2

Kompożizzjoniu Presidenza

1.   Il-Kumitat tal-FSE għandu jkun kompost, min-naħa, minn rappreżentanti tal-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, minn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Kamerun, fil-livell ministerjali jew f'dak ta' uffiċjali pubbliċi għoljin.

2.   Ir-referenza f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura għal “Partijiet” għandha tikkorrispondi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 95 tal-Ftehim.

3.   Il-Presidenza tal-Kumitat għandha tiġi eżerċitata, skont sistema ta' rotazzjoni, għal perjodi ta' 12-il xahar, minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tal-Repubblika tal-Kamerun. Il-mandat li jikkorrispondi għall-ewwel perjodu għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-FSE u jintemm fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta' wara. L-ewwel presidenza għandha tkun dik ta' rappreżentant tar-Repubblika tal-Kamerun.

Artikolu 3

Osservaturi

1.   Rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika u Monetarja tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (CEMAC) u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali (ECCAS) għandhom ikunu mistiedna jieħdu sehem fil-laqgħat kollha tal-Kumitat tal-FSE bħala osservaturi.

2.   Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jistiednu għal-laqgħat tal-Kumitat tal-FSE, bħala osservaturi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat, kif ukoll esperti jew kull persuna oħra li jagħżlu huma.

3.   Il-Kumitat tal-FSE jista' jiddeċiedi li jagħlaq għall-osservaturi kwalunkwe parti ta' laqgħa li matulha jkunu qegħdin jiġu trattati kwistjonijiet sensittivi u waqt it-teħid ta' deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 4

Segretarjat

Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-FSE għandu jiġi eżerċitat, skont sistema ta' rotazzjoni ta' perjodi ta' 12-il xahar, mill-Kummissjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Kamerun. Dawn il-perjodi għandhom jikkoinċidu mal-eżerċizzju alternat tal-Presidenza tal-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 5

Sottokumitati

Sabiex jeżerċita s-setgħat tiegħu b'mod effettiv, il-Kumitat tal-FSE jista' jikkostitwixxi, taħt l-awtorità tiegħu, sottokumitati responsabbli għal kwistjonijiet speċifiċi rilevanti tal-Ftehim. Għal dan l-għan, il-Kumitat tal-FSE għandu jiddetermina l-kompożizzjoniu l-kompiti ta' tali sottokumitati.

KAPITOLU III

FUNZJONAMENT

Artikolu 6

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kumitat tal-FSE għandu jadotta d-deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta' kunsens.

2.   Il-Kumitat tal-FSE jista' jiddeċiedi li jressaq kull kwistjoni ġenerali li tirriżulta mill-Ftehim u li tkun ta' interess komun għall-Istati tal-AKP u għall-Unjoni Ewropea lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, definit fl-Artikolu 15 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta' Cotonou”).

3.   Bejn il-laqgħat, il-Kumitat jista', jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu dwar dan, jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub. Proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn il-Partijiet.

4.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-FSE għandhom ikunu intitolati “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” u warajhom ikollhom in-numru ta' sekwenza, id-data tal-adozzjoni tagħhom u indikazzjoni tas-suġġett tagħhom. Kull deċiżjoni għandha tispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat tal-FSE għandhom jiġu awtentikati minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea u minn rappreżentant tar-Repubblika tal-Kamerun.

6.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Partijiet bħala dokumenti tal-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 7

Korrispondenza

1.   Kull korrispondenza indirizzata lill-Kumitat tal-FSE għandha tintbagħat lis-Segretarjat tiegħu.

2.   Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat tal-FSE tintbagħat lill-Presidenza tal-Kumitat u, jekk ikun il-każ, li tiġi ċċirkolata lill-punt fokali ta' kull Parti, kif definit fl-Artikolu 92 tal-Ftehim, bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 10 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

3.   Il-korrispondenza mill-Presidenza tal-Kumitat tal-FSE għandha tintbagħat lill-punt fokali ta' kull Parti mis-Segretarjat u, jekk ikun il-każ, tiġi ċċirkolata bħala dokumenti msemmija fl-Artikolu 10 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura lill-membri l-oħra tal-Kumitat tal-FSE.

Artikolu 8

Laqgħat

1.   Il-Kumitat tal-FSE għandu jiltaqa' f'intervalli regolari, li ma jaqbżux perjodu ta' sena, u għandu jkollu laqgħat straordinarji kull meta jkun meħtieġ minħabba ċ-ċirkostanzi, jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

2.   Kull laqgħa tal-Kumitat tal-FSE għandha ssir f'post u f'data li jiġu deċiżi bejn il-Partijiet.

3.   Il-laqgħat tal-Kumitat tal-FSE għandhom jissejħu mill-Parti li jkollha l-Presidenza, wara li tikkonsulta mal-Parti l-oħra.

4.   Kull avviż ta' laqgħa għandu jintbagħat lill-parteċipanti mhux aktar tard minn 15-il jum qabel kull laqgħa.

Artikolu 9

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-Presidenza tal-Kumitat tal-FSE għandha tiġi informata bil-kompożizzjoniprevista tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tar-Repubblika tal-Kamerun u ta' osservaturi eventwali.

Artikolu 10

Dokumentazzjoni

Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-FSE jkunu bbażati fuq dokumenti ta' sostenn bil-miktub, dawn id-dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati bħala dokumenti tal-Kumitat tal-FSE mis-Segretarjat mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 11

Aġendi għal-laqgħat

1.   Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-FSE għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet. Din għandha tintbagħat mis-Segretarjat tal-Kumitat tal-FSE lill-punt fokali ta' kull Parti mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom tkun saret talba għall-inklużjoni lis-Segretarjat minn tal-anqas 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm tali punti ma jistgħux jiddaħħlu fl-aġenda proviżorja sakemm id-dokumenti rilevanti ta' sostenn ma jaslux għand is-Segretarjat sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-imsemmija aġenda proviżorja.

3.   Il-Kumitat tal-FSE għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti li mhumiex dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu dwar dan.

4.   Il-Presidenza tal-Kumitat tal-FSE, bi qbil mal-Partijiet, tista' tistieden esperti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat sabiex jipprovdu tagħrif dwar suġġetti speċifiċi.

5.   Bi qbil tal-Partijiet, is-Segretarjat jista' jqassar il-limiti ta' żmien stipulati fil-paragrafi 1 u 2 sabiex jiġi kkunsidrati l-ħtiġijiet ta' xi każ partikolari.

Artikolu 12

Minuti

1.   Fit-tmien ta' kull laqgħa, għandu jitħejja sommarju tal-konklużjonijiet li jiġi ffirmat mill-membri kollha tal-Kumitat tal-FSE.

2.   Is-Segretarjat għandu jifformula abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa fi żmien massimu ta' xahar.

3.   Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jiddeskrivu fil-qosor kull punt fuq l-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:

(a)

id-dokumenti kollha li tressqu lill-Kumitat tal-FSE;

(b)

kull dikjarazzjoni li membru tal-Kumitat tal-FSE jkun talab li tiddaħħal;

(c)

id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li dwarhom intlaħaq qbil u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

4.   Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista tal-parteċipanti fil-Kumitat tal-FSE kif ukoll lista tal-membri tad-delegazzjonijiet li jkunu akkumpanjawhom u lista ta' osservaturi fil-laqgħa.

5.   Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien xahrejn mid-data tal-laqgħa. Wara l-approvazzjoni, is-Segretarjat għandu jiffirma żewġ kopji tal-minuti u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti awtentiċi.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni

1.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat tal-FSE ma għandhomx ikunu pubbliċi.

2.   Kull Parti tista' tiddeċiedi li tippubblika, fil-ġurnal uffiċjali rispettiv tagħha, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-FSE.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Reġim lingwistiku

1.   Il-lingwi ta' ħidma tal-Kumitat tal-FSE għandhom ikunul-lingwi uffiċjali komuni għall-Partijiet.

2.   Il-Kumitat tal-FSE għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet u jadotta d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fuq id-dokumenti u l-proposti ppreparati b'waħda mil-lingwi msemmija fil-Paragrafu 1.

Artikolu 15

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tħallas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat tal-FSE, kemm fir-rigward tal-infiq għall-persunal, għall-ivvjaġġar u għas-soġġorn, kif ukoll l-infiq għall-posta u għat-telekomunikazzjoni.

2.   L-ispejjeż konnessi mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li torganizza l-laqgħa.

3.   L-ispejjeż konnessi mas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-laqgħat u tat-traduzzjoni tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet fil-lingwi ta' ħidma tal-Kumitat tal-FSE għandhom jiġġarrabu mill-Parti li torganizza l-laqgħa. L-ispejjeż konnessi mas-servizzi tal-interpretazzjoni fil-laqgħat u tat-traduzzjoni tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġġarrabu mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Emendar tar-Regoli ta' Proċedura

Dawn ir-Regoli ta' Proċedura jistgħu jiġu emendati permezz ta' deċiżjoni tal-Kumitat tal-FSE li tittieħed f'konformità mal-Artikolu 6(1) tagħhom.