10.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/152


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/154

tat-22 ta' Lulju 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.13869 (C 68/2002) (ex NN 80/2002) Riklassifikazzjoni f'kapital tar-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta' Provvista Ġenerali implimentata minn Franza favur EDF

(notifikata bid-dokument C(2015) 4959)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2), tiegħu (1),

wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-imsemmi Artikolu (2),

u wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet tagħhom,

Billi:

(1)

B'deċiżjoni tas-16 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) dwar il-vantaġġ li rriżulta min-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji dovuta mill-Istabbiliment Pubbliku Industrijali u Kummerċjali “Electricité de France (E.D.F.), Service National” (“EDF”, li saret il-kumpanija b'responsabbiltà limitata Electricité de France SA lejn l-aħħar tal-2004), matul ir-ristrutturar tal-karta bilanċjali tagħha fl-1997, fuq parti mir-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tan-Netwerk ta' Provvista Ġenerali (“RAG”) u kklassifikati mill-ġdid bħala kapital.

(2)

Fil-kummenti tagħhom mibgħuta lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tal-11 ta' Diċembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ċaħdu li EDF kienet irċeviet benefiċċju ta' taxxa u ssostni b'mod partikolari li l-għoti ta' kapital addizzjonali kien qiegħed jaġġusta kapital baxx u għalhekk kien iġġustifikat.

(3)

Permezz tal-ittra tal-21 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni bagħtet lil Franza l-uniċi osservazzjonijiet li rċeviet mingħand parti interessata, u stednitha tissottometti l-kummenti tagħha. Franza ma ssottomettiet l-ebda kumment dwar dawn l-osservazzjonijiet.

(4)

Fit-12 ta' Frar 2003, saret laqgħa teknika bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi, segwita minn talba ta' informazzjoni mingħand il-Kummissjoni fl-4 ta' Lulju 2003.

(5)

Fil-11 ta' Novembru 2003, Franza bagħtet informazzjoni ġdida. Fis-17 ta' Novembru 2003, ġiet organizzata laqgħa teknika oħra bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u xi rappreżentanti ta' EDF. L-awtoritajiet Franċiżi pprovdew informazzjoni supplimentari fl-20 ta' Novembru 2003.

(6)

Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2003 (3), il-Kummissjoni ddikjarat il-miżura ta' għajnuna li minnha kienet ibbenefikat EDF inkompatibbli mas-suq intern u talbet l-irkupru ta' din l-għajnuna flimkien mal-imgħax. L-għajnuna tħallset lura fi Frar 2004.

(7)

B'sentenza tal-15 ta' Diċembru 2009, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (4). Franza ħallset lura lil EDF l-ammont tal-għajnuna li kien tħallas lura fl-2004.

(8)

Bis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (5).

(9)

Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali (“id-deċiżjoni ta' estensjoni”) (6).

(10)

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fl-1 ta' Lulju 2013.

(11)

Permezz tal-ittra tat-13 ta' Awwissu 2013, il-Kummissjoni bagħtet lil Franza l-osservazzjonijiet tad-29 ta' Lulju 2013 mingħand parti interessata waħda biss, jiġifieri EDF, u talbitha tagħti l-kummenti tagħha. Fil-11 ta' Ottubru 2013, Franza ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ta' EDF.

(12)

Fit-18 ta' Ottubru 2013, EDF bagħtet lill-Kummissjoni studju mħejji minn konsulent (Oxera) u li jġib id-data tal-15 ta' Ottubru 2013. Fit-22 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet dan l-istudju lil Franza u stednitha tressaq il-kummenti tagħha. Din l-istedina kienet madankollu soġġetta għall-kundizzjoni li l-istudju kien intbagħat iktar minn xahrejn u nofs wara l-iskadenza stabbilita mid-deċiżjoni ta' estensjoni u, min-naħa l-oħra, li l-istudju kien sar wara d-deċiżjoni ta' investiment f'EDF li għamlet Franza. Fis-6 ta' Novembru 2013, Franza ppreżentat il-kummenti tagħha dwar l-istudju.

(13)

Fl-14 ta' Novembru 2013 saret laqgħa ben il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi. Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni u kjarifiki dwar il-kummenti ta' Franza, li ntbagħtu fit-23 ta' Diċembru 2013.

(14)

Fit-22 ta' Novembru 2013, EDF bagħtet lill-Kummissjoni opinjoni legali mitluba minn EDF li tissupplimenta u tappoġġja l-osservazzjonijiet tagħha tad-29 ta' Lulju 2013.

(15)

Fuq talba ta' EDF, fit-12 ta' Marzu 2014 saret laqgħa mal-Kummissjoni fil-preżenza tal-awtoritajiet Franċiżi.

(16)

Fit-13 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni talbet lil Franza tipprovdi kummenti relatati mal-opinjoni legali mibgħuta minn EDF kif ukoll xi kjarifiki u informazzjoni ulterjuri, li hija pprovdiet permezz tal-ittra tad-19 ta' Ġunju 2014.

1.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

1.1.   IL-BENEFIĊJARJU: EDF, L-IŻVILUPP TAL-ISTATUS U TAL-KAPITAL TAGĦHA

(17)

EDF inħolqot permezz tal-Liġi Nru 46-628 tat-8 ta' April 1946 minħabba n-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass (“il-Liġi Nru 46-628”) li, skont l-ewwel Artikolu tagħha, innazzjonalizzat il-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-elettriku fi Franza. Din il-liġi fdat il-ġestjoni tal-kumpaniji nazzjonalizzati tal-elettriku f'idejn stabbiliment pubbliku nazzjonali ta' natura industrijali u kummerċjali msejjaħ “Electricité de France (E.D.F.), Service National”.

(18)

L-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46-628 kien jipprovdi li l-bilanċ nett tal-proprjetà, id-drittijiet u l-obbligi trasferiti lil EDF kien jikkostitwixxi l-kapital tagħha, kien proprjetà tal-pajjiż, ma kienx trasferibbli u, f'każ ta' telf operatorju, kellu jkun rikostitwit fuq ir-riżultati tas-snin finanzjarji sussegwenti. Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 56-493 tal-14 ta' Mejju 1956 dwar l-injezzjonijiet ta' kapital lil EDF, dawn tal-aħħar kienu soġġetti għar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 16 tal-Liġi msemmija. Skont l-Artikolu 2 tal-istess digriet, dawn l-injezzjonijiet iwasslu għall-għoti ta' imgħax u dividend lill-Istat.

(19)

Skont il-Liġi Nru 46-628, sa mill-ħolqien tagħha u anki fl-1997, EDF kienet stabbiliment pubbliku nazzjonali ta' natura industrijali u kummerċjali, mhux irregolat mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpaniji b'responsabbiltà limitata. Stabbiliment pubbliku ta' natura industrijali u kummerċjali ma għandux kapital azzjonarju, għall-kuntrarju ta' kumpanija pubblika b'responsabbiltà limitata, li tkun proprjetà tal-azzjonisti tagħha (7). Minkejja t-termini “kapital” u “injezzjoni ta' kapital” użati fit-testi rilevanti, EDF ma kellhiex kapital azzjonarju minħabba l-istatus tagħha ta' persuna ġuridika rregolata bil-liġi pubblika. Il-Liġi Nru 2004-803 tad-9 ta' Awwissu 2004 dwar is-servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass u l-kumpaniji tal-elettriku u tal-gass (“il-Liġi Nru 2004-803”) kienet tipprovdi bidla futura f'dan l-istatus. Fl-Artikolu 24 tagħha, il-Liġi Nru 2004-803 stipulat li EDF, li tagħha l-Istat kellu jżomm iktar minn 70 % tal-kapital, kellha tkun irregolata mil-liġijiet applikabbli għall-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata diment li ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali kuntrarji. L-Artikolu 47 ta' din il-liġi kien jipprovdi wkoll it-trasformazzjoni sussegwenti tal-istabbiliment pubbliku EDF f'kumpanija b'responsabbiltà limitata, soġġetta għall-pubblikazzjoni ta' digriet dwar l-istatus il-ġdid tagħha. L-Artikolu 46 kien jiddikjara li l-bilanċ tal-kumpanija EDF fil-31 ta' Diċembru 2004 għandu jkun stabbilit skont il-karta tal-bilanċ tal-31 ta' Diċembru 2003 u r-rapport tal-introjtu għall-2004 tal-istabbiliment pubbliku EDF.

(20)

It-trasformazzjoni ta' EDF f'kumpanija b'responsabbiltà limitata saret effettiva bl-applikazzjoni tad-Digriet Nru 2004-1224 tas-17 ta' Novembru 2004 dwar l-istatuti tal-kumpanija b'responsabbiltà limitata Electricité de France. L-istatuti annessi għad-digriet jipprovdu li minn dakinhar 'il quddiem EDF kellha tkun kumpanija b'responsabbiltà limitata rregolata mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għall-kumpaniji kummerċjali, fosthom il-Kodiċi tal-Kummerċ, diment li ma jkunx derogat minn dispożizzjonijiet iktar speċifiċi inklużi l-istess statuti.

(21)

L-Artikolu 6 tal-istatuti ta' EDF jipprovdi li l-kapital azzjonarju tal-kumpanija, oriġinarjament miżmum kollu mill-Istat, kien stabbilit għas-somma ta' EUR 8,129 biljun, maqsum f'1 625 800 000 sehem ta' EUR 5 kull wieħed. Il-kapital azzjonarju tal-kumpanija l-ġdida b'responsabbiltà limitata EDF ġie stabbilit f'Novembru 2004 fl-istess ammont tal-kapital u l-injezzjonijiet ta' kapital tal-istabbiliment pubbliku ekonomiku u kummerċjali EDF akkumulati sa dakinhar, jiġifieri EUR 8,1 biljun. Dan l-ammont ta' kapital u ta' injezzjonijiet ta' kapital kien intlaħaq b'applikazzjoni tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997 dwar diversi miżuri ekonomiċi u kummerċjali (“il-Liġi Nru 97-1026”) u ma nbidilx mill-1997.

(22)

Kif stipulat fil-Liġi 2004-803 u l-istatuti ta' EDF, fi kwalunkwe ħin, l-Istat kellu — u għandu — jżomm iktar minn 70 % tal-kapital tal-kumpanija. F'Novembru 2005, ġew offruti ishma ġodda ta' EDF ammessi għall-elenkar fuq Euronext bi prezz miftuħ (“OPO”), biex b'hekk il-kapital ta' EDF infetaħ għal azzjonisti oħrajn minbarra l-Istat.

1.2.   IL-ĦOLQIEN TA' RIŻERVI KONTABBLI GĦAT-TIĠDID TAN-NETWERK TA' PROVVISTA ĠENERALI

(23)

Skont l-Artikolu 36 tagħha, il-Liġi Nru 46-628 ittrasferiet lil EDF il-konċessjonijiet kollha nazzjonalizzati tal-elettriku. Għal dawn il-konċessjonijiet, skont l-Artikolu 37 tal-Liġi, il-konċessjonarju huwa obbligat jirrispetta speċifikazzjonijiet standard. Id-diversi konċessjonijiet ta' trasport tal-elettriku trasferiti b'dan il-mod mill-Istat lil EDF ġew unifikati fl-1958 f'konċessjoni waħdanija msejħa netwerk ta' provvista ġenerali (réseau d'alimentation générale — RAG).

(24)

Fin-nuqqas ta' regoli speċifiċi tal-kontabilità għall-konċessjonijiet, mill-1946, EDF ikkunsidrat li hija kienet il-proprjetarja tal-beni li jiffurmaw parti mill-RAG u rreġistrat dawn il-beni fl-assi tal-karta tal-bilanċ tagħha. Skont l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjonijiet approvati mid-Digriet Nru 56-1225 tat-28 ta' Novembru 1956, EDF hija meħtiega twettaq bi spejjeż propji x-xogħlijiet kollha ta' manutenzjoni u ta' tiġdid meħtieġa biex iżżomm l-istrutturi tal-konċessjoni f'kundizzjoni tajba.

(25)

Fl-1987, wara emenda fl-1982 tal-pjan ta' kontabilità ġenerali li jipprovdi regoli speċifiċi għall-beni li jridu jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, EDF biddlet il-prattika tal-kontabilità tagħha għall-assi tal-RAG li sa dakinhar kienu meqjusa bħala beni proprji u kklassifikat dawn l-assi fl-entrata tal-karta bilanċjali “Beni taħt konċessjoni”. Għal dawn l-assi EDF applikat ir-regoli ta' kontabilità speċjali stabbiliti fi Franza għall-beni taħt konċessjoni li jridu jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, u ħolqot riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG.

(26)

F'rapport tal-1994 (8), il-Qorti tal-Awdituri kkunsidrat li, fil-preżenza ta' konċessjonarju uniku u permanenti tal-Istat, stabbilit bil-liġi, bħal EDF, kien diffiċli li wieħed jikkunsidra li l-beni li jikkostitwixxu l-RAG kellhom jintraddu lura lill-Istat fi tmiem il-konċessjoni, għall-kuntrarju tal-beni proprji tal-RAG li jappartjenu lil EDF. Fi kliem ieħor, minħabba li l-bidla fil-kontijiet li EDF introduċiet fl-1987 kienet tfisser il-ħolqien ta' riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa, din mhijiex iġġustifikata għall-Qorti tal-Awdituri. Fi ftit żmien bdiet ħidma ta' regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni ta' EDF bejn il-kumpanija u l-awtoritajiet superviżorji.

(27)

Fl-1997, EDF kellha fil-kontijiet tagħha żewġ tipi ta' riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG: ir-riżervi li kienu għadhom ma ntużawx u li kienu jammontaw għal FRF 38,5 biljun u d-drittijiet tal-konċessjonant, li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet ta' tiġdid diġà effettwati, u li jammontaw għal FRF 18,345 biljun.

1.3.   IR-RIKLASSIFIKAZZJONI TAR-RIŻERVI KONTABBLI

(28)

Il-Liġi Nru 97-1026 iċċarat l-istatus tal-beni li jikkostitiwixxu l-RAG. Fl-Artikolu 4 tagħha, din il-Liġi tipprovdi:

“I.

Ix-xogħlijiet tan-netwerk ta' provvista ġenerali tal-elettriku huma meqjusa bħala l-proprjetà ta' Electricité de France minn meta ngħatatilha l-konċessjoni ta' dan in-netwerk.

II-

Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' I, fl-1 ta' Jannar 1997, il-valur korrispondenti tal-beni in natura mogħtija b'konċessjoni għan-netwerk ta' provvista ġenerali li jidher fil-passiv tal-karta bilanċjali ta' Electricité de France huwa rreġistrat, nett mid-differenzjali ta' rivalutazzjoni korrispondenti, fl-entrata ‘Injezzjonijiet ta' kapital’ (…).”

(29)

Ir-rikors għal-liġi kien meħtieġ għal kull eżerċizzju li jikkonċerna l-kapital ta' EDF. Fil-fatt, fil-verżjoni fis-seħħ tagħha fl-1997, l-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46-628 kien jipprovdi li l-kapital ta' EDF ma kienx trasferibbli u kien proprjetà tal-poplu. Għalhekk, l-injezzjonijiet ta' kapital ta' EDF li jirriżultaw mir-riklassifikazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid tal-RAG kienu jaqgħu taħt il-liġi tad-dritt Franċiż.

(30)

Il-Liġi Nru 97-1026 tistabbilixxi l-proprjetà tal-assi tal-RAG. Għaldaqstant il-karta tal-bilanċ ta' EDF ġiet riorganizzata bil-Liġi Nru 97-1026. Ir-riżervi magħmula minn EDF bejn l-1987 u l-1996 għat-tiġdid tal-RAG bl-għan li dawn l-assi jintraddu lura lill-Istat, kemm jekk użati kif ukoll jekk le, kienu irrilevanti jekk il-beni tal-RAG kienu meqjusa proprjetà ta' EDF.

(31)

Ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija, tas-Segretarju tal-Istat għall-Baġit u tas-Segretarju tal-Istat għall-Industrija, indirizzata lil EDF fit-22 ta' Diċembru 1997 (minn hawn 'il quddiem “l-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija”), tispjega fl-Anness 1 tagħha r-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026:

“—

Riklassifikazzjoni tad-‘drittijiet tal-konċedent’ (F 18 345 563 605):

Konsolidazzjoni f'injezzjonijiet ta' kapital tal-valur korrispondenti tal-beni in natura tal-RAG mogħtija b'konċessjoni li tammonta għal FRF 14 119 065 335.

Raggruppament tad-differenzjali ta' rivalutazzjoni tal-RAG tal-1959 (MF 2 425) u tal-1976 (assi fissi mhux deprezzabbli: 97 MF) bl-entrata ‘Differenzjali ta' rivalutazzjoni RAG’, li l-ammont tagħhom tela' għalhekk minn MF 1 720 għal MF 4 145.

Raggruppament tar-riżervi regolati relatati mar-rivalutazzjoni tal-assi fissi deprezzabbli tal-1976 (MF 1 704), bl-entrata titla' minn MF 877 għal MF 2 581.

Riklassifikazzjoni tar-riżervi għat-tiġdid li ma baqgħux ġustifikati (F 38 520 943 408 F) għar-riport mill-ġdid, skont il-parir tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità Nru 97-06 tat-18 ta' Ġunju 1997 dwar il-bidliet fil-kontabilità”.

(32)

Bħala parti mir-riorganizzazzjoni tal-karta bilanċjali ta' EDF, l-awtoritajiet Franċiżi segwew il-parir Nru 97-06 tat-18 ta' Ġunju 1997 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità, dwar il-bidliet fil-metodi tal-kontabilità, bidliet fl-estimi, bidliet fl-għażliet ta' taxxa u korrezzjonijiet ta' żbalji (“il-parir tal-Kunsill nazzjonali tal-kontabilità”), li jistabbilixxi li l-korrezzjonijiet ta' żbalji tal-kontabilità li, min-natura tagħhom stess, jirrigwardaw il-kontabilità ta' tranżazzjonijiet passati, “huma rikonoxxuti fid-dikjarazzjoni tad-dħul tas-sena finanzjarja li matulha jkunu nstabu”.

(33)

Skont il-Liġi Nru 97-1026 u l-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, id-differenzjali tar-rivalutazzjoni ġew trasferiti fl-intestatura “Kapital proprju” ħielsa mit-taxxa, peress li kienu jikkorrispondu għal gwadanji ta' rivalutazzjoni magħmulin b'eżenzjoni mit-taxxa jew taħt skema ta' newtralità fiskali wara l-liġijiet ta' rivalutazzjoni tal-1959 u tal-1976.

1.4.   L-IMPATT FISKALI TAR-RIKLASSIFIKAZZJONI TAR-RIŻERVI KONTABBLI

(34)

L-Anness 3 tal-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija jistabbilixxi wkoll il-konsegwenzi fiskali tar-riorganizzazzjoni tal-karta bilanċjali ta' EDF. Ġiet osservata varjazzjoni tal-assi netti bir-riklassifikazzjoni tar-riżervi mhux użati għat-tiġdid, li jammontaw għal FRF 38,5 biljun, fir-riport mill-ġdid, u soġġetta għat-taxxa fuq il-kumpaniji bir-rata ta' 41,66 % applikabbli fl-1997. Għalhekk, ir-riżervi li mhux użati u li kienu jammontaw għal FRF 38,5 biljun ġew intaxxati normalment mill-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu, il-parti tar-riżervi magħmula wkoll b'eżenzjoni mit-taxxa u kkonsolidata bħala injezzjoni ta' kapital li tikkorrispondi għad-drittijiet tal-konċedent, ma ġietx intaxxata.

(35)

Nota mid-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tad-9 ta' April 2002, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, tindika li “id-drittijiet tal-konċedent relatati mal-RAG jirrappreżentaw dejn mhux dovut li l-inkorporazzjoni fil-kapital ħelset mit-taxxa b'mod mhux iġġustifikat” u li “din ir-riżerva, qabel ġiet inkorporata fil-kapital, kellha tiġi trasferita mill-passiv tal-istituzzjoni fejn ma kellhiex tidher f'kont ta' pożizzjoni netta li jwassal għal varjazzjoni pożittiva tal-assi netti taxxabbli skont l-Artikolu 38-2” tal-Kodiċi ġenerali tat-Taxxa. Huma jinnotaw li “il-vantaġġ f'taxxi li rriżulta b'dan il-mod [fl-1997 minn EDF] jista' jkun stmat għal F 5,88 biljun (14,119 × 41,66 %)”.

2.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(36)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħolqien irregolari ta' riżervi addizzjonali għat-tiġdid tal-RAG matul il-perjodu 1987-1996 kien iffavorixxa lil EDF skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Dan l-eżerċizzju kien taha vantaġġ ekonomiku selettiv minħabba d-differenza bejn il-valur kapitalizzat tat-taxxa fuq il-kumpaniji mhux imħallsa fuq ir-riżervi matul l-istess perjodu u l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpaniji mħallas minn EDF fl-1997, wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026.

(37)

Minkejja l-fatt li fi Franza EDF kienet twettaq attivitajiet fuq għadd ta' swieq soġġetti għal drittijiet ta' monopolju qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li lliberalizzat is-settur tal-elettriku, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni favur EDF kienu fixklu jew heddu li jfixklu l-kompetizzjoni u affettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Dan kien jirriżulta b'mod partikolari mill-fatt li, minkejja d-drittijiet esklussivi li kienet tgawdi minnhom EDF fit-twettiq ta' ċerti attivitajiet fi Franza, kien hemm xorta ċertu grad ta' kummerċ bejn l-Istati Membri f'dawn is-swieq. Barra minn hekk, kienet teżisti kompetizzjoni ħielsa fis-swieq relatati fejn EDF kienet diġà iddiversifikat l-attivitajiet tagħha lil hinn mill-ambitu tad-drittijiet esklussivi tagħha, kemm mil-lat ġeografiku kif ukoll mil-lat settorjali. Dawn l-effetti kienu diġà preżenti ferm qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku.

(38)

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li din kienet għajnuna ġdida li, f'dan l-istadju, ma kinitx tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE, kienu ssodisfati. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux invokaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE.

3.   IL-KUMMENTI TA' PARTI TERZA INTERESSATA

(39)

Permezz tal-ittra tas-6 ta' Jannar 2003, l-Unjoni Nazzjonali tal-Produtturi Indipendenti tal-Elettriku Termali (Syndicat National des Producteurs Indépendants d'Electricité Thermique — SNPIET) issottomettiet kummenti lill-Kummissjoni bħala parti mill-proċedura ta' investigazzjoni formali. Skont dawn il-kummenti, f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji fl-1997, fuq parti mir-riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG, EDF ma rrispettatx, fl-attivitajiet tagħha, ir-regoli applikabbli għall-kumpaniji industrijali u kummerċjali, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-Liġi Nru 46-628 tat-8 ta' April 1946.

4.   IL-KUMMENTI TA' FRANZA FUQ ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(40)

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni permezz tal-ittra tal-11 ta' Diċembru 2002. Huma jikkontestaw il-karattru ta' għajnuna mill-Istat tan-nuqqas ta' ħlas, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpanija fuq parti mir-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG.

(41)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi jikkontestaw l-ammont tar-riżervi għat-tiġdid tal-RAG invokat mill-Kummissjoni. Imbagħad l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li, anki fin-nuqqas ta' riżervi għat-tiġdid tal-RAG, EDF ma kinitx tkun kapaċi tħallas it-taxxa fuq il-kumpaniji mill-1987 sal-1996 minħabba d-differimenti tat-taxxa b'telf qawwi. Barra minn hekk, billi l-Istat huwa kemm proprjetarju ta' EDF u l-awtorità li kkonċediet l-RAG, l-awtoritajiet Franċiżi kkunsidraw li d-drittijiet tal-konċedent ma kinux jikkostitwixxu dejn realment pendenti għall-Istat. Għaldaqstant, meta sar ir-ristrutturar tal-karta bilanċjali fl-1997, huma assenjaw dawn id-drittijiet tal-konċedent lill-ekwità ta' EDF sabiex jikkoreġu s-sottokapitalizzazzjoni tagħha, iżda mingħajr ma ssottomettewhom għat-taxxa fuq il-kumpaniji.

(42)

L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li r-ristrutturar tal-kontabilità li sar fl-1997 jista' jitqies bħala injezzjoni addizzjonali ta' kapital f'ammont ekwivalenti għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa, li l-għan tagħha wkoll kien li tikkoreġi s-sottokapitalizzazzjoni. EDF u l-Istat xtaqu jassenjaw il-kważi ekwità f'kapital, eskluża t-taxxa fuq il-kumpaniji. Kien ikun ikkunsidrat iktar effiċjenti u newtrali li jallokaw direttament l-ammont kollu tad-drittijiet tal-konċedent f'ekwità minflok iwettqu l-eżerċizzju ekwivalenti li kien jikkonsisti f'li jallokaw f'kapital ammont nett wara t-taxxa fuq il-kumpaniji, jitolbu l-ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpaniji korrispondenti għall-varjazzjoni tal-assi netti, u finalment, jagħtu injezzjoni ta' kapital addizzjonali f'ammont ekwivalenti għat-taxxa mħallsa.

(43)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu li tali injezzjoni addizzjonali kienet iġġustifikata mill-prospetti ta' redditu offruti minn EDF fl-1997, li fil-fatt saru konkreti fis-snin sussegwenti. F'ċirkustanzi simili, skont l-awtoritajiet Franċiżi, investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jagħmel din il-kontribuzzjoni ta' kapital.

(44)

L-awtoritajiet Franċiżi jiċħdu wkoll li l-kumpens lill-Istat naqas indebitament mill-1987 sal-1996 wara l-ħolqien tar-riżervi inkwistjoni. Huma jindikaw li, anki kieku r-riżultat nett kien ogħla, il-kumpens lill-Istat ma kienx ikun ogħla peress li, f'dan il-perjodu, il-livell tal-kumpens ma kienx jikkorrispondi għal perċentwal predefinit tal-introjtu nett tal-kumpanija. Dan il-livell kien stabbilit b'mod liberu mill-Istat f'valur assolut u seta' ma jiġix iffissat skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija. Barra minn hekk, dan il-kumpens ma kienx neċessarjament impost fuq il-qligħ nett ta' kull sena finanzjarja. F'din il-perspettiva u minħabba t-telf riportat ta' EDF, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li mill-1987 sal-1996 l-Istat finalment ġabar dividend li l-livell tiegħu qabeż b'mod konsiderevoli l-limiti stabbiliti fil-liġi dwar il-kumpaniji.

(45)

L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw, barra minn hekk, li anki jekk il-ħolqien tar-riżervi għat-tiġdid tal-RAG kien irriżulta f'benefiċċju, dan għandu jitqies ikkanċellat miż-żieda fit-taxxa fuq il-kumpaniji mħallsa fl-1997. Huma jqisu wkoll li matul il-perjodu 1987-1996, EDF ħallset b'kollox lill-Istat ammont ikbar mit-taxxa fuq il-kumpaniji li kien ikollha tħallas kumpanija kummerċjali, li ma kienx jikkostitwixxi riżervi għat-tiġdid tal-RAG u li kien jagħti lill-azzjonist tagħha dividend ugwali għal 37,5 % tad-dħul nett wara t-taxxa.

(46)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li kieku kellha tiġi stabbilita l-eżistenza ta' benefiċċju inġust, dan ikun għajnuna eżistenti, u mhux għajnuna ġdida, minħabba l-preskrizzjoni ta' għaxar snin stabbilita mill-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill (10), u li tiddekorri mill-għoti tal-ewwel elementi ta' għajnuna. Peress li l-ewwel talba għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni ġġib id-data tal-10 ta' Lulju 2001, kwalunkwe element ta' għajnuna mogħti qabel l-1991 huwa preskritt. L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-intervent tal-leġiżlatur fl-1997 ma kellux l-effett li jinterrompi din il-preskrizzjoni, peress li miżuri tal-Kummissjoni biss jistgħu jkollhom dan l-effett. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu fl-aħħar nett li fi kwalunkwe każ din hija għajnuna eżistenti, peress li din ingħatat qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku.

(47)

Fl-ittra tagħhom tal-20 ta' Novembru 2003, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru l-argumenti tagħhom rigward id-differenzjali tar-rivalutazzjoni inklużi fl-ammont tad-drittijiet tal-konċedent li jidher fil-kontijiet tal-kumpanija u rigward l-applikazzjoni tar-regola ta' preskrizzjoni. Barra minn hekk, huma jsostnu li r-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji li kellha tkun applikata għar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF hija dik tal-1996 (rata ta' 36,67 %), u mhux tal-1997 (rata ta' 41,66 %). Fil-fatt, huma jikkunsidraw li dan ir-ristrutturar sar fuq il-bażi ta' dikjarazzjoni tat-taxxa ppreżentata fit-23 ta' Diċembru 1997, jiġifieri wara l-għeluq tas-sena finanzjarja 1996 iżda qabel dak tas-sena finanzjarja 1997.

(48)

Għalhekk l-awtoritajiet Franċiżi ma jaqblux mal-Kummissjoni li tgħid li EDF ibbenefikat minn vantaġġ fl-1997 minħabba li ma ħallsitx taxxa fuq il-kumpaniji fuq parti mir-riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG.

5.   IS-SENTENZI TAL-QRATI TAL-UNJONI EWROPEA

(49)

Fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Diċembru 2009, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2003, minħabba li kellha tkun il-Kummissjoni li tivverifika jekk investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kienx jagħmel investiment ta' ammont simili f'ċirkustanzi simili. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk l-eżerċizzju kienx jissodisfa l-kriterju tal-investitur privat. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta' liġi u kisret l-Artikolu 107 tat-TFUE.

(50)

Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b'mod partikolari li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk l-Istat allokax kapital f'ċirkustanzi korrispondenti għall-kundizzjonijiet normali tas-suq kien jeżisti irrispettivament mill-mod kif il-kapital kien ġie injettat ma kienet ivvizzjata mill-ebda żball ta' liġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kriterju tal-investitur privat jista' jkun applikabbli anki f'każ fejn intużaw mezzi ta' natura fiskali, ukoll mhijiex ivvizzjata minn ebda żball ta' liġi.

6.   ID-DEĊIŻJONI TAL-ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(51)

B'konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2003, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 266 tat-TFUE u tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 biex tagħlaq il-proċedura u tikkonforma mal-punti ta' dritt stabbiliti b'mod definittiv mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi d-deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2003 ġiet annullata, il-Kummissjoni kellha teżamina mill-ġdid il-kwistjonijiet relatati mal-Artikoli 3 u 4 ta' din id-deċiżjoni.

(52)

Minn naħa, la l-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kienu ddeċidew li d-deċiżjoni tal-ftuħ kienet ivvizzjata minn xi irregolarità. Din tista' għaldaqstant tintuża bħala l-bażi għal deċiżjoni finali ġdida. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b'mod ċar kriterji ta' applikabbiltà u ta' applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma bbażati, b'mod partikolari, fuq l-eżistenza ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li juru li d-deċiżjoni tal-Istat Membru kienet li jinvesti fil-kumpanija pubblika kkontrollata, abbażi ta' evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien iwettaq, qabel l-investiment, sabiex jiddetermina r-redditu futur tiegħu (11).

(53)

Fid-deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni nnutat li, f'dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva, l-ebda evidenza, prova jew dokument ma appoġġja l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li r-riforma tal-kontabilità tal-1997 hija ekwivalenti għal injezzjoni ta' kapital addizzjonali f'ammont ugwali għall-eżenzjoni parzjali mit-taxxa. Kuntrarjament għall-kummenti tal-awtoritajiet Franċiżi, lanqas ma kien jidher li tali injezzjoni ta' kapital addizzjonali mhijiex għajnuna iżda investiment li investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jagħmel f'ċirkustanzi simili, iġġustifikat mill-prospetti ta' redditu offruti minn EDF fl-1997, li mbagħad saru konkreti fis-snin sussegwenti.

(54)

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni ta' estensjoni, il-Kummissjoni spjegat, fid-dawl tal-informazzjoni u d-dokumenti disponibbli, l-analiżi preliminari tagħha tal-vantaġġ ekonomiku eventwali li rriżulta min-nuqqas ta' ħlas minn EDF, fl-1997, tat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq il-parti tar-riżervi li tikkorrispondi għal FRF 14,119-il biljun fi drittijiet tal-konċedent riklassifikati bħala injezzjonijiet ta' kapital.

(55)

F'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni globali tal-fatti tal-każ dehret tindika li din il-miżura kienet taqa' taħt l-awtorità pubblika, u b'hekk tneħħi l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat. Fil-fatt, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu pprovdew ebda informazzjoni jew pjan ta' negozju qabel jew fl-istess waqt tad-deċiżjoni li ma jiġbrux taxxi mingħand EDF, li juri r-redditu ta' tali eżerċizzju. Minn perspettiva materjali, rigward il-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni nnutat li kien xieraq li Franza tistabbilixxi d-data tad-dokumenti pprovduti kif ukoll il-prova li kienu ġew eżaminati mill-Ministri u l-uffiċjali kompetenti u l-assembleji tal-Parlament qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

(56)

Fin-nuqqas ta' dawn l-elementi, għall-kuntrarju, huwa fl-eżerċizzju tas-setgħa fiskali li Franza dehret li rriservat trattament fiskali derogatorju għar-ristrutturar tal-finanzjament tal-ekwità ta' EDF, f'dak li jirrigwarda r-riklassifikazzjoni tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent prevista fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026. Ebda dispożizzjoni baġitarja speċifika ma kienet tassenja minn qabel din ir-riżorsa fiskali lil EDF, u lanqas ma kienu ġew implimentati xi regoli jew kontrolli fuq l-investimenti sabiex jipprovdu bażi legali għall-investiment allegat.

(57)

Bl-istess mod, fid-deċiżjoni ta' estensjoni tagħha, il-Kummissjoni nnutat, sussidjarjament li, anki kieku l-prinċipju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq kien ikun applikabbli, l-applikazzjoni tal-prinċipju kienet twassal għall-konklużjoni f'dan l-istadju li investitur privat ma kienx jinvesti FRF 5,88 biljun fl-injezzjoni ta' kapital ta' EDF fl-1997. Fin-nuqqas ta' elementi mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, kien jidher impossibbli li azzjonist privat f'ċirkustanzi normali tas-suq kien jagħmel l-allegat investiment mingħajr ma jkun eżamina qabel studji oġġettivi u affidabbli magħmulin preferibbilment minn konsulent fl-investimenti terz imparzjali, minflok, pereżempju, mill-impriża benefiċjarja, li juru, fost l-oħrajn, ir-rendiment fuq il-kapital investit, l-orizzont tar-rendiment fuq l-investiment u r-riskji intrinsiċi f'termini assoluti u relattivi għall-iskemi ta' kumpens marbuta ma' investiment bħal dan.

(58)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni żiedet mal-fatturi li investitur privat prudenti kien jeżamina qabel ma jikkommetti l-fondi tiegħu, l-inċertezza dwar l-ammont u l-evoluzzjoni tal-ispejjeż ta' finanzjament tal-pensjonijiet li EDF kellha tħabbat wiċċha magħhom fl-1997, skont l-iskema speċifika tagħha, u l-valutazzjoni tagħha li investitur seta' jagħmel dak iż-żmien.

(59)

F'dawn il-kundizzjonijiet, l-eżenzjoni parzjali mit-taxxa fuq il-kumpaniji fl-1997 ma kinitx tidher bħala investiment produttiv min-naħa tal-Istat azzjonist iżda pjuttost bħala miżura derogatorja fiskali li setgħet tat vantaġġ ekonomiku lil EDF.

(60)

Deher ukoll li n-nuqqas ta' ġbir tat-taxxa fuq il-kumpaniji dovuta minn EDF kien jinvolvi riżorsi tal-Istat u seta' jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, u b'hekk kien jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet l-oħrajn għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(61)

Fin-nuqqas ta' bażi legali li tippermettilha tiġġustifika l-kompatibbiltà ta' għajnuna operattiva li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' EDF vis-à-vis il-kompetituri tagħha mas-suq intern, il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta' Mejju 2013, rigward il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. Dubji simili kienu diġà tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

7.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

(62)

Permezz tal-ittra tad-29 ta' Lulju 2013, EDF ippreżentat kummenti dwar id-deċiżjoni ta' estensjoni. EDF tinvoka tliet kritiki ewlenin għar-raġunament żviluppat f'din id-deċiżjoni: i) id-deċiżjoni tinjora l-lezzjonijiet tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tinjora n-natura vera tar-rikapitalizzazzjoni ta' EDF implimentata mill-Istat, ii) id-deċiżjoni hija eċċessivament formalistika meta tissupponi b'mod żbaljat li jeħtieġ pjan ta' negozju għall-investiment meta r-rikapitalizzazzjoni hija r-riżultat ta' riflessjoni ippjanata sew kif juru diversi dokumenti ta' dak iż-żmien u iii) id-deċiżjoni tissupponi, mingħajr prova, li l-ebda investitur li jsib ruħu fl-eqreb sitwazzjoni tal-Istat ma kien jagħmel investiment simili, kuntrarjament għall-fatti li EDF tipprovdi b'appoġġ għall-kummenti tagħha.

(63)

Għal EDF, il-Kummissjoni kompliet tanalizza l-miżura adottata mill-Istat Franċiż fl-1997 mil-lenti tal-allegati effetti tat-taxxa tagħha biss, meta l-Qorti Ġenerali ċaħdet biċ-ċar dan l-approċċ. Kif qalet il-Qorti Ġenerali, il-miżura implimentata mill-Istat, meta kklassifika mill-ġdid id-drittijiet tal-konċedent f'injezzjonijiet ta' kapital, tikkostitwixxi eżerċizzju ta' rikapitalizzazzjoni ta' EDF maħsub biex jikkoreġi l-iżbilanċ tal-karta bilanċjali ta' EDF minħabba l-ftuħ tas-swieq tal-enerġija għall-kompetizzjoni. L-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija tat-22 ta' Diċembru 1997 ma tinkludix deċiżjoni fiskali differenti mil-liġi tal-1997, iżda sservi biex tistabbilixxi l-implikazzjonijiet fiskali tagħha. Hija din il-miżura ta' rikapitalizzazzjoni, waħda u indiviżibbli, li teħtieġ li tiġi eżaminata u mhux allegati implikazzjonijiet fiskali li huma artifiċjalment separati minnha fid-deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura ta' investigazzjoni formali.

(64)

Skont EDF, pjan tan-negozju speċifiku għall-investiment mhuwiex meħtieġ mil-liġi, li ma tistabbilixxi l-ebda formaliżmu fir-rigward iżda teħtieġ elementi oġġettivi u verifikabbli preċedenti jew kontemporanji għall-miżura eżaminata. Barra minn hekk, tali pjan ta' negozju ma kienx essenzjali għall-Istat fl-1997. Dan kellu ħames rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi ta' EDF, kellu l-kapital kollu ta' EDF mill-1946 sal-epoka tal-fatti, kien jaf perfettament l-impriża u kien imsieħeb fil-ġestjoni tagħha u fid-determinazzjoni tad-direzzjoni strateġika tagħha, f'perspettiva fit-tul. Skont EDF tali perspettiva fit-tul hija partikolarment rilevanti fil-każ ta' EDF minħabba l-intensità tal-kapital tal-attività tagħha u l-ħajja operattiva twila tal-impjanti fuq diversi għexieren ta' snin, minn 30 sa 75 sena f'ċerti każijiet.

(65)

Għal EDF, huwa bħala azzjonist u mhux bħala awtorità pubblika li l-Istat, kif evidenzjat minn diversi dokumenti ta' dik l-epoka, wettaq l-investiment fuq il-bażi ta' analiżi u ta' valutazzjonijiet prospettivi preċiżi. Għalhekk, mill-1995 apparentement bdiet il-ħidma li għaqqdet lil EDF u l-ministeri superviżorji tagħha biex jeżaminaw il-konsegwenzi tal-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri, imsemmija fil-premessa 26. Din il-ħidma ffukat l-iktar fuq ir-riorganizzazzjoni tal-karta bilanċjali tal-kumpanija u fuq ir-redditu tal-kapital. Hija wasslet għall-iffirmar tal-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF għall-perjodu ta' bejn l-1997 u s-sena 2000 fit-8 ta' April 1997 u għall-preżentazzjoni fl-istess ħin, fit-2 ta' April 1997, ta' abbozz ta' liġi li tinkludi diversi dispożizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji u li l-Artikolu 45 tagħha kien jirrepeti eżatt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026. Il-ħidma preparatorja tal-Assemblea u tas-Senat, u saħansitra, il-liġi nfisha, juru, skont EDF, li n-natura tal-intervent tal-Istat hija dik ta' azzjonist: injezzjoni ta' kapital li tirrikapitalizza lil EDF.

(66)

Kif allegatament jindikaw madwar erbgħin dokument tal-epoka li EDF inkludiet mal-kitbiet tagħha, fl-analiżijiet u r-riflessjonijiet tiegħu, l-Istat kien iggwidat minn erba' kwistjonijiet ewlenin:

li jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest kompetittiv ġdid tal-ftuħ gradwali tas-swieq wara d-Direttiva 96/92/KE;

li jinnormalizza r-relazzjonijiet finanzjarji tiegħu ma' EDF fuq bażi ta' liġi komuni billi jtemm kwalunkwe ambigwità li setgħet eżistiet fil-passat;

li jindirizza l-iżbilanċ sinifikanti li kien qiegħed jaffettwa l-istruttura tal-karta bilanċjali ta' EDF billi jsaħħaħ l-ekwità tagħha;

li jiffaċilita l-analoġiji internazzjonali biex iżid il-kredibbiltà tal-kumpanija fost il-komunità finanzjarja.

(67)

Fl-aħħar nett, għal EDF, il-kriterju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq mhux biss huwa applikabbli minħabba l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iżda huwa wkoll issodisfat f'dan il-każ peress li l-Istat aġixxa bl-istess mod kif kien jaġixxi investitur privat. Għal EDF, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (il-punti 78 u 89 tas-sentenza), jeħtieġ li jkun iddeterminat jekk EDF setgħetx tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat f'ċirkustanzi normali tas-suq u jekk dan ifixkilx, jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni minħabba l-effetti tiegħu.

(68)

Diversi dokumenti ta' dak iż-żmien juru għal darb'oħra li l-Istat eżamina sewwa u kkwantifika r-redditu tal-investiment tiegħu, kif kien jagħmel investitur azzjonist uniku tal-impriża u bl-iżvilupp ta' perspettiva fit-tul. Huwa fuq din il-bażi li ġie stabbilit il-kumpens tal-Istat fil-kuntratt ta' negozju ta' EDF 1997-2000, liema kumpens dak iż-żmien kien konformi mal-kumpensi tal-azzjonisti ta' kumpaniji komparabbli. Għalhekk l-istimi tal-ammonti li EDF kellha tħallas lill-Istat mill-1997 sas-sena 2000 ġew eżaminati minn dan tal-aħħar qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

(69)

Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha ta' Lulju 2013, EDF aċċennat għal studju kkummissjonat lil Oxera, li ma kienx għadu lest meta EDF issottomettiet il-kummenti tagħha. EDF allegat li l-istudju ta' Oxera kellu jqabbel ir-rata ta' redditu intern mistenni mill-investiment tal-Istat fl-1997 u dik meħtieġa mis-swieq kapitali għal investiment simili u juri li investitur privat kien iwettaq l-investiment fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratt ta' negozju 1997-2000.

(70)

Fit-18 ta' Ottubru 2013, EDF bagħtet dan l-istudju ta' Oxera lill-Kummissjoni, li jġib id-data tal-15 ta' Ottubru 2013 (12), mingħajr kummenti oħrajn. Kif kienet antiċipat EDF fil-kummenti tagħha ta' Lulju 2013, l-istudju Oxera jikkonkludi li investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jinvesti fiż-żieda tal-ammont ta' injezzjonijiet ta' kapital lil EDF. Din il-konklużjoni tirriżulta mill-fatt li r-redditu (ir-rata ta' rendiment intern) li tali investitur seta' jittama li jkollu fl-1997 kien fil-medda ta' bejn 35 % u 15 % u ta' 27 % bħala medja fil-ħames snin sussegwenti, fi kwalunkwe każ ogħla mir-redditu ta' 12,7 % li tali investitur kien jitlob. Ir-rendiment huwa kkalkulat b'kont meħud tal-valur, fil-bidu u fi tmiem il-perjodu, tal-bejgħ tad-drittijiet li l-Istat kellu f'EDF.

(71)

EDF tqis li, apparti d-dgħufija tal-ekwità, il-pedamenti ekonomiċi ta' EDF kienu sodi fl-1997, kif osservaw l-analisti ta' dik l-epoka, li ma esprimewx dubji dwar il-vijabbiltà finanzjarja jew il-prospetti kummerċjali tagħha meta l-Istat għamel l-investiment tiegħu. Il-klassifikazzjoni finanzjarja ta' EDF kienet eċċellenti (Aaa għal Moody's bejn l-1992 u l-1997, AAA għal Standard & Poor's fl-1996-1997) u kienet tibqa' hekk anki kieku kien ikun jeħtieġ li titbaxxa xi grad jew tnejn biex tiġi kkunsidrata l-garanzija tal-Istat li kienet tgawdi minnha EDF bħala stabbiliment pubbliku industrijali jew kummerċjali. Skont diversi dokumenti ta' dak iż-żmien il-livell ta' kumpens lill-Istat Franċiż minn EDF kien komparabbli mar-rata ta' rendiment f'dividendi tal-kumpaniji tas-CAC40 (4,5 % sa 5 % tal-kapital) kif ukoll tal-impriżi attivi fis-settur tal-enerġija fl-Ewropa (4,7 % u 5,27 % stmati rispettivament għall-1996 u l-1997). Dan juri wkoll li EDF setgħet kisbet l-istess ammont ta' kapital fuq is-suq kapitali, b'tali mod li l-miżura ma kinitx tali li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni, minħabba l-effetti tagħha.

(72)

B'mod partikolari, EDF tqis li investitur privat, detentur tal-kapital kollu ta' sussidjarja, kien ikun kapaċi jagħmel investiment simili, f'kundizzjonijiet simili, fl-imsemmija sussidjarja, billi jikkonverti f'kapital pretensjoni ta' kwalunkwe tip li kellu fuqha. Din l-analiżi kienet appoġġjata minn opinjoni legali maħruġa fuq talba ta' EDF. Meta fittex li jirrimedja struttura finanzjarja sproporzjonata bid-dgħufija tal-ekwità b'paragun mad-dejn finanzjarju, l-Istat għen ukoll lill-impriża tikkompeti ma' operaturi kbar oħrajn tas-settur fl-Unjoni. Dan l-istess azzjonist ma kienx iħalli xjentement żbilanċ konsiderevoli jippersisti fil-karta bilanċjali ta' sussidjarja tiegħu b'pedamenti ekonomiċi sodi, meta kellu mezz faċli biex jirrimedja dan l-iżbilanċ, jiġifieri l-konverżjoni ta' pretensjoni f'kapital.

(73)

Għal EDF, huwa għalhekk raġonevoli li wieħed jaħseb li investitur privat li jsib ruħu fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, jiġifieri azzjonist 100 % tal-kumpanija, bl-iżvilupp ta' perspettiva fit-tul, f'suq ferm kapitalista li kien wasal biex jinfetaħ għall-kompetizzjoni, kien iwettaq dan l-investiment.

8.   IL-KUMMENTI TA' FRANZA DWAR ID-DEĊIŻJONI TA' ESTENSJONI TAL-PROĊEDURA

(74)

L-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw, primarjament, li l-Istat aġixxa bħala investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq meta kklassifika mill-ġdid b'eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji d-drittijiet tal-konċedent f'injezzjonijiet ta' kapital lil EDF. Huma jqisu li, kuntrarjament għall-preżentazzjoni magħmula fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura tas-16 ta' Ottubru 2002 u fid-deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura tat-2 ta' Mejju 2013, il-miżura li l-Kummissjoni għandha tanalizza hija miżura unika ta' rikapitalizzazzjoni ta' EDF permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 9-1026 u mhux dik tal-għoti ta' eżenzjoni mit-taxxa relatata mar-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent f'injezzjoni ta' kapital, li hija separabbli mit-termini tal-imsemmija liġi. Huma jibbażaw fuq l-informazzjoni ppreżentata f'numru ta' dokumenti tal-1996 u tal-1997 annessi mal-kummenti tagħhom, li jappoġġjaw u jikkorroboraw, fil-fehma tagħhom, din l-affermazzjoni. Dawn id-dokumenti huma msemmija fil-premessi 87 sa 108. Għall-awtoritajiet Franċiżi, dokumenti oħrajn sottomessi minn EDF ukoll jappoġġjaw il-kummenti ta' Franza.

(75)

Sussidjarjament, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li huma jikkontestaw l-ammont tal-għajnuna u jtennu l-kummenti tagħhom tal-20 ta' Novembru 2003 li r-rata tat-taxxa li għandha tiġi applikata għall-imsemmija taxxa għandha tkun dik tal-1996 u mhux dik tal-1997, kif espost fil-premessa 47.

Dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq

(76)

L-awtoritajiet Franċiżi jikkontestaw li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni tirriżulta mill-kwalità ta' awtorità pubblika ta' Franza, li jrendi inapplikabbli l-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq. Huma jqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġx li l-Istat Membru jippreżenta pjan ta' negozju reali rigward il-miżura inkwistjoni.

(77)

F'dan ir-rigward, huma jfakkru, l-ewwel nett, li fl-1997 EDF kienet stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali mqiegħed taħt it-tutela tal-Istat li, minħabba f'hekk, kellu għarfien sħiħ tal-kumpanija kif ukoll tal-istrateġija industrijali tagħha u tal-prospetti finanzjarji tagħha. Huma jqisu għalhekk li l-preżentazzjoni ta' informazzjoni u valutazzjonijiet li kellu l-Istat qabel ma ħa l-miżura inkwistjoni li juru r-redditu tal-investiment hija ammissibbli. Il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi globali li fiha tinkludi fost l-oħrajn dawn l-elementi kif ukoll kwalunkwe element rilevanti ieħor.

(78)

It-tieni nett, minħabba n-natura u l-iskop tal-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-Istat aġixxa fil-kapaċità tiegħu ta' azzjonist meta ta eżenzjoni mit-taxxa għar-riklassifikazzjoni tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent. B'hekk, din il-liġi kienet preċeduta mill-iffirmar fit-8 ta' April 1997 tal-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF għall-perjodu ta' bejn l-1997 u s-sena 2000, li l-implimentazzjoni tiegħu kienet tippresupponi l-adozzjoni ta' miżuri leġiżlattivi ta' ristrutturar tal-karta bilanċjali tagħha. Preċedentement, f'ittra tat-12 ta' Lulju 1996, l-awtoritajiet superviżorji kienu nnotifikaw lil EDF li dan il-kuntratt kellu jistabbilixxi mira ambizzjuża għal EDF ta' kumpens lill-Istat. Iżda t-Titolu III tal-kuntratt kien jipprovdi kumpens lill-Istat minn żewġ elementi: i) kumpens tal-injezzjonijiet f'kapital b'rata fissa ta' 3 % u ii) kumpens addizzjonali ugwali għal 40 % tad-dħul nett tal-karta bilanċjali ta' EDF, iżda l-ammont ikkombinat taż-żewġ elementi ma setax ikun ogħla minn 6 % tal-ammont ta' injezzjonijiet ta' kapital.

(79)

Aktarx li l-Istat eżamina dan il-kumpens fil-forma ta' prospetti ta' dividendi, li aktarx ikkwantifika, f'dak li jirrigwarda l-kumpens supplimentari, għal FRF 3,5 biljun li setgħu jaslu sa FRF 6 biljun tul il-perjodu, kif tikkonferma ittra tat-22 ta' April 1997 mill-awtoritajiet superviżorji lil EDF. Din l-istima kienet ibbażata fuq il-prospetti ekonomiċi u finanzjarji li EDF kienet bagħtet lis-servizzi tal-Ministeru tal-Finanzi fid-19 ta' Frar 1997 u fuq is-suppożizzjonijiet tal-kuntratt ta' negozju. Ir-rapport ta' Settembru 1997 tar-relatur lis-Senat dwar il-Liġi Nru 97-1026 kien jinkludi wkoll analiżijiet mis-servizzi tal-Ministeru dwar l-impatt mistenni fuq il-kumpens lill-Istat azzjonist għall-1998, jiġifieri, FRF 2,6 biljun li minnhom FRF 1,5 biljun imgħax fiss u FRF 1,1 biljun f'kumpens addizzjonali. L-Istat għalhekk aktarx li stma l-projezzjonijiet futuri tal-kumpens qabel adotta l-miżura inkwistjoni, bħal kull azzjonist li jixtieq jieħu sehem fiż-żieda tal-kapital tal-kumpanija tiegħu.

(80)

It-tielet, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li r-riklassifikazzjoni tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent u, b'mod iktar wiesa', ir-ristrutturar tal-karta tal-bilanċ ta' EDF u t-tisħiħ tal-ekwità kienu jtaffu d-dgħufija tal-istruttura finanzjarja tal-kumpanija. Kieku din id-dgħufija ppersistiet, EDF aktarx kien ikollha tiffaċċja żieda fir-rata tal-imgħax għad-dejn tagħha u diffikultà mal-imsieħba kummerċjali tagħha minħabba perċezzjoni negattiva tar-riskju tal-kontroparti. Dan it-tħassib ta' Stat azzjonist jirriżulta mill-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Artikolu 4 tal-abbozz tal-Liġi li wara sar il-Liġi Nru 97-1026, kif ukoll mid-diskors tal-Ministru kompetenti li ppreżenta l-abbozz tal-liġi quddiem is-Senat fit-2 ta' Ottubru 1997.

(81)

Ir-rapporti tad-deputat u tas-senatur relaturi dwar l-abbozz tal-liġi quddiem l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat rispettivament jinsistu wkoll fuq l-effett pożittiv tar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF fuq il-proporzjonijiet tad-dejn meta mqabbla mal-ekwità: l-ewwel rapport kien jikkunsidraha (FRF 24,2 biljun) insuffiċjenti meta mqabbla mad-dejn tas-self (FRF 131,9 biljun) u mal-assi netti (FRF 696,4 biljun); it-tisħiħ tal-ekwità jagħti lil EDF struttura tal-karta bilanċjali iktar konformi mar-realtà finanzjarja tagħha, filwaqt li jippermetti paraguni iktar rilevanti mal-kompetituri Ewropej; it-tieni rapport kien jinsisti wkoll fuq l-effett pożittiv għal EDF ta' kredibbiltà ikbar mal-komunità finanzjarja u mal-imsieħba potenzjali. Madankollu, għall-awtoritajiet Franċiżi, it-tisħiħ tal-istruttura finanzjarja ta' kumpanija jikkorrispondi għat-tħassib ta' investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq li jsib ruħu f'sitwazzjoni simili.

(82)

Minn dan jirriżulta, skont l-awtoritajiet Franċiżi, li t-test tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien tabilħaqq applikabbli peress li l-Istat aġixxa fil-kapaċità tiegħu ta' azzjonist meta kklassifika mill-ġdid b'eżenzjoni mit-taxxa r-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent f'injezzjonijiet ta' kapital lil EDF.

Dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq

(83)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li l-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF kien jipprovdi kumpens lill-Istat minn żewġ elementi: i) kumpens tal-injezzjonijiet f'kapital b'rata fissa ta' 3 % u ii) kumpens addizzjonali ugwali għal 40 % tad-dħul nett tal-karta bilanċjali ta' EDF, li juri li l-Istat kellu informazzjoni fuq ir-redditu mistenni mil-kapital investit. Kif jixhed ukoll ir-rapport imsemmi qabel tad-deputat tal-Assemblea Nazzjonali, minħabba l-eżistenza ta' rata fissa fuq l-injezzjonijiet ta' kapital, ir-riklassifikazzjoni f'kapital tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent kellha l-effett li żżid f'valur assolut il-kumpens lill-Istat, minħabba t-twessigħ tal-bażi tat-taxxa.

(84)

Imbagħad, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li r-redditu tal-investiment f'EDF fl-1997 kellu jkun ikkunsidrat f'perspettiva fit-tul fir-rigward tal-pagamenti futuri lill-Istat u fid-dawl taż-żieda tal-valur tal-kumpanija. Madankollu mad-dħul nett wara t-taxxa u l-kumpens lill-Istat pożittivi (FRF 1,4 biljun minbarra FRF 2,5 biljun fl-1998 f'kumpens tal-Istat), tiżdied ġenerazzjoni ta' riżorsi kbar ta' kważi FRF 70 biljun matul il-perjodu 1997-2000, kif kien jipprovdi l-kuntratt ta' negozju. Kif enfasizzat fl-ittra ta' EDF tad-19 ta' Frar 1997, l-Istat kien tabilħaqq stabbilixxa mira ta' żieda fil-valur finanzjarju tal-kumpanija kkalkulata f'dan l-ammont u li tirriżulta mit-tnaqqis tad-dejn, il-bini ta' assi u ta' investimenti ta' żvilupp, li pprovdew prospetti ta' żieda fil-valur tal-kapital ta' EDF.

(85)

Fl-aħħar nett, fil-valutazzjoni tar-riskji tal-investiment, l-Istat azzjonist ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-attività ewlenija ta' EDF li kienet tiżvolġi l-iktar fi Franza, billi bbaża fuq prinċipju ta' prezzijiet irregolati li kellhom ikopru l-ispejjeż tal-kumpanija. Dawn il-karatteristiċi jnaqqsu r-riskju assoċjat mal-investiment u, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' redditu. Nota ta' EDF tas-27 ta' Lulju 1996, mibgħuta lis-Senat fil-15 ta' Settembru 1997, turi barra minn hekk li l-kumpensi tal-azzjonisti f'impriżi barranin kienu jvarjaw b'mod sinifikanti skont l-ambjent istituzzjonali u regolatorju tas-settur f'kull pajjiż.

(86)

Minn dan jirriżulta, skont l-awtoritajiet Franċiżi, li l-Istat ġab ruħu bħal investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq meta kklassifika mill-ġdid il-provvedimenti tad-drittijiet tal-konċedent f'injezzjonijiet ta' kapital mingħajr ġbir ta' taxxa fuq il-kumpaniji. Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-kummenti ta' EDF, inklużi l-istudji u l-analiżijiet li fuqhom huma bbażati, u esposti fil-premessi 62 sa 73. B'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-istudju ekonomiku ta' Oxera mibgħut minn EDF, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-istess analiżi sabiex tiddetermina jekk ir-rikapitalizzazzjoni ta' EDF mill-Istat fl-1997 għandhiex jew le il-karattru ta' investiment prudenti.

Id-dokumenti mibgħuta minn Franza insostenn tal-kummenti tagħha

(87)

Insostenn tat-tweġiba tagħhom għad-deċiżjoni ta' estensjoni, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu disa' dokumenti lill-Kummissjoni, annessi għall-kummenti tagħhom tal-1 ta' Lulju 2013. Dawn id-disa' dokumenti huma ppreżentati insostenn tal-affermazzjoni tagħhom, li diġà kienet ġiet ippreżentata fil-kummenti tagħhom tal-11 ta' Diċembru 2002, li injezzjoni ulterjuri ta' kapital ekwivalenti għad-dħul mit-taxxa mhux miġbura kienet iġġustifikata mill-prospetti ta' redditu offruti minn EDF fl-1997, li fil-fatt saru konkreti fis-snin sussegwenti. Mingħajr preġudizzju għall-elementi mressqa minn Franza fil-kummenti tagħha, jeħtieġ li ssir analiżi sistematika tal-elementi prinċipali li jinsabu f'dawn id-dokumenti.

(88)

Id-dokumenti jirrigwardaw kemm it-tħejjija jew it-twettiq tal-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF għall-perjodu ta' bejn l-1997 u s-sena 2000, kif ukoll id-diskussjoni tal-abbozz ta' liġi li wara sar il-Liġi Nru 97-1026. Dawn huma dokumenti li jġibu dati ta' bejn l-1996 u l-1997 u għalhekk kontemporanji għall-allegata deċiżjoni ta' investiment. B'mod iktar konkret, dawn id-dokumenti huma l-kuntratt ta' negozju 1997-2000 (13), ittri mingħand il-Ministri superviżorji lill-kumpanija (14), ittri mill-kumpanija lill-amministrazzjonijiet tal-ministeru jew tas-Senat (15) u dokumenti u żewġ rapport tal-Assemblea Nazzjonali u tas-Senat bi tħejjija għad-diskussjoni dwar l-abbozz ta' liġi (16). Il-kontenut tad-dokumenti jkompli jiġi ċċarat hawn taħt.

(89)

Permezz ta' ittra tat-12 ta' Lulju 1996 lill-President ta' EDF, il-Ministri superviżorji urew is-sodisfazzjon tagħhom dwar ir-riżultati tal-kuntratt ta' pjan 1993-1996 bejn EDF u l-Istat u, minħabba l-iskadenza fil-31 ta' Diċembru 1996, bdew it-tħejjija tal-kuntratt ta' pjan 1997-2000. Barra minn hekk, l-ittra tispeċifika li d-definizzjoni tal-bilanċi finanzjarji tal-kuntratt ta' pjan 1997-2000 kellha tkun parti minn qafas ġdid li jinnormalizza s-sitwazzjoni tal-kontijiet u tat-taxxa ta' EDF, wara x-xogħlijiet imwettqa mill-1995. Din l-ittra kienet titlob li jibdew ix-xogħlijiet u d-diskussjonijiet bejn is-servizzi responsabbli u EDF, filwaqt li informat lill-kumpanija dwar it-tliet għanijiet ewlenin li kellhom jiġu inklużi fil-kuntratt futur.

l-ewwel, il-Ministri kienu qegħdin jitolbu li: “Il-qligħ mill-produttività li tagħmel il-kumpanija għandu jgħinha tkompli l-politika tagħha ta' tnaqqis tat-tariffi, li jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-industrija Franċiża u għat-tkabbir tal-kapaċità tal-akkwist tal-konsumatur intern”;

fl-istess ħin EDF kellha tibqa' tipprova tnaqqas id-dejn u tistabbilixxi mira ambizzjuża ta' kumpens lill-Istat, permezz ta' mekkaniżmu li jinkludi inċentiv għal EDF li ttejjeb ir-riżultati tagħha;

fl-aħħar nett, il-kuntratt ta' pjan kellu wkoll jistabbilixxi d-direzzjonijiet strateġiċi tal-iżvilupp ta' EDF f'livell internazzjonali, billi jorganizza l-prijoritajiet.

(90)

Waqt ix-xogħlijiet ta' tħejjija tal-kuntratt, fid-19 ta' Frar 1997, id-Direttur Finanzjarju ta' EDF bagħat lid-Dipartiment tat-Teżor nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997. In-nota kienet tinkludi s-suppożizzjonijiet prinċipali tax-xenarju finanzjarju assoċjat mal-kuntratt ta' negozju bejn EDF u l-Istat għall-perjodu ta' bejn l-1997 u s-sena 2000, li jinkludi fost l-oħrajn ir-rapporti tal-introjtu annwali u t-tabelli ta' finanzjament proġettati għall-perjodu.

(91)

In-nota kienet tipprovdi ċaqliq 'l isfel fit-tariffi kull sena (– […] (*) %, – […] %, – […] %, – […] %), investimenti industrijali ta' żvilupp ta' FRF […], li minnhom FRF […] fuq livell internazzjonali, u investimenti ta' FRF […] fl-attività prinċipali matul il-perjodu 1997-2000. Jissemma wkoll kumpens fiskalment deduċibbli mill-injezzjonijiet ta' kapital ta' 3 % fuq bażi tat-taxxa stmata għal FRF 50 biljun wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali u ta' 40 % mid-dħul wara l-parti fissa ta' kumpens u taxxa fuq il-kumpaniji. Id-dejn fi tmiem is-sena kellu jgħaddi minn FRF […] fl-aħħar tal-1996 għal FRF […] fl-aħħar tas-sena 2000. Bl-istess mod, il-bilanċ tad-dejn nieqes l-assi kellu jgħaddi minn FRF […] fl-aħħar tal-1996 għal FRF […] fl-aħħar tas-sena 2000.

(92)

Fost id-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi annessi mal-kummenti tagħhom, in-nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997 mibgħuta l-għada lill-awtoritajiet superviżorji hija l-unika waħda li fiha previżjonijiet u projezzjonijiet sistematiċi u kwantitattivi tar-riżultati ekonomiċi u finanzjarji tal-operat ta' EDF. Fuq il-bażi ta' dawn il-previżjonijiet ta' Frar 1997, l-Istat azzjonist seta' jistenna kumpens mill-kapital investit ta' FRF 2,1 biljun fl-1997, 2,5 biljuni fl-1998, 2,4 biljuni fl-1999 u 2,4 biljuni fl-2000, jiġifieri medja ta' FRF 2,35 biljun fis-sena. Ir-rapport tal-introjtu proġettat ta' EDF 1997-2000 li deher fin-nota, kien kif ġej:

Tabella 1

Rapport tal-Introjtu proġettat ta' EDF 1997-2000 (biljun FRF kurrenti)

 

1997

1998

1999

2000

Introjtu

186,3

184,2

185,7

187,5

Spejjeż

177,0

177,2

179,1

180,9

fosthom fjuwil u xiri ta' enerġija

36,9

36,8

37,8

38,5

fosthom spejjeż tal-operat

88,3

91,2

93,6

95,7

Introjtu mill-attività prinċipali

9,3

7,0

6,6

6,6

Introjtu qabel il-kumpens tal-Istat

6,8

6,5

6,1

6,1

Kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital

1,5

1,5

1,5

1,5

Kumpens addizzjonali

0,6

1,0

0,9

0,9

Taxxa fuq il-kumpaniji

3,9

2,6

2,4

2,3

Profitt/Telf nett

0,9

1,4

1,3

1,4

Sors: Nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997“Kuntratt ta' Negozju — Prospetti Ekonomiċi-Finanzjarji”

(93)

Kif intqal fin-nota ta' EDF, il-kumpens imħallas lill-Istat kien fiskalment deduċibbli. Din hija deroga mill-prinċipju li t-taxxa fuq il-kumpaniji tinġabar minn fuq l-introjtu tal-kumpanija wara d-deprezzament u l-imgħaxijiet, li jnaqqas l-introjtu nett u, allura, l-ammont eventwalment destinat għall-ħlas tad-dividendi. Din id-deroga ad hoc setgħet iżżid il-kumpens imħallas lill-Istat azzjonist iżda kienet tnaqqas daqstant it-taxxa li kellha titħallas lill-Istat kollettur. Fit-tweġiba tagħhom tat-23 ta' Diċembru 2013, l-awtoritajiet Franċiżi jiddikjaraw li l-kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital ġie assimilat għal dividend ta' dritt komuni mill-2001 u, għaldaqstant, il-kumpens ma baqax fiskalment deduċibbli. Din ir-regola ta' assimilazzjoni ġiet applikata għall-kuntratt tal-grupp bejn EDF u l-Istat għall-perjodu 2001-2003, li segwa l-kuntratt 1997-2000.

(94)

Fit-8 ta' April 1997, ġie konkluż u ffirmat kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF għall-perjodu 1997-2000 mill-Ministri superviżorji u l-President u Direttur Ġenerali ta' EDF. Il-kuntratt kien jispeċifika d-direzzjoni ewlenija li EDF kellha tagħti lill-attività tagħha fuq żmien medju, kien jinkludi l-impenji reċiproċi tal-firmatarji u kien ifakkar li dawn l-impenji kienu meħuda skont assunzjonijiet bażiċi ta' referenza wisgħin u setgħu jkunu kkontestati biss permezz ta' bidla sinifikanti fl-ambjent tal-kumpanija. Il-kuntratt kien jinkludi impenji differenti taħt tliet titoli: it-tiġdid tal-kompiti fundamentali tal-kumpanija pubblika (Titolu I), it-tħejjija llum tal-futur tal-kumpanija (Titolu II) u l-inklużjoni tal-kumpanija f'qafas finanzjarju u istituzzjonali rinnovat (Titolu III). Żewġ annessi għall-kuntratt kienu jagħtu dettalji tal-indikaturi ta' prestazzjoni osservati għall-implimentazzjoni (Anness I) u ċ-ċaqliq tat-tariffi previst fis-sena bejn l-1997 u s-sena 2000 (Anness II).

(95)

L-impenji u d-direzzjoni prinċipali stipulati fil-kuntratt fir-rigward tas-suġġett ta' din id-deċiżjoni huma elenkati hawn taħt, jiġifieri:

L-Istat tenna r-rieda tiegħu li jżomm l-istatus tal-kumpanija li, fost elementi oħrajn, kienet tat prova tal-effikaċja tagħha u kellha tibqa' referenza stabbli fl-iżviluppi futuri, kif kienet tippermetti d-Direttiva tal-UE dwar l-organizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku (17). Min-naħa tagħha, EDF kellha tinvolvi ruħha fl-ippjanar tat-territorju u fis-solidarjetà nazzjonali, fosthom billi timplimenta politika ambizzjuża sabiex issostni l-attività ekonomika u l-impjiegi billi toffri s-servizz tagħha lill-awtoritajiet lokali biex tgħinhom joħolqu impjiegi u billi ttejjeb is-sitwazzjoni tal-klijenti l-iktar fil-bżonn tagħha (Titolu I);

l-iżvilupp ta' EDF kellu jippromwovi “it-tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji Franċiżi”; b'hekk il-qligħ tal-produttività li l-kumpanija impenjat ruħha għalih kellu jkun allokat l-ewwel għat-tnaqqis tal-livell medju tal-prezzijiet tagħha. L-aġġustamenti tat-tariffi kellhom iwasslu għal tnaqqis medju kostanti fi franki ta' […] % f'April 1997, […] % f'April 1998 imbagħad […] % f'April 1999 u […] % f'April 2000. Fl-istess waqt, l-iżvilupp ta' EDF kellu jkun immirat biex tirbaħ swieq ġodda b'enfasi partikolari fuq l-Ewropa (Titolu II);

il-karta bilanċjali ta' EDF kellha tiġi ristrutturata bl-għan doppju li ssaħħaħ is-sitwazzjoni netta tal-kumpanija u tistabbilizza r-relazzjoni finanzjarja mal-Istat fuq bażi eqreb tal-liġi komuni; u l-gvern kien jimpenja ruħu li jressaq quddiem il-Parlament miżura leġiżlattiva li tirristruttura l-karta bilanċjali ta' EDF fl-1997, bid-data effettiva għar-ristrutturar tal-1 ta' Jannar 1997. Il-kuntratt kien jipprovdi kumpens lill-Istat azzjonist magħmul minn żewġ elementi: kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital b'rata ta' imgħax ta' 3 % u kumpens addizzjonali ugwali għal 40 % tal-introjtu nett, b'iffissar ta' limitu massimu tat-total tal-komponenti tiegħu għal 6 % tal-ammont tal-injezzjonijiet f'kapital, li ma jinkludix kwantifikazzjoni approssimata f'valur assolut tal-ammonti previsti. Barra minn hekk, għall-perjodu 1997-2000, EDF kellha timpenja ruħha b'mod partikolari biex tiddedika FRF […] f'investimenti industrijali f'livell internazzjonali, biex tnaqqas id-dejn gross tagħha għal FRF […] fl-aħħar tas-sena 2000 billi tnaqqsu bi FRF […] biex tidħol fi trajjetorja li tgħinha tasal għal dejn żero sat-tiġdid tal-park ta' produzzjoni. Fl-aħħar nett, il-kuntratt kien jipprovdi li jekk l-għanijiet jinqabżu u jirriżulta eċċess ta' riżorsi dawn kellhom ikunu allokati “l-ewwel nett għal tnaqqis addizzjonali fit-tariffi”, qabel il-kumpens lill-Istat azzjonist jew il-qsim tal-profitti mal-persunal tal-kumpanija (Titolu III).

(96)

Ittra tat-22 ta' April 1997 mingħand il-Ministri kofirmatarji tal-kuntratt ta' negozju lill-President ta' EDF tikkonferma l-karattru konsenswali u finali tas-suppożizzjonijiet ta' referenza u tal-projezzjonijiet finanzjarji li jinsabu fin-nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997 li fuqhom kien ibbażat il-kuntratt ta' negozju 1997-2000. Fil-fatt, l-ittra tirreferi espressament għall-konsultazzjoni minn qabel bejn EDF u l-awtoritajiet pubbliċi fit-tfassil tax-xenarju finanzjarju. Hija ttenni l-għan ta' tnaqqis medju ta' […] % tat-tariffi ta' EDF f'erba' snin.

(97)

L-ittra tat-22 ta' April 1997 issemmi d-dispożizzjonijiet tad-digriet emendat tal-14 ta' Mejju 1956 u l-arranġamenti ta' kumpens imħallas lill-Istat imfakkra fit-Titolu III tal-kuntratt ta' negozju. B'mod koerenti ma' dawn id-dispożizzjonijiet, l-ittra tispeċifika li “jirriżulta mix-xenarju ta' referenza ammont ta' kumpens addizzjonali ta' FRF 3,5 biljun matul il-perjodu” 1997-2000 u li dawn il-kundizzjonijiet kienu jagħmluha possibbli li jintlaħaq ammont totali ta' pagamenti lill-Istat ta' FRF 5,1 biljun fl-1997, inkluż l-imgħax fiss u d-depożitu fuq it-taxxa fuq il-kumpaniji. Dawn l-ammonti jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fin-nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997. Il-korrispondenza tal-ammonti ta' kumpens addizzjonali ikkalkulat fuq l-introjtu tal-kumpanija tikkorrobora li l-ammonti ta' kwalunkwe tip (dħul, spejjeż, introjtu nett, eċċ.) previsti fil-kont tal-estimi tal-ġenerazzjoni tal-introjtu ta' EDF għall-perjodu 1997-2000 ġew eżaminati, ikkonvalidati u aċċettati mill-awtoritajiet superviżorji.

(98)

L-ittra tal-Ministri superviżorji tat-22 ta' April 1997 tenfasizza wkoll li l-bilanċi l-kbar tal-kuntratt kienu jaqgħu taħt il-qafas kontabilistiku u fiskali tar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF, li kellu jidħol fis-seħħ, soġġett għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi meħtieġa, fl-1 ta' Jannar 1997. F'dan ir-rigward, l-ittra tispeċifika li “r-regoli dettaljati tal-implimentazzjoni ta' dan ir-ristrutturar, kemm fil-livell ta' kontabilità kif ukoll fil-livell fiskali, sejrin ikunu soġġetti għal skambji addizzjonali bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-kumpanija, fuq il-bażi tal-iskema deċiża”.

(99)

Fil-fatt, ftit qabel din l-ittra, il-gvern kien ippreżenta lill-Assemblea Nazzjonali abbozz ta' liġi adottat mill-Kunsill tal-Ministri fil-5 ta' April 1997 dwar diversi dispożizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li għalihom l-Artikolu 45 kien jipprovdi r-riklassifikazzjoni tar-riżervi kontabbli ta' EDF. In-nota spjegattiva ta' dan l-abbozz kienet tispjega li l-aġġustamenti kontabilistiċi previsti kienu jippermettu lil EDF li jkollha karta bilanċjali iktar konformi mas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha, b'livell ta' ekwità proporzjonat mal-volum ta' attività tagħha. L-abbozz ta' liġi ma ġiex eżaminat minħabba x-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali, li seħħ fil-21 ta' April 1997.

(100)

Wara li ntbagħat l-abbozz ta' liġi dwar miżuri urġenti fiskali u finanzjarji sussegwentement adotatti bħala l-Liġi Nru 97-1026 lill-Parlament, l-Assemblea Nazzjonali u s-Senat ħatru r-relaturi tagħhom. Ir-rapport Nru 204 tal-Assemblea Nazzjonali jiddeskrivi l-isfond wara l-ħtieġa li jiġi ċċarat l-istatus ekonomiku tax-xogħlijiet ta' trasport tal-elettriku ta' EDF, li jannulla l-prattiki kontabilistiċi kkontestati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-Rapport partikolari tagħha dwar il-konċessjonijiet ta' EDF Nru 1993 tal-10 ta' Ottubru 1994. Huwa jispjega l-emendi ta' kontabilità li sejrin ikunu meħtieġa u jipprovdi stimi kwantitattivi tal-konsegwenzi tagħhom fuq id-diversi entrati tal-karta bilanċjali kif ġej:

Tabella 2

Effetti tar-riorganizzazzjoni tal-ekwità ta' EDF li tirriżulta mill-Artikolu 4 tal-Liġi MUFF fuq il-kontijiet tal-1996 (FRF biljuni)

 

Fl-aħħar tal-1996

Effett tal-Artikolu

Ekwità

24,2

79,8

li minnhom (partiti ta' passiv):

 

 

Kapital

2,6

2,6

Injezzjonijiet ta' kapital

36,6

50,7

Differenzjali ta' rivalutazzjoni

2,1

6,2

Riżervi regolatorji

0,15

0,15

Riport mill-ġdid (18)

20,2

18,3

Introjtu tas-sena finanzjarja wara l-kumpens tal-Istat

1,9

1,9

Sors: Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi.

(101)

Ir-rapport tal-Assemblea Nazzjonali jenfasizza l-effetti tal-abbozz tal-liġi biex jagħmel iktar rilevanti t-tqabbil mal-proporzjonijiet ta' dejn ta' kompetituri Ewropej oħrajn (l-Awstrija, il-Gran Brittanja, l-Isvezja, Spanja, il-Ġermanja): wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali, il-proporzjon tad-dejn nett/tal-ekwità ta' EDF minn 480 % isir 148 %.

(102)

Barra minn hekk, ir-rapport tal-Assemblea Nazzjonali jenfasizza t-tibdiliet fir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF. Huwa jispjega l-iskema legali u l-kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital lil EDF, irregolati mid-Digriet Nru 56-493 tal-14 ta' Mejju 1956, emendat bid-Digriet Nru 86-1360 tat-30 ta' Diċembru 1986. Din l-iskema kienet tipprovdi kumpens f'rata fissa limitata għal 8 % u kumpens addizzjonali fuq l-introjtu ta' EDF wara t-taxxa u imgħax fiss. Il-pagamenti li għamlet EDF għall-perjodu bejn l-1991 u l-1996 ippreżentati fir-rapport laħqu medja ta' FRF 3,41 biljun fis-sena matul dan il-perjodu; rapportati fl-ekwità fl-aħħar tal-1996, dawn il-pagamenti pproduċew redditu kurrenti medju ta' 14,1 % għall-Istat azzjonist (19); dawn il-pagamenti huma miġbura fil-qosor fit-tabella ta' hawn taħt:

Tabella 3

Relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF (f'miljuni ta' FRF kurrenti)

 

1991

1992

1993

1994

1995

1996

Imgħaxijiet fuq l-injezzjonijiet ta' kapital (BG — linja 407)

1 816

1 816

1 816

1 816

1 816

1 816

Kumpens addizzjonali tal-injezzjonijiet ta' kapital (BG — linja 116)

500

665

965

1 938

1 500

4 002

Total

2 316

2 481

2 781

3 754

3 316

5 818

Sors: Rapport tal-Assemblea Nazzjonali p. 77, Kalkoli tal-Kummissjoni għat-“total”

(103)

Ir-rapport tal-Assemblea Nazzjonali jispeċifika, rigward l-emendi previsti fil-karta bilanċjali ta' EDF, li “billi l-injezzjonijiet ta' kapital jikkostitwixxu l-bażi tat-taxxa tal-imgħax fiss, iż-żieda tagħhom indotta minn dan l-Artikolu setgħet tkabbar it-taxxa fuq EDF. Hija għalhekk prevista emenda tal-kundizzjonijiet ta' kumpens tagħhom fil-kuntratt bejn l-Istat u l-kumpanija tal-1997-2000 iffirmat fit-8 ta' April 1997. Ir-rata ta' imgħax fissa hija mnaqqsa għal 3 % biex tikkumpensal-effett tal-bażi tat-taxxa”. Ir-rapport jgħid ukoll li minkejja l-benefiċċji mill-1990, EDF ma kinitx ħallset taxxa fuq il-kumpaniji u li ż-żieda fir-riżervi marbuta mal-konċessjoni tal-RAG tippermetti l-approvazzjoni tar-riporti mill-ġdid kontabilistiċi u fiskali b'telf akkumulat. Għalhekk, ir-rapport jgħid li, skont il-ministeru superviżorju, l-istabbiliment pubbliku (EDF) kellu jħallas FRF 3 biljun fl-1997 u FRF 2,5 biljun fl-1998 f'taxxa fuq il-kumpaniji.

(104)

Ir-rapport tal-Assemblea Nazzjonali jipproponi l-eżami ta' emenda Parlamentari fit-test tal-liġi ppreżentat u miċħud mill-Kummissjoni. L-emenda kellha tiċċara li r-riżervi kontabbli deklassifikati kellhom jiġu konvertiti f'ekwità b'entrata li ma tgħaddix mir-rapport tal-introjtu ta' EDF, b'mod li jiġi evitat li juri benefiċċju tant kbir li l-Istat jista' jitħajjar jiġbor parti minnu. Biex dan isir, l-emenda kienet tipprovdi li fil-liġi jiġi inkluż il-proċess tal-kontabilità u li jiġi speċifikat li ma tista' ssir l-ebda imposta addizzjonali mill-Istat fuq EDF meta tiġi trasferita s-sjieda tal-proprjetà tal-RAG. Ir-rapport jinnota li “L-inklużjoni tal-proċess kontabilistiku ta' tibdil tar-riżervi f'ekwità fil-liġi kienet ġiet miċħuda fuq talba tal-Kunsill tal-Istat, għaliex ma kinitx ta' natura leġiżlattiva”; fid-diskussjoni, ir-rapport jinnota diversi opinjonijiet parlamentari li jgħidu li l-Istat għandu jkun jista' jagħmel imposti oħrajn fuq EDF, il-kumpanija għandha tħallas it-taxxa fuq il-benefiċċji tagħha u li l-kwistjoni vera kienet “kemm kien sejjer jimponi l-Gvern fuq EDF u b'liema mod”.

(105)

Min-naħa tiegħu, ir-rapport tas-Senat ippreparat għad-diskussjoni tal-abbozz ta' liġi jispeċifika l-karattru mhux ġustifikat tal-ħolqien ta' riżervi kontabbli għat-tiġdid tal-proprjetà tal-RAG mill-1987. Id-diskors tal-Ministru responsabbli quddiem is-Senat fit-2 ta' Ottubru 1997, waqt il-preżentazzjoni tal-abbozz ta' liġi, jenfasizza n-natura “fittizja” mill-aspett fiskali tat-telf ta' EDF u tan-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji li kienu joħolqu dawn ir-riżervi. Il-Ministru assigura lis-Senat fid-diskors tiegħu dwar il-fatt li d-dispożittiv ma kienx jikkontesta l-monopolju li kellha EDF. Ir-rapport tas-Senat jippreżenta l-konsegwenzi tal-Artikolu eżaminat fuq l-intestaturi tal-karta bilanċjali ta' EDF, qabel u wara r-riklassifikazzjoni tar-riżervi, skont ċifri analogi għal dawk eżaminati fir-rapport tal-Assemblea Nazzjonali u murija fit-tabella 2 iktar 'il fuq. Ir-rapport jgħid li t-tindif tal-karta bilanċjali jiffaċilita t-tqabbil mal-karti bilanċjali tal-kompetituri ta' EDF; iżid il-kredibbiltà ta' EDF fost il-komunità finanzjarja, l-iktar peress li l-ispejjeż ta' negozjar mill-ġdid tad-dejn tagħha jiddependi b'mod partikolari fuq il-proporzjon tad-dejn nett u l-ekwità.

(106)

F'dak li jirrigwarda l-“kjarifika” tar-relazzjonijiet finanzjarji ta' EDF mal-Istat, ir-rapport tas-Senat jispeċifika li “bħala kumpens għad-dħul mit-taxxa li l-istabbiliment pubbliku issa sejjer jipprovdi lill-Istat, il-kuntratt ta' negozju ffirmat fit-8 ta' April 1997 għas-snin 1997 sa 2000 jipprovdi tnaqqis żgħir tal-pagamenti ta' EDF lill-Istat”. Bħala riżultat tal-imputazzjoni pożittiva tar-riżerva ta' FRF 38,5 biljun għat-tiġdid li kien jagħmel lil EDF responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji r-rapport tas-Senat jgħid li “ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u EDF ġew riveduti 'l isfel”.

(107)

Fl-aħħar nett, id-dokumenti l-oħrajn ippreżentati minn Franza jinkludu ittra ta' trażmissjoni tal-15 ta' Settembru 1997 mid-Dipartiment tal-Finanzi ta' EDF lill-amministrazzjoni tas-Senat. L-ittra ta' EDF kellha annessa tabella biċ-ċifri tal-effetti tal-Artikolu 4 tal-abbozz tal-liġi u l-effetti fuq il-karta bilanċjali, kopja tal-istruzzjoni tas-27 ta' Lulju 1993 dwar il-konċessjonijiet ta' distribuzzjoni tal-elettriku u nota interna ta' riflessjoni ta' EDF fuq l-esperjenzi barranin rigward il-kumpens tal-azzjonisti fis-settur tal-elettriku, li ġġib id-data tas-27 ta' Lulju 1996. Dan id-dokument jispjega l-prinċipji essenzjali applikabbli għall-kumpens tal-azzjonist, id-disparità u ċ-ċifri tar-redditu fil-każ ta' ċerti kumpaniji tas-settur: 60-80 % tal-benefiċċji lill-Istati Uniti, 40 % għal National Power u Power Gen, 78 % għal Union Fenosa u 30 % għal Endesa, li kienet akkwistat redditu għall-Istat Spanjol ta' 28 % fil-perjodu 1991-1996 minħabba d-dividendi u l-valutazzjoni tal-prezz tal-ishma.

(108)

Minkejja ż-żewġ dokumenti l-oħrajn li EDF bagħtet lis-Senat fl-ittra tagħha tal-15 ta' Settembru 1997, il-prinċipji, iċ-ċifri u l-applikazzjoni tagħhom għall-kumpens tal-azzjonist minn EDF ippreżentati fin-nota tas-27 ta' Lulju 1996 ma ġewx analizzati u lanqas inklużi fir-rapport tas-Senat. Minflok, ir-rapport tas-Senat jgħid, l-istess bħal dak tal-Assemblea Nazzjonali, li t-tnaqqis previst fil-kumpens li EDF għandha tħallas lill-Istat għall-injezzjonijiet ta' kapital magħmulin mill-Istat azzjonist sar: “biex jittieħed kont taż-żieda ta' injezzjonijiet ta' kapital li dan l-Artiklu kien maħsub li jinduċi”.

9.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI: L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(109)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprovdi li: “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. L-applikazzjoni ta' dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi għall-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija minn Franza lil EDF hija eżaminata hawn taħt.

9.1.   VANTAĠĠ SELETTIV LIL KUMPANIJA

(110)

Peress li l-Liġi Nru 97-1026 stabbilixxiet li EDF għandha titqies proprjetarja tal-RAG li tiegħu kienet ingħatat il-konċessjoni, jeħtieġ li jkun ivverifikat jekk din il-liġi tinvolvix trasferiment ta' proprjetà tal-RAG.

(111)

Skont l-informazzjoni li bagħtu l-awtoritajiet Franċiżi, EDF tista' raġonevolment titqies proprjetarja tal-RAG qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi msemmija. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-fatturi li ġejjin: il-karatteristiċi tad-diversi tipi ta' kuntratti ta' konċessjoni fid-dritt Franċiż, il-karatteristiċi speċjali tal-konċessjoni oriġinali lil EDF, li ma kinitx tinkludi klawżola preċiża ta' retroċessjoni, il-proċedura ta' akkwist tal-assi kkonċernati, li għalihom EDF kellha tħallas taxxa simili għal indennizz ta' esproprjazzjoni, u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-manutenzjoni u tal-iżvilupp tal-RAG bi spejjeż proprji ta' EDF. Għalhekk, il-“kjarifika” rigward il-proprjetà tal-RAG, ipprovduta mil-Liġi Nru 97-1026, ma tidhirx li fiha nfisha hija vantaġġ ekonomiku favur EDF.

(112)

Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat jekk il-Liġi Nru 97-1026 ikkunsidratx il-konsegwenzi fiskali kollha tal-kjarifika li hija toħloq rigward il-proprjetà tal-RAG u jekk, fl-ipoteżi li dan mhuwiex il-każ, kienx hemm vantaġġ ekonomiku ta' natura fiskali favur EDF.

9.1.1.   Ir-rinunzja tal-ġbir tat-taxxa dovuta minn EDF hija prima facie vantaġġ selettiv

(113)

Matul il-perjodu 1987-1996, EDF ħolqot riżervi b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG, li l-Qorti tal-Awdituri Franċiża enfasizzat l-irregolarità tagħhom. Peress li l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 iqis EDF proprjetarja tal-RAG irendi dawn ir-riżervi irrilevanti u dawn kellhom għalhekk jiġu riklassifikati f'entrati oħrajn tal-karta bilanċjali.

(114)

L-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, li tistabbilixxi l-konsegwenzi fiskali tar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF, turi li r-riżervi għat-tiġdid tal-RAG mhux użati ġew soġġetti mill-awtoritajiet Franċiżi għat-taxxa fuq il-kumpaniji bir-rata ta' 41,66 %, applikabbli fl-1997.

(115)

Għall-kuntrarju, il-porzjon ta' dawn ir-riżervi li jikkorrispondi għall-operazzjonijiet ta' tiġdid diġà mwettqa, imsejħa wkoll drittijiet tal-konċedent, ġiet riklassifikata bħala injezzjonijiet ta' kapital li jammontaw għal FRF 14,119-il biljun. Din ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi ma kinitx soġġetta għat-taxxa fuq il-kumpaniji. L-amministrazzjoni tat-taxxa tirrikonoxxi n-natura illegali ta' dan l-eżerċizzju, kif jirriżulta min-nota tad-Direttorat Ġenerali tat-Taxxi tad-9 ta' April 2002, indirizzata lill-Kummissjoni u riprodotta fil-premessa 35.

(116)

Skont l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità, il-korrezzjonijiet tal-iżball għandhom ikunu rikonoxxuti fid-dikjarazzjoni tad-dħul tas-sena finanzjarja li matulha jkunu nstabu. Min-naħa l-oħra, jekk ir-riżervi mhux użati li nħolqu b'eżenzjoni mit-taxxa u li jammontaw għal FRF 38,5 biljun kienu soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji bir-rata ta' 41,66 % fl-1997, ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva għalfejn il-porzjon tar-riżervi maħluqa b'eżenzjoni mit-taxxa ma ġiex intaxxat bl-istess rata.

(117)

Id-drittijiet tal-konċedent kellhom ikunu intaxxati fl-istess ħin u bl-istess rata tar-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa. Dan ifisser li l-FRF 14,119-il biljun ta' drittijiet tal-konċedent kellhom jiżdiedu mat-FRF 38,5 biljun f'riżervi mhux użati biex ikunu intaxxati bir-rata ta' 41,66 % applikata għar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF. Billi ma ħallsitx it-taxxa sħiħa fuq il-kumpaniji dovuta meta rristrutturat il-karta bilanċjali tagħha, EDF iffrankat FRF 5 882 849 762 f'taxxi dovuti.

(118)

Il-miżura tat-taxxa kellha effetti li jiffavorixxu lil EDF fl-1997, peress li l-ammont ta' FRF 5,88 biljun f'eżenzjoni mit-taxxa inklużi fl-ammont ta' FRF 14,119-il biljun kien irreġistrat fil-karta bilanċjali ta' EDF bħala drittijiet tal-konċedent, rikwalifikati mill-Istat fl-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 97-1026 b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 1997. Il-konsegwenzi fiskali tal-Liġi huma esposti fl-ittra tal-Ministru tal-Ekonomija, b'effett mill-istess data tal-1 ta' Jannar 1997.

(119)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li, anki fin-nuqqas ta' injezzjonijiet ta' riżervi għat-tiġdid tal-RAG, EDF ma kinitx tkun kapaċi tħallas it-taxxa fuq il-kumpaniji mill-1987 sal-1996 minħabba d-differimenti tat-taxxa b'telf. Dak l-argument ma għandux x'jaqsam mal-punt inkwistjoni. Il-vantaġġ fiskali jmur lura għall-1997, u mhux għas-snin preċedenti. Barra minn hekk, l-injezzjonijiet f'riżervi irregolari kkawżaw parzjalment id-differimenti tat-taxxa b'telf. Id-differimenti tat-taxxa kellhom gradwalment jgħibu mill-1987 sal-1996, b'mod li, fl-1997, l-ammont tat-taxxa dovut minn EDF kien ikun ferm ogħla milli kien, anki jekk ma jiġix ikkunsidrat in-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa għar-riklassifikazzjoni tad-drittijiet tal-konċedent.

(120)

L-awtoritajiet Franċiżi jqisu wkoll li jekk il-ħolqien tar-riżervi għat-tiġdid tal-RAG irriżulta f'vantaġġ, dan għandu jitqies newtralizzat biż-żieda tat-taxxa fuq il-kumpaniji mħallsa fl-1997. Madankollu, kif jindikaw l-awtoritajiet Franċiżi stess fin-nota tagħhom tad-9 ta' April 2002 riprodotta fil-premessa 35, għalkemm ir-riżervi għat-tiġdid mhux użati ġew intaxxati b'mod normali, id-drittijiet tal-konċedent ġew riklassifikati f'injezzjonijiet ta' kapital mingħajr ma ġew soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji. B'hekk, it-taxxa mħallsa minn EDF fl-1997 hija inferjuri għat-taxxa normalment dovuta.

(121)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu wkoll li fil-perjodu 1987-1996, EDF ħallset globalment lill-Istat ammont ogħla mit-taxxa fuq il-kumpaniji li kien ikollha tħallas kumpanija kummerċjali, li ma kienx joħloq riżorsi għat-tiġdid tal-RAG u li kienet tipprovdi lill-azzjonist tagħha dividend ugwali għal 37,5 % tal-introjtu nett wara t-taxxa. Barra minn hekk, ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji li kellha tiġi applikata għar-ristrutturar tal-karta tal-bilanċ ta' EDF hija dik tal-1996, u mhux dik tal-1997.

(122)

Minn naħa, kif indikat fil-premessi 32 u 116, il-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità jikkunsidra li l-iżbalji tal-kontabilità għandhom ikunu korretti waqt is-sena fiskali li matulha jiġu individwati. Minħabba li r-riżervi għat-tiġdid tal-RAG ma kienx għad baqgħalhom skop wara l-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997, huwa proprju fis-sena fiskali 1997 li kellhom jiġu riklassifikati, u allura intaxxati bir-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji applikabbli matul din is-sena fiskali. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi nfushom applikaw ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji tal-1997 għall-proporzjon tar-riżervi li ġie intaxxat, kif tfakkar fil-premessa 34.

(123)

In-nuqqas ta' ħlas ta' FRF 5 882 849 762 f'taxxa fuq il-kumpaniji minn EDF fl-1997, huwa benefiċċju ekonomiku għal din il-kumpanija. EDF setgħet tuża din is-somma biex issaħħaħ l-ekwità tagħha mingħajr ma tuża riżorsi finanzjarji esterni. Kieku t-taxxa dovuta kienet ġiet effettivament imħallsa u ż-żieda tal-ekwità kienet ġiet iffinanzjata mid-dħul operattiv tal-kumpanija, din kien ikollha tnaqqas l-ispejjeż tagħha, iżżid id-dħul tagħha jew tirrinunzja għal nefqiet ta' investiment. Bid-disponibbiltà tal-flus li kellhom jitħallsu lill-Istat Franċiż bħala taxxa fuq il-kumpaniji, EDF ibbenefikat minn miżura applikabbli għaliha biss u li ffavorixxietha meta mqabbla mal-kumpaniji Franċiżi l-oħrajn f'sitwazzjoni simili li kellhom iħallsu t-taxxa fuq il-kumpaniji għar-riklassifikazzjonijiet ta' riżervi indebiti, skont l-Artikolu 38-2 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa fis-seħħ fl-1997, kif inhu spjegat fil-premessa 35.

(124)

Madankollu, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta' Diċembru 2002, Franza invokat l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq. Kif indikat mill-qrati tal-Unjoni, b'mod partikolari fis-sentenzi tagħhom imsemmija fil-premessi 7 u 8, f'dan il-każ, injezzjoni f'kapital addizzjonali favur EDF li tikkorrispondi għat-taxxa dovuta ma tiffavorixxix lill-kumpanija li tgawdi minnha billi tagħtiha vantaġġ ekonomiku skont l-Artikolu 107(1) TFUE jekk jiġi stabbilit li azzjonist privat ipotetiku kien jinvesti f'EDF ammont ugwali, f'kundizzjonijiet u f'sitwazzjoni simili, skont il-kriterju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq.

(125)

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 99 tas-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012 imsemmija qabel, iddikjarat li, permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ippreġudikat l-applikabblità, f'dan il-każ, tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, u lanqas ir-riżultat tal-applikazzjoni eventwali ta' dan il-kriterju. Jeħtieġ għalhekk li jiġu eżaminati, suċċessivament, l-applikabbiltà u l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju għall-fatti tal-każ, speċjalment fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

9.1.2.   Dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq

(126)

Biex wieħed jistabbilixxi l-applikabbiltà eventwali tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, jeħtieġ li jkun stabbilit, bħala parti minn valutazzjoni ġenerali, jekk l-eżenzjoni mit-taxxa ngħatatx mir-Repubblika Franċiża bħala azzjonist jew bħala awtorità pubblika. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012 il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi diversi fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati f'din il-valutazzjoni globali. Dawn il-fatturi, diskussi f'iktar dettall hawn taħt għaċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, huma dawn li ġejjin:

huwa l-Istat Membru, f'każ ta' dubju, li jrid jistabbilixxi b'mod inekwivoku u fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalifika tiegħu ta' azzjonist (20); dawn l-elementi għandhom jindikaw b'mod ċar li l-Istat Membru kkonċernat ħa d-deċiżjoni li jinvesti, qabel jew fl-istess ħin tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, permezz tal-miżura effettivament implimentata, fil-kumpanija pubblika kkontrollata (21);

f'dan ir-rigward, jistgħu jkunu meħtieġa b'mod partikolari elementi li juru li d-deċiżjoni hija bbażata fuq valutazzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, kien jagħmel investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq fejn isib ruħu fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru, qabel ma jagħmel l-investiment, sabiex jiddetermina r-redditu futur ta' tali investiment (22); il-Kummissjoni tista' tirrifjuta li teżamina evidenza stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jsir l-investiment inkwistjoni (23);

f'dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti n-natura u l-iskop tal-miżura, il-kuntest li fih isseħħ, kif ukoll l-għan u r-regoli li għalihom il-miżura inkwistjoni hija soġġetta (24);

l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq għandha tgħin biex jiġi stabbilit jekk azzjonist privat kienx jikkontribwixxi, f'kundizzjonijiet simili, ammont ugwali għat-taxxa dovuta, lil kumpanija li ssib ruħha f'sitwazzjoni simili għal dik ta' EDF (25).

(127)

Fil-kummenti tagħhom tal-11 ta' Diċembru 2002 imsemmija fil-premessa 42, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li kien ikun iktar effettiv u newtrali għal EDF li talloka direttament l-ammont kollu tad-drittijiet tal-konċedent fl-ekwità, mingħajr ma tħallas taxxa fuq il-kumpaniji. Madankollu, l-ebda dokument preċedenti jew kontemporanju għall-allegata deċiżjoni li ma tinġabarx taxxa, mibgħut minn Franza jew minn EDF insostenn tal-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta' estensjoni tal-proċedura, ma jsemmi direttament jew indirettament l-allegata deċiżjoni ta' investiment, il-konsegwenzi, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha jew id-deċiżjoni simili li jiżdied l-ammont ta' injezzjonijiet f'kapital billi ma tinġabarx it-taxxa. Id-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi u msemmija fil-premessi 87 sa 108 ma jsemmux u, a fortiori, ma janalizzawx, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi għall-Istat tad-deċiżjoni li ma tinġabarx taxxa fuq il-kumpaniji fuq il-proporzjon tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent riklassifikat bħala injezzjonijiet ta' kapital lil EDF skont il-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Diċembru 1997.

(128)

Hija Franza, f'każ ta' dubji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, bħal dawk li fformulat il-Kummissjoni, li trid tistabbilixxi mingħajr ekwivoku u abbażi ta' elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalifika tagħha ta' azzjonist. Madankollu, fid-dawl tal-elementi pprovduti, jidher li d-deċiżjoni li jsir investiment billi ma tinġabarx it-taxxa dovuta fil-prinċipju minn EDF għandha titqies li ttieħdet b'mod taċitu, mingħajr att legali motivat li jgħin biex jintwera u jiġi vverifikat il-kontenut eżatt ta' din id-deċiżjoni, ir-raġunijiet warajha u l-bażi legali tagħha u minn liema awtorità kompetenti u f'liema data ttieħdet. Fid-dawl tal-elementi ssuġġeriti mill-Qorti tal-Ġustizzja biex tivverifika l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, jiġifieri, fost l-oħrajn, il-ħtieġa ta' elementi oġġettivi u verifikabbli, miżura effettivament implimentata jew valutazzjonijiet ekonomiċi preliminari, in-nuqqas ta' referenzi jew provi materjali għandu jitqies bħala l-ewwel indikazzjoni tan-nuqqas ta' applikabbiltà ta' dan il-prinċipju.

(129)

Fin-nuqqas ta' dokumenti li juru traċċi tad-deċiżjoni allegata, jeħtieġ li tiġi deskritta l-miżura eventwali ta' investiment li implimenta l-Istat Franċiż. F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq għandu jgħin biex jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jikkontribwixxi, f'kundizzjonijiet simili, FRF 5,88 biljun, lil kumpanija li ssib ruħha f'sitwazzjoni simili għal dik ta' EDF. Investiment minn Franza jimplika r-rinunzja tal-inkass ta' dan l-ammont biex jinkiseb qligħ li jaqbeż ir-riżorsi użati inizjalment. Għaldaqstant huwa b'referenza għall-ammont tat-taxxa fuq il-kumpaniji dovuta li jeħtieġ li ssir l-analiżi.

(130)

F'dan ir-rigward, in-nuqqas ta' studji, referenzi jew analiżijiet speċifiċi tal-profittabbiltà tal-investiment għall-ammont ta' eżenzjoni mit-taxxa jagħmilha diffiċli li wieħed jiżola l-effetti tal-investiment allegat fl-informazzjoni li bagħtu Franza u EDF. Din id-diffikultà mhijiex insormontabbli meta wieħed iqis, għall-finijiet tal-analiżi fil-maġġoranza tal-fatturi rilevanti għall-verifika tal-applikabbiltà u tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, li l-kontribuzzjoni eċċessiva ta' kapital lil EDF għall-ammont tat-taxxa mhux miġbura kienet tgawdi minn drittijiet marbuta mal-injezzjonijiet kollha. B'hekk, jekk l-injezzjonijiet kienu kkumpensati b'rata speċifika, din ir-rata kellha tkun, u fil-fatt ġiet, applikata għall-ammont ta' taxxa mhux miġbur. Madankollu f'każijiet fejn huwa l-effett marġinali jew inkrementali li jintgħażel, l-informazzjoni li bagħtet Franza jew EDF ma tispjegax mal-ewwel daqqa t'għajn l-effett taż-żieda tal-ammont tal-injezzjonijiet proporzjonalment għall-ammont tat-taxxa mhux miġbura.

(131)

In-nuqqas ta' ġbir tat-taxxa kellu l-effett li jżid l-injezzjoni ta' kapital lil EDF u, allura, l-ekwità ta' EDF għall-ammont ta' FRF 5,88 biljun addizzjonali, fl-ammont totali ta' FRF 14,119-il biljun ta' riżervi riklassifikati. Dawn ir-riżervi, li ma kinux jikkorrispondu għal kontribuzzjoni preċedenti ta' flejjes ġodda mill-Istat azzjonist, ġew riklassifikati bħala injezzjonijiet ta' kapital, li għaddew fl-entrata korrispondenti għall-finanzjament tal-ekwità ta' EDF, fost l-istrumenti azzjonarji l-oħrajn (kapital, injezzjonijiet, eċċ. — Tabella 2). Mingħajr l-eżenzjoni mit-taxxa, l-ekwità ta' EDF li kellha tilħaq FRF 79,8 biljun fl-1997, kienet tilħaq FRF 72,1 biljun, skont id-dokumenti eżaminati dak iż-żmien (il-premessa 100, Tabella 2). Minflok FRF 50,7 biljun, l-injezzjonijiet tal-Istat fil-kapital ta' EDF kienu jkunu ta' FRF 44,8 biljun.

L-allegata deċiżjoni ta' investiment: elementi ta' analiżi

(132)

L-ewwel nett, kif jindikaw l-awtoritajiet Franċiżi, peress li l-integrazzjoni tal-ammont tat-taxxa mhux imħallsa żiedet il-bażi tal-injezzjonijiet u li din kienet ikkumpensata b'rata fissa (3 %), il-valur assolut tal-kumpens tal-Istat żdied permezz tal-eżenzjoni jew in-nuqqas ta' ġbir ta' taxxa (il-premessa 83). Madankollu, iż-żieda tal-injezzjoni ta' kapital korrispondenti għall-eżenzjoni fiskali ma kinitx riflessa b'żieda relattiva tal-kumpens tal-Istat. Huwa ċar f'dan ir-rigward li l-kumpens tal-injezzjonijiet tal-Istat fil-kapital ta' EDF huwa previst mid-Digriet Nru 56-1360 tat-30 ta' Diċembru 1956 (il-premessi 18 u 103). Kumpensi, barra minn hekk differenti, kienu b'hekk ġew previsti fil-kuntratti ta' negozju li ppreċedew u segwew dak fis-seħħ għall-perjodu 1997-2000, kif jintwera fil-premessi 93 u 102. Il-prinċipju ta' kumpens kien diġà jeżisti qabel l-allegata deċiżjoni u baqa' jinżamm warajha.

(133)

Barra minn hekk, l-eżami tal-fatti juri li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni setgħet kellha l-effett li tnaqqas il-kumpens tal-investiment tal-Istat. Ir-rapport imħejji mill-Assemblea Nazzjonali f'Settembru 1997 juri biċ-ċar li ż-żieda fl-ammont totali tal-injezzjoni kkawżat tnaqqis tal-kumpens ta' din tal-aħħar biex ma “jiżdiedx il-piż tal-imposti fuq EDF” (il-premessa 103). Ir-rapport tas-Senat jikkorrobora dan it-tnaqqis mixtieq mill-awtoritajiet pubbliċi (il-premessa 108).

(134)

Bejn l-1991 u l-1996, EDF ikkumpensat aħjar lill-Istat għal bażi iktar baxxa ta' injezzjonijiet ta' kapital meta mqabbla ma' dak li kien ippjanat bejn l-1997 u s-sena 2000 għal bażi ogħla. Il-kumpens medju annwali f'valur assolut ta' FRF 3,41 biljun għall-perjodu 1991-1996 fejn l-ammont tal-injezzjonijiet kien ta' FRF 36,6 biljun kien ferm ogħla minn dak ta' FRF 2,35 biljun previsti għal bażi estiża għal FRF 50,7 biljun matul il-perjodu 1997-2000 (il-premessi 92 u 102-103, tabella 3). Minn dan jirriżulta li r-redditu marġinali kurrenti taż-żieda tal-injezzjoni ta' kapital li tammonta għal FRF 5,88 biljun mistenni għall-perjodu 1997-2000 mill-Istat azzjonist seta' għalhekk ikun analizzat bħal negattiv għall-perjodu 1991-1996.

(135)

Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi assiguraw li l-kumpens assolut u relattiv imħallas lill-Istat Franċiż għall-injezzjoni ta' kapital ikun baxx fil-valur assolut u fil-valur relattiv skont kemm tkun estiża l-bażi tal-injezzjoni, kif juru biċ-ċar ir-rapporti mħejjija mill-Assemblea Nazzjonali u mis-Senat. Minn dan isegwi li jekk jiżdied l-ammont tal-injezzjoni totali kkumpensata ferm inqas mill-injezzjoni eżistenti qabel il-Liġi Nru 97-1026, id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni mit-taxxa ma tidhirx li tikkostitwixxi investiment.

(136)

It-tieni, il-mod kif ġie ppjanat u stabbilit il-kumpens taż-żieda tal-injezzjonijiet ta' kapital mhuwiex dak li kien jagħżel investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq.

(137)

Fil-fatt, kif juru r-referenzi kemm fl-ittri tal-Ministri superviżorji kif ukoll fir-rapporti parlamentari msemmija fil-premessi 97, 103 u 106, fl-eżami tal-1997 tal-kumpens tal-Istat Franċiż wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF, l-awtoritajiet Franċiżi ħadu inkunsiderazzjoni kemm il-kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital dovut lill-Istat azzjonist stricto sensu kif ukoll l-ammont ta' taxxa mistenni li kien sejjer jirċievi l-Istat mill-1997 wara diversi snin ta' riporti fiskali negattivi dovuti lill-Istat fil-kapaċità tiegħu ta' awtorità pubblika fil-ġbir tat-taxxa. Kif muri fil-premessa 93, il-kumpens tal-injezzjonijiet kien, min-naħa tiegħu, deduċibbli mit-taxxa fuq il-kumpaniji, b'deroga mid-dritt komuni.

(138)

Il-kunċett eżaminat u vvalidat mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1997 kien għalhekk dak tal-ġbir globali fuq EDF, taxxa u kumpens tal-azzjonist akkumulati. L-ammont tat-taxxa globali imposta fuq EDF, anki lil hinn mill-eżenzjoni inkwistjoni, li jaqa' taħt il-prerogattivi tat-taxxa, u l-kumpens imħallas lill-Istat bħala azzjonist huma mħawdin fid-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi. Madankollu, fil-fehma tagħhom, dawn id-dokumenti juru l-eżistenza ta' deċiżjoni ta' investiment. Għall-kuntrarju, din il-kunsiderazzjoni kostanti tal-ħlas tat-taxxi dovuti minn EDF lill-Istat kollettur, inkluż permezz tar-regolarizzazzjoni u l-ikklerjar tat-taxxa mhux miġbura qabel il-Liġi Nru 97-1026 biex jiġi eżaminat u stabbilit il-kumpens tal-Istat azzjonist tindika li huwa permezz tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta' awtorità pubbliku u mhux ta' investitur, li ngħatat l-eżenzjoni mit-taxxa kkontestata.

(139)

Din l-indikazzjoni hija wkoll imsaħħa min-natura tal-miri stabbiliti għal EDF mill-Istat fl-1997 minħabba t-tħassib u l-għanijiet ta' awtorità pubblika, u mhux ta' azzjonist. Dan it-tħassib huwa evidenti fl-iffissar tat-tariffi ta' EDF, kif miftiehem fil-kuntratt ta' negozju għall-perjodu 1997-2000, li minnhom kien jiddependi l-kumpens tal-Istat azzjonist. Fil-fatt, l-Istat talab lil EDF tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Franċiża u għat-tisħiħ tas-setgħa ta' akkwist tal-familji Franċiżi. Dawn mhux biss huma kollha kunsiderazzjonijiet li ma kienx jagħmel investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, iżda saħansitra jmorru kontra l-interessi finanzjarji ta' dan l-investitur ipotetiku. L-istess japplika għall-għan stabbilit għal EDF fil-kuntratt ta' negozju 1997-2000 li timplimenta politika ambizzjuża biex tappoġġja l-attività ekonomika u l-impjiegi billi toffri s-servizz tagħha lill-awtoritajiet lokali (il-premessi 89 u 95).

Valutazzjonijiet ekonomiċi għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-redditu tal-investiment mistenni

(140)

Il-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF iffirmat fit-8 ta' April 1997 kien jinkludi valutazzjonijiet preliminari tax-xenarju finanzjarju, li fihom kienu inklużi previżjonijiet ta' ritorn fuq l-investiment f'injezzjonijiet ta' kapital lil EDF għall-Istat azzjonist (il-premessa 92). Dawn id-dokumenti u l-analiżijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi jirrigwardaw l-effetti mistennija tar-riklassifikazzjoni tar-riżervi kollha magħmula minn EDF, kemm jekk kienu intaxxati kif ukoll jekk le, u kemm jekk irriżultawx mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 97-1026 jew le. L-unika valutazzjoni sistematika ppreżentata mill-awtoritajiet Franċiżi li tinsab fin-nota ta' EDF tat-18 ta' Frar 1997 (il-premessa 92) hija ġenerali u limitata għall-kumpens regolatorju applikat għall-injezzjonijiet ta' kapital, inklużi dawk preċedenti għar-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF, mingħajr ma tinkludi, pereżempju, il-kumpens tal-kapital minbarra l-allokazzjonijiet jew il-kumpens tal-ekwità.

(141)

L-ebda dokument mibgħut minn Franza jew minn EDF ma juri li d-deċiżjoni ta' investiment li allegatament ittieħdet, jiġifieri, li tingħata kontribuzzjoni ikbar ta' kapital lil EDF filwaqt li ma tinġabar ebda taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni, kienet soġġetta għal xi eżami, studju jew analiżi speċifiċi. Madankollu, minħabba l-ammonti involuti, investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien probabbilment jikkummissjoni analiżi finanzjarja u ekonomika tal-investiment qabel jiddeċiedi, minħabba r-redditu regolatarju tal-injezzjonijiet ta' kapital, jekk l-ammont ta' FRF 5,88 biljun tal-eżenzjoni mit-taxxa kienx meħtieġ biex il-kumpanija tiżgura r-redditu fit-tul tal-investiment totali tagħha u biex l-azzjonist ikun ikkumpensat biżżejjed għal dan l-għan. Dan it-tip ta' studju ekonomiku preliminari, li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi fil-punt 84 tas-sentenza tagħha fost l-elementi li jippermettu konklużjoni favur l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, huwa nieqes.

(142)

Ta' min partikolarment jinnota li minbarra l-kumpens li għandu jingħata lill-Istat matul il-perjodu 1997-2000, la sar xi studju ta' kumpens u lanqas ta' redditu fit-tul, anki jekk Franza ssostni preċiżament li għamlet investiment fit-tul. Madankollu, investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq ma kienx jonqos milli jwettaq analiżi tar-redditu ta' investiment għall-perjodu ta' wara s-sena 2000.

(143)

Jekk wieħed jista' raġonevolment jaħseb li investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jikkunsidra l-effetti tat-tnaqqis tar-rata tad-dejn ta' EDF, għandu jiġi nnotat li l-vantaġġ għal EDF li tissellef bi spiża orħos minħabba proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità mtejjeb huwa msemmi b'mod ġenerali f'ċerti dokumenti ppreżentati minn Franza (il-premessi 101 u 105) u minn EDF. Madankollu, l-ebda element ma jissuġġerixxi l-vantaġġi u r-redditu għall-Istat azzjonarju ta' tnaqqis tal-ispiża tas-self ta' EDF jew ta' proporzjon tad-dejn iktar baxx. Skont il-kwantifikazzjonijiet ta' dak iż-żmien ippreżentati fil-premessa 101, il-proporzjon tad-dejn nett fuq l-ekwità ta' EDF kellu jilħaq 148 % bl-injezzjoni ġdida sħiħa fil-kapital, li kien stabbilit għal FRF 50,7 biljun, li kien jinkludi FRF 5,88 biljun tal-eżenzjoni inkwistjoni. Mingħajr l-eżenzjoni tat-taxxa, dan il-proporzjon kien ikun ta' madwar 163 %, jiġifieri madwar tliet darbiet inqas mill-proporzjon ta' 480 % qabel il-Liġi Nru 97-1026. Meta jitqies b'mod iżolat mill-effetti l-oħrajn tar-riklassifikazzjoni tad-diversi riżervi, il-kontribut tal-eżenzjoni tat-taxxa għat-titjib ta' dan il-proporzjon ma tantx huwa sinifikanti u l-espressjoni konkreta tiegħu f'termini ta' tnaqqis tal-ispiża tas-self għal EDF, hija dubjuża ħafna (il-premessi 170 sa 172). Fi kwalunkwe każ, id-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Franċiżi ma jsemmux u lanqas janalizzaw bħala investiment la l-kumpens għall-azzjonist li jirriżulta minn proporzjon ta' 148 % u lanqas, a fortiori, dak li jirriżulta minn proporzjon ta' 163 %. Fuq dan il-punt ma hemm l-ebda valutazzjoni ekonomika preliminari komparabbli għal dik li kien jagħmel investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, kif imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 84 tas-sentenza tagħha.

(144)

F'dan ir-rigward, l-istudju ekonomiku ppreżentat minn EDF insostenn tal-kummenti tagħha (il-premessi 69-70) ma jistabbilixxix li Franza aġixxiet bħala investitur u mhux bħala awtorità pubblika. L-istudju ġie stabbilit wara l-allegata deċiżjoni ta' investiment meħuda fl-1997 u ma ġietx eżaminata mill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu tali deċiżjoni. Għal din ir-raġuni biss, l-istudju mhuwiex ammissibbli bħala prova, skont l-indikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-premessa 126, il-punt 104 tas-sentenza tal-5 ta' Ġunju). Li l-istudju sar minn bażi ta' data awtentika disponibbli dak iż-żmien ma jħassarx din il-konklużjoni. L-istudju ġie kkummissjonat għall-ħtiġijiet tal-kawża wara l-estensjoni tal-proċedura f'Mejju 2013 u l-konklużjonijiet li jwassal għalihom kienu apparentement magħrufa minn EDF f'Lulju 2013, meta l-istudju jġib id-data ta' Ottubru 2013. Hemm raġunijiet oħrajn li jrendu wkoll invalidi r-riżultati numeriċi li jasal għalihom l-istudju u, għaldaqstant, jagħmlu infondati l-konklużjonijiet li EDF tasal għalihom insostenn tal-kummenti tagħha, jiġifieri:

L-istudju huwa alimentat minn data bażi kważi kollha minn ta' dak iż-żmien u japplika approċċi metodoloġiċi ġeneralment rikonoxxuti fil-valutazzjoni tal-valur tal-kumpanija, skont ir-riżervi sinifikanti espressi hawn taħt. Madankollu, xorta waħda jikkostitwixxi valutazzjoni ekonomika partikolarment kumplessa, wara riċerka ta' data relattivament fil-fond, li kienet teħtieġ madwar tliet xhur biex titlesta u tiġi vvalidata. Dan l-abbozz jinkludi għażliet metodoloġiċi suċċessivi u multipli u xi kultant dibattibbli. Mingħajr dan l-abbozz, huwa assolutament impossibbli, mid-data bażi mxerrda u minn sorsi differenti li jippreżenta l-istudju, li wieħed ikollu idea approssimattiva jew previżjoni possibbli mir-riżultati kwantifikati rigward ir-redditu li l-Istat Franċiż allegatament seta' jistenna fl-1997. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni (il-punt 105 tas-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2012). Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet ta' EDF, il-fatt stess li mid-data disponibbli fl-1996-1997, is-servizzi kompetenti tal-Istat Franċiż la għamlu huma stess u lanqas ikkummissjonaw studju ta' dan il-kobor u daqstant kumpless jindika li r-redditu għall-azzjonist tal-investiment allegat ma kinitx kunsiderazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet Franċiżi qabel ma ħadu d-deċiżjoni tagħhom.

L-istudju janalizza l-imġiba tal-Istat Franċiż fir-rigward tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq b'informazzjoni u suppożizzjonijiet ferm differenti minn dawk ippreżentati fil-premessi 87 sa 108 u li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, immotivaw u ġġustifikaw id-deċiżjoni li allegatament ittieħdet. Madankollu, mhijiex EDF li ħadet id-deċiżjoni ta' investiment u, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (il-punti 82 u 83 tas-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012), hija r-responsabbiltà ta' Franza li tippreżenta elementi li juru n-natura u l-kuntest tad-deċiżjoni meħuda. Peress li Franza tallega li huwa fid-dawl tal-informazzjoni u d-data li ppreżentat li hija ħadet id-deċiżjoni tagħha, l-istudju u, allura EDF, jissostitwixxu de facto lill-investitur allegat u jippretendu li jafu iktar mill-Istat Franċiż il-kunsiderazzjonijiet u l-informazzjoni li effettivament immotivaw id-deċiżjoni meħuda diġà u s-suppożizzjonijiet li kienu għamlu. Minħabba dan, l-istudju huwa mimli spekulazzjonijiet u konġetturi fuq id-data, l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu ħadu inkunsiderazzjoni — fost oħrajn li ma jistgħux jiġu esklużi — fl-1997, u għaldaqstant ma għandux saħħa probatorja fl-2015 (jew f'Ottubru 2013, meta sar) biex jispjega u jiċċara d-deċiżjoni effettivament meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1997, li dawn l-awtoritajiet jispjegaw b'data u suppożizzjonijiet differenti.

Dan il-valur probatorju huwa iktar u iktar assenti meta, biex jasal għar-riżultati ppreżentati fil-premessa 70, l-istudju jibbaża fuq suppożizzjonijiet kemm arbitrarji jew perikolużi, kemm mhux ikkorroborati mill-fatti, kif ukoll kuntrarji għall-informazzjoni li ħarġet mid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi u li, fil-fehma tagħhom, juru l-applikabbiltà u l-applikazzjoni pożittiva f'dan il-każ tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq. B'hekk, l-ewwel nett, l-istudju jassumi li, wara s-sena 2000, il-kumpens mogħti lill-Istat azzjonist mhux sejjer ikun irregolat b'digriet u rifless f'kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF iżda sejjer ikun stabbilit b'referenza għad-dividendi li kumpaniji oħrajn tas-settur kienu jħallsu fl-1996-1997 (26). Madankollu l-kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital ta' EDF kien irregolat b'digriet mill-1956 (il-premessa 102) u ġie stabbilit b'mod regolatorju u rifless f'kuntratti ta' negozju pluriennali qabel u sew wara l-1997, skont il-kunsiderazzjonijiet esterni għad-dividendi li kienu jħallsu l-kumpaniji tas-settur li joperaw fi swieq oħrajn minbarra fi Franza (il-premessi 94 u 95). It-tieni nett, bl-istess mod, l-istudju jerġa' jdaħħal mingħajr ġustifikazzjoni fir-rapport tal-introjtu ta' EDF riżervi li ġejjin mill-kontijiet tal-kumpanija ta' EDF li jammontaw għal FRF 11,6 biljun (eskluża t-taxxa) u 7,3 biljuni (wara t-taxxa) (27) u b'hekk iżid b'mod artifiċjali u bl-istess ammont il-valur ta' EDF, mingħajr ma jikkunsidra l-informazzjoni disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fl-1997 f'dak li jirrigwarda l-piż tal-impenji ta' EDF fuq l-iskema ta' pensjonijiet tal-persunal tagħha (il-premessi 168-169).

It-tielet nett, iż-żieda tal-valur ta' EDF ikkawżata miż-żieda tar-ritorn u l-qligħ hija kkalkulata fl-istudji fuq “aspettattivi tas-suq” fl-1997 (28). Madankollu, l-awtoritajiet Franċiżi kellhom projezzjonijiet tad-dħul u tal-qligħ speċifiċi u kwantifikati għal EDF għall-1997 sas-sena 2000, ivvalidati bħala parti mit-tfassil tal-kuntratt ta' negozju għall-istess perjodu u jgħidu li bbażaw fuq dawn il-projezzjonijiet u l-informazzjoni biex ħadu d-deċiżjoni tagħhom (il-premessi 78-79, 90, 94, 96), u fl-istess ħin, fl-1997, kellhom għarfien tajjeb dwar il-kumpanija u dwar il-prospetti finanzjarji tagħha (il-premessi 77). L-użu ta' “aspettattivi tas-suq” minn partijiet terzi biex tiġi stabbilita in fine stima tal-valur ta' EDF f'dawn il-kundizzjonijiet la huwa ppruvat u lanqas konsistenti mal-argumenti li ressqet Franza sabiex tispjega u tissostanzja d-deċiżjoni li l-awtoritajiet tagħha allegatament ħadu. Inqas u inqas meta l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-attività prinċipali ta' EDF kienet issir fi Franza b'tariffi regolati fl-1997 (il-premessa 85). Barra minn hekk, dawn it-tariffi kienu baxxi sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Franċiża u tal-poter tal-akkwist tal-familji Franċiżi (il-premessi 89 u 95). L-istudju naqas milli jispjega, u saħansitra milli jiġġustifika b'mod validu, għaliex il-kumpens, id-dividendi u r-riżultati ta' kumpaniji ffurmati f'kumpaniji b'responsabbiltà limitata elenkati li ma kellhomx preżenza sinifikanti fi Franza u kienu joperaw fi swieq bir-restrizzjonijiet kompetittivi u regolatorji differenti (pereżempju Endesa, Gas Natural u Union Fenosa fi Spanja -, RWE, EON u Verbund fil-Ġermanja — Fluxys fil-Belġju eċċ.), setgħu jiddeterminaw ir-riżultati, il-kumpens u d-dividendi ta' EDF, kif jidher fost is-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati r-riżultati ppreżentati fil-premessa 70 (29).

Ir-raba' u fl-aħħar nett, l-istudju jassumi mingħajr ebda ġustifikazzjoni li żieda fl-injezzjoni ta' kapital lil EDF fl-1997 kienet ugwali għall-akkwist ta' assi finanzjarju likwidu, għall-inqas potenzjalment (30). Madankollu, fl-1997 EDF kienet stabbiliment industrijali u kummerċjali pubbliku, mingħajr ekwità (il-premessa 19), li l-awtoritajiet Franċiżi u EDF kienu jsostnu dak iż-żmien li kien sejjer iżomm l-istess status fil-futur (il-premessi 95, 105). In-natura riskjuża ta' din is-suppożizzjoni li madankollu jiddependu minnu b'mod kruċjali r-riżultati tal-istudju tintwera f'iktar dettall fil-premessi 179 sa 181.

In-natura u l-iskop tal-miżura, il-kuntest li fih isseħħ u r-regoli li għalihom hija soġġetta l-miżura

(145)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li n-natura tal-miżura meħuda tagħmel parti mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex wieħed jikkonkludi favur l-applikabbiltà tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq (il-punt 86 tas-sentenza). Id-deċiżjoni li jingħata kontribut ta' kapital addizzjonali lil EDF mingħajr ma tinġabar taxxa fuq ir-riklassifikazzjoni tar-riżervi irregolari relatati mal-RAG hija kemm deċiżjoni ta' kontabilità u ta' riallokazzjoni bejn l-entrati tal-karta bilanċjali ta' EDF (il-premessi 100 u 105) kif ukoll deċiżjoni ta' natura fiskali, peress li l-awtoritajiet kompetenti jqisu li t-taxxa fuq il-kumpaniji kellha tinġabar qabel ir-riklassifikazzjoni (il-premessa 35), anki jekk it-taxxa tħallset fuq riżervi kontabbli oħrajn riklassifikati. Għalhekk mhuwiex stabbilit, kuntrarjament għall-pretensjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, li dawn iż-żewġ aspetti tal-kontabilità u tat-taxxa huma inevitabbilment marbuta f'miżura waħdiena implimentata mil-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997.

(146)

L-Artikolu 4(2) tal-liġi kien jipprovdi li l-valur korrispondenti tal-oġġetti in natura mogħtija b'konċessjoni tal-RAG li jidher fil-passiv tal-karta bilanċjali ta' EDF kellu jitqiegħed, nett mid-differenzjali tar-rivalutazzjoni korrispondenti, fl-partita “Injezzjonijiet ta' Kapital” (il-premessa 28). Minn dan jista' jiġi dedott li l-liġi kienet tipprovdi li, apparti minn aġġustamenti tal-valur potenzjali, l-ebda riproċessar tal-kontabilità jew tat-taxxa ma kellu jnaqqas l-ammont tal-valur korrispondenti li kellu jkun irreġistrat bħala injezzjoni ta' kapital lil EDF. Madankollu, id-deċiżjoni li tinġabar jew le t-taxxa mingħand EDF ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni ta' Franza u l-Liġi Nru 97-1026 ma setgħetx tiddeċiedi b'mod validu fuq din il-kwistjoni. Dan l-Artikolu jillimita s-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament fil-qasam fiskali għall-iffissar tal-bażi tat-taxxa, tar-rata u tal-metodi ta' rkupru tat-taxxi ta' kull tip. B'hekk, EDF ħallset it-taxxa fuq il-kumpaniji għal ċerti riżervi kontabbli iżda mhux għal oħrajn wara l-istess eżerċizzju ta' riklassifikazzjoni mwettaq mil-liġi.

(147)

Id-dokumenti preparatorji mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi msemmija fil-premessa 104 juru wkoll li fl-1997 il-Kunsill tal-Istat kien tal-fehma li d-dispożizzjonijiet li ma kinux leġiżlattivi kellhom jitneħħew mit-test tal-abbozz ta' liġi; barra minn hekk, abbozz ta' emenda għall-abbozz ta' liġi tal-gvern li tillimita l-ħlasijiet li l-Istat seta' jiġbor mingħand EDF skont il-liġi wkoll tneħħa. Fl-aħħar nett, f'April tal-1997 il-Ministri responsabbli kienu qegħdin jikkunsidraw li l-arranġamenti dettaljati ta' implimentazzjoni tar-ristrutturar ta' EDF għall-finijiet ta' kontabilità u ta' taxxa kellhom ikunu diskussi iktar bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-kumpanija (il-premessa 98).

(148)

Dawn l-elementi, speċifikati u kwantifikati fl-ittra ta' implimentazzjoni mibgħuta mill-Ministri superviżorji lil EDF fit-22 ta' Diċembru 1997, wara l-adozzjoni tal-liġi (il-premessa 31), jindikaw li l-aspetti fiskali tal-implimentazzjoni huma dissoċjabbli mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997. Dawn il-Ministri, fl-ittra tagħhom indirizzata lil EDF, jispjegaw ir-ristrutturar tal-ekwità ta' EDF, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997 u jidhru li jiddeċiedu b'mod taċitu dwar il-konsegwenzi fiskali ta' dan ir-ristrutturar, mingħajr ma jissemma ebda investiment produttiv u lanqas dispożizzjonijiet imperattivi fil-liġi.

(149)

F'dak li jirrigwarda l-kuntest tal-miżura, li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika bħala element rilevanti fost oħrajn biex tivvaluta l-applikabbiltà eventwali tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq, il-laqgħat ta' tħejjija u d-dokumenti ta' appoġġ għall-perjodu li wasslu għall-kuntratt ta' negozju bejn l-Istat u EDF iffirmat fit-8 ta' April 1997 juru li r-riklassifikazzjoni tar-riżervi kienet taqa' fil-kuntest tal-prespettiva tal-liberalizzazzjoni parzjali tas-swieq tal-elettriku fl-Unjoni, stabbilita sa mill-1996. Barra minn hekk, ix-xewqa li l-attivitajiet ta' EDF ikomplu jinfirxu fuq livell internazzjonali hija preżenti fil-kuntratt ta' negozju 1997-2000 u fid-dokumenti ta' tħejjija, kif ukoll fid-dokumenti parlamentari. Il-kuntratt ta' negozju nnifsu jissupponi li, biex jitwettaq, teħtieġ miżura leġiżlattiva ta' regolarizzazzjoni bħal dik prevista mil-Liġi Nru 97-1026, li tistabbilixxi kontinwità de facto bejn l-għanijiet tal-kuntratt u dawk tal-leġiżlatur. Madankollu, la l-kuntratt konkluż f'April 1997, u lanqas id-dokumenti ta' tħejjija u d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet superviżorji ta' EDF ma jieħdu pożizzjoni fuq l-ammont speċifiku tat-taxxa.

(150)

Dan il-kuntest, deskritt mill-elementi esposti minn Franza fil-kummenti tagħha, madankollu ma jippermettix li wieħed jistabbilixxi b'ċertezza li l-miżura hija r-riżultat ta' mġiba ta' azzjonist li qiegħed jagħmel investiment. Fil-fatt, il-ħtieġa ta' rimedju tal-irregolaritajiet innotati mill-Qorti tal-Awdituri f'Ottubru 1994 tagħmel parti minn dan il-kuntest ukoll. Meta, minn naħa, kellha tiġi rimedjata irregolarità ta' kontabilità li ppermettiet lil EDF ma tħallasx taxxa fuq il-kumpaniji għal diversi snin, l-awtoritajiet Franċiżi enfasizzaw li d-dispożizzjoni ma taffettwax il-monopolju ta' EDF (il-premessa 105) u li l-qafas stabbli permess mil-liberalizzazzjoni tas-suq kellu jibqa' jinżamm (il-premessa 95). Huwa veru li l-liberalizzazzjoni kienet tiftaħ prospetti ta' espansjoni fuq swieq nazzjonali ta' Stati Membri oħrajn u li ċerti azzjonijiet kienu previsti fil-kuntratt ta' negozju 1997-2000 biex EDF tkompli tifrex f'livell internazzjonali. Jibqa' l-fatt li l-ħsieb tal-awtoritajiet pubbliċi li jiffavorixxu lill-kumpaniji nazzjonali permezz ta' miżuri ta' għajnuna finanzjarja fil-bidu ta' liberalizzazzjoni mhuwiex limitat għall-kumpaniji pubbliċi u lanqas ma jikkaratterizza l-imġiba tal-azzjonist prudenti ta' kumpanija pubblika.

(151)

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-eżami tar-regoli li għalihom hija soġġetta l-miżura kkontestata huwa rilevanti biex wieħed jiddetermina l-karattru tagħha, jew ta' investiment mill-Istat azzjonist jew ta' prerogattiva ta' awtorità pubblika. Il-klassifikazzjoni tal-miżura fl-ewwel kategorija jew fl-oħra tista' għalhekk tqis il-konformità mar-regoli applikabbli li jiregolawha. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu eżaminati r-regoli li jirregolaw l-investiment ta' riżorsi tat-taxxa f'kumpaniji bħal EDF. Mingħajr il-miżura inkwistjoni, id-dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji li ma nġabarx kien imur fid-dħul ġenerali tal-baġit tal-Istat Franċiż fl-1997. Kif kien previst fl-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 59-2 tat-2 ta' Jannar 1959 dwar il-liġi organika relatata mal-liġijiet tal-finanzi, applikabbli fiż-żmien tal-fatti, peress li d-dħul kollu jiżgura l-eżekuzzjoni tan-nefqiet kollha, id-dħul kollu u n-nefqiet kollha tal-Istat huma attribwiti f'kont wieħed, imsejjaħ baġit ġenerali. B'hekk, id-dħul mit-taxxa jintefa' fil-baġit u għall-benefiċċju tal-Istat, u mhux għall-benefiċċji tal-kumpaniji pubbliċi.

(152)

Dan il-baġit huwa soġġett għall-prinċipju kostituzzjonali tal-universalità li taħtu d-dħul kollu u s-self kollu jiġu rreġistrati f'żewġ kolonni distinti, mingħajr ma tiġi stabbilita ebda rabta partikolari, pereżempju, bejn dħul mit-taxxa fuq il-kumpaniji u użu bħal injezzjoni ta' kapital favur kumpanija pubblika bħal EDF. Ċertament, l-allokazzjoni minn qabel ta' riżorsa tat-taxxa lil persuna ġuridika għajr l-Istat, bħala sussidju jew bħala investiment, hija possibbli taħt id-dritt Franċiż, diment li din l-allokazzjoni tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet apposta. L-Artikolu 18 tad-Digriet Nru 59-2 kien jipprovdi għalhekk li, ħlief għas-self u l-ħlas bil-quddiem fost l-oħrajn, l-allokazzjoni tad-dħul tal-Istat hija eċċezzjoni u tista' ssir biss permezz ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-finanzi, fuq inizjattiva tal-gvern.

(153)

Madankollu, il-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997 ma kinitx liġi tal-finanzi u ma setgħetx, minħabba f'hekk, talloka riżorsa ta' taxxa għall-benefiċċju tal-kapital ta' EDF. Barra minn hekk, ma jidhirx li ġew adottati xi dispożizzjonijiet speċifiċi fuq inizjattiva tal-gvern fil-liġi tal-finanzi applikabbli għall-baġit tal-1997 biex jiġi allokat minn qabel il-prodott tat-taxxa dovuta minn EDF a spejjeż tal-Istat Franċiż bħala xi tip ta' investiment fil-kapital ta' EDF fil-kuntest tal-istess baġit. Jidher għalhekk li din ir-regola li tagħmel possibbli l-investiment ta' riżorsa tat-taxxa stabbilita favur l-Istat, lil persuna ġuridika tal-Istat bħal EDF, ma ġietx applikata.

(154)

Il-parti l-kbira tal-elementi li ssemmew hawn fuq jindikaw b'mod ċar li Franza ma ħaditx deċiżjoni, qabel jew fiż-żmien li ngħata l-benefiċċju ekonomiku fil-forma ta' nuqqas ta' ħlas ta' taxxa fuq il-kumpaniji, li tinvesti f'EDF permezz tal-eżenzjoni mit-taxxa. Minħabba dan, il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq ma jidhirx li japplika għal din il-miżura. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq għandhom għalhekk karattru sussidjarju.

9.1.3.   Dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq

(155)

Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012 f'din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq għandha tgħin biex jiġi ddeterminat jekk azzjonist privat kienx jalloka ammont ugwali għat-taxxa dovuta, f'kundizzjonijiet simili, lil kumpanija li ssib ruħha f'sitwazzjoni simili għal dik ta' EDF (il-punt 95 tas-sentenza). Id-differenza eventwali bejn l-ispiża tal-investiment li jkun għamel l-investitur privat u dik li għandu l-Istat azzjonist tista' wkoll tiġi kkunsidrata biex wieħed jara jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-prinċipju humiex issodisfati (il-punt 96 tas-sentenza).

(156)

L-evalwazzjoni ssir fuq l-elementi oġġettivi u verifikabbli u l-valutazzjonijiet prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-investiment (il-punti 102 u 105 tas-sentenza). F'din l-evalwazzjoni, iridu jiġu kkunsidrati biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni tal-Istat bħala azzjonist, esklużi dawk marbuta mal-kapaċità tiegħu bħala awtorità pubblika (il-punt 79 tas-sentenza).

(157)

Minħabba s-sitwazzjoni u l-karatteristiċi ta' EDF, li kienet stabbiliment pubbliku kkontrollat għal kollox mill-Istat Franċiż għal iktar minn 50 sena, jeħtieġ li tinżamm ir-referenza ta' investitur li jkollu mira ta' redditu fit-tul u li tiġi eżaminata speċifikament l-informazzjoni mibgħuta minn Franza kif imsemmija fil-premessi 87 sa 108. Fil-fatt huma dawn l-elementi li l-awtoritajiet Franċiżi jinvokaw bħala bażi għad-deċiżjoni tagħhom fl-1997.

(158)

L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi eżaminat ir-redditu li kienet toffri EDF lill-azzjonist tagħha fl-1997. Dan ir-redditu għandu jitqabbel ma' valuri ta' referenza. Fl-1997, ir-rata medja ta' kumpens tal-bonds fit-tul (30 sena) ta' Franza kienet ta' 6,35 %. Anki fil-każ ta' maturitajiet iqsar (10 snin), inqas minn dawk taċ-ċiklu tal-ħajja tal-installazzjonijiet ta' EDF, ir-rata medja tal-imgħax imħallas fuq il-bonds tal-Istat Franċiż kienet ta' 5,58 % (31). Dawn il-valuri jirrappreżentaw kemm ir-redditu ta' assi finanzjarji meqjusa ta' ftit riskju kif ukoll l-ispiża tal-finanzjament fit-tul tal-Istat Franċiż f'dak iż-żmien. Investiment f'kumpanija bħal EDF fl-1997 kien investiment iktar riskjuż mis-sjieda ta' bonds tal-Istat fl-istess perjodu. Għalhekk, investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jitlob redditu ferm ikbar minn dak tal-bonds tal-Istat.

(159)

Madankollu, l-eżami tar-redditu kurrenti li seta' jistenna l-Istat Franċiż fl-1996-1997 kif jirriżulta mid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi ma jwassalx għall-konklużjoni li l-investiment jissodisfa t-test tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq.

(160)

L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu r-rapport tal-introjtu pproġettat ta' EDF għall-perjodu ta' wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali, kif eżaminat fl-1997 mill-awtoritajiet ikkonċernati (il-premessa 92, it-tabella 1). L-istimi tat-tabella huma kkorroborati minn dokumenti oħrajn ta' dak iż-żmien (il-premessi 96-97, 103). Dawn l-istimi tax-xenarju ta' referenza ta' EDF għall-perjodu li ġej kienu ġew ivvalidati mill-awtoritajiet tal-Istat (il-premessa 97). Minn dan ir-rapport tal-introjtu, u mill-ammonti mistennija ta' riżorsi investiti mill-Istat f'EDF (il-premessa 100, it-tabella 2), wieħed jista' jikkalkula r-redditu li l-Istat seta' jistenna b'konnessjoni, rispettivament, mal-injezzjonijiet ta' kapital, it-total tal-kapital (kapital inizjali u injezzjonijiet) u l-ekwità ta' EDF (it-total tal-kapital, differenzjali ta' rivalutazzjoni, riżervi regolatorji u riport) (32), skont it-tabella 4.

Tabella 4

Stima tal-kumpens tal-kapital fil-karta bilanċjali ta' EDF 1997-2000 (FRF biljun)

 

1997

1998

1999

2000

1997-2000

Parti fissa ta' 3 %

1,5

1,5

1,5

1,5

6,0

Parti varjabbli

0,6

1,0

0,9

0,9

3,4

Parti fissi u varjabbli

2,1

2,5

2,4

2,4

9,4

Redditu fuq l-ekwità (FRF 79,8 biljun) (%)

2,63

3,13

3,01

3,01

2,94

Redditu fuq kapital u kontribuzzjonijiet (FRF 53,3 biljun) (%)

3,94

4,69

4,50

4,50

4,41

Redditu fuq injezzjonijiet ta' kapital (FRF 50,7 biljun) (%)

4,14

4,93

4,73

4,73

4,64

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni mit-Tabelli 1 u 2

(161)

Jirriżulta mid-dokumenti ċċitati u mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi li fl-1997 il-kumpens mistenni mill-Istat azzjonist mingħand EDF għall-perjodu sħiħ tal-1997-2000 kien ta' FRF 9,4 biljun li minnhom FRF 6 biljun bħala sehem mir-rata fissa ta' 3 % u 3,4 biljuni għall-perjodu kollu bħala sehem addizzjonali, wara r-riklassifikazzjoni magħmula permezz tal-Liġi Nru 97-1026. Mill-istimi vvalidati f'dak iż-żmien, ir-redditu kurrenti futur li seta' jistenna l-Istat azzjonist kien fuq medja ta' 2,94 % fuq it-total tal-ekwità ta' EDF, 4,41 % fuq it-total tal-kapital investit mill-Istat f'EDF u 4,64 % fuq l-ammont tal-injezzjonijiet ta' kapital. Dan il-kumpens, applikabbli għall-ammont ta' eżenzjoni mit-taxxa riklassifikata bħala injezzjoni ta' kapital, kien sew taħt is-6,35 % ipprovduti fuq il-bonds li l-Istat Franċiż ħareġ fl-1997 għall-finanzjament fit-tul tiegħu stess. Investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq kien jikkonstata li r-redditu kurrenti mistenni fuq ammont ta' FRF 5,88 biljun li jikkorrispondi għall-eżenzjoni mit-taxxa ma kienx ikun biżżejjed biex jiġġustifika l-investiment.

(162)

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, qieset fil-punt 96 tas-sentenza tagħha tal-5 ta' Ġunju 2012 li huwa possibbli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq li tiġi kkunsidrata d-differenza bejn l-ispiża tal-investiment li jagħmel investituri privat u dik li jagħmel l-Istat. Dan ifisser it-tqabbil tar-redditu li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, iġġustifika l-eżerċizzju ta' riklassifikazzjoni tar-riżervi tad-drittijiet tal-konċedent fl-ammont tal-eżenzjoni mit-taxxa, ma' dak li kien jikseb azzjonist privat li jagħmel l-istess eżerċizzju ta' rikapitalizzazzjoni f'kumpanija simili minn kull aspett għal EDF, ħlief fil-każ tal-prerogattiva, inaċċessibbli għall-investitur privat, li jeżenta l-injezzjoni ta' kapital mit-taxxa fuq il-kumpaniji.

(163)

Tali kumpanija li l-azzjonist tagħha kien ikollu FRF 5,88 biljun għar-rikapitalizzazzjoni tagħha f'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' EDF kien ikollha prospett ta' redditu ta' 4,64 % annwali fuq il-kapital addizzjonali investit mill-azzjonist, jiġifieri FRF 272 miljun fis-sena, irrispettivament mit-taxxa fuq il-kumpaniji. Jekk wieħed japplika r-rata tat-taxxa fuq il-kumpaniji ta' 41,66 % applikabbli fl-1997, il-prospett ta' redditu kien ikun ta' FRF 159 miljun fis-sena għall-istess kontribuzzjoni ta' kapital, jiġifieri rata ta' redditu annwali nominali ta' 2,7 %. Tali rata għal parteċipazzjoni fil-kapital ta' kumpanija bir-riskji marbutin ma' tali investiment għandha titqabbel ma' 6,35 % ipprovduti fuq il-bonds ta' Franza fl-istess perjodu. Ir-redditu baxx kien għalhekk jiddiswadi lil investitur privat li ma jkollux prerogattivi fiskali mill-Istat. Bi prospetti tant baxxi ta' redditu fuq il-kapital investit, jidher li huwa eskluż li investitur privat prudenti li l-kumpanija tiegħu tkun soġġetta għat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq l-injezzjonijiet ta' kapital kien ikollu sehem, minflok Franza, miż-żieda fil-kapital ta' EDF fl-1997.

(164)

Għalhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-elementi u l-informazzjoni kontemporanji għad-deċiżjoni ta' riklassifikazzjoni tar-riżervi mingħajr ma tinġabar taxxa mibgħuta minn Franza jinkludux indikazzjonijiet oħrajn li kienu jikkonvinċu lil investitur privat prudenti li jwettaq l-investiment allegat minkejja r-redditu ferm baxx mistenni. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkunu relatati b'mod partikolari mal-kapaċità ta' EDF i) li żżid l-introjtu mill-attivitajiet tagħha fit-tul, ii) li ttejjeb ir-riżultati operattivi permezz ta' kisbiet fl-effiċjenza, iii) li żżid il-valur nett tal-assi produttivi tal-kumpanija jew iv) li tipprovdi kumpens kostanti u adegwat lill-azzjonisti tagħha. Dawn huma fatturi li jistgħu joħolqu valur fit-tul għall-azzjonist, bi prospetti pożittivi, iżda li jeqirdu l-valur, bi prospetti negattivi.

(165)

F'dan ir-rigward, l-ebda dokument mibgħut mill-awtoritajiet Franċiżi ma jinkludi kwantifikazzjoni, jew saħansitra valutazzjoni kwalitattiva, tal-ħolqien eventwali ta' valur għall-azzjonist li l-awtoritajiet Franċiżi setgħu eżaminaw u kkunsidraw għall-perjodu ta' bejn l-1997 u s-sena 2000 jew għal wara. Hemm biss referenzi ġeneriċi għal kunsiderazzjoni ikbar tal-interessi tal-Istat azzjonist. Dan jindika li ż-żieda tal-valur tal-kumpanija għall-Istat azzjonist ma ġietx ikkunsidrata biex ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-allegat investiment. Fi kwalunkwe każ, l-eżami ta' erba' fatturi li jistgħu joħolqu valur għall-azzjonist ma jwassalx għall-konklużjoni ta' tkabbir prevedibbli mid-data disponibbli fl-1997, b'mod partikolari r-rapport tal-istima tal-ġenerazzjoni tal-introjtu 1997-2000 ta' EDF u l-previżjonijiet tax-xenarju finanzjarju adottati mill-awtoritajiet superviżorji (il-premessa 92, it-tabella 1, il-premessa 96).

(166)

F'dak li jirrigwarda d-dħul totali ta' EDF, l-Istat azzjonist seta' jistenna tkabbir żgħir ħafna, jiġifieri 0,64 %. Dan il-kważi staġnar jista' jiġi spjegat mill-għan stabbilit mill-Istat li jikkontribwixxi “għall-kompetittività tal-industrija Franċiża u għat-tkabbir tal-kapaċità ta' akkwist tal-konsumatur domestiku”, li kien ifisser tnaqqis medju ta' […] % tat-tariffi ta' EDF fuq erba' snin (il-premessi 89, 95-96), jew tnaqqis annwali ta' […] %. EDF kienet teżerċita l-attività ewlenija tagħha fi Franza peress li, għall-perjodu ta' bejn l-1997 sas-sena 2000, kien previst li iktar minn 89 % tad-dħul ta' EDF jiġi mis-suq Franċiż. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tad-dħul tagħha kien jiddependi mill-għażla tal-Istat li jiffissa t-tariffi tal-elettriku. Investitur privat prudenti ma kienx jonqos li jinnota l-ħsara għall-interessi ekonomiċi tiegħu tal-iffissar ta' għanijiet ta' politika pubblika li tmur kontra l-interessi tiegħu ta' azzjonist. L-ebda investitur privat prudenti ma kien jaċċetta tnaqqis fil-kumpens tal-investiment tiegħu sabiex itejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji Franċiżi.

(167)

Il-partita fir-rapport tal-istima tal-ġenerazzjoni tal-introjtu 1997-2000 li tiddeskrivi r-riżultati tal-attività ewlenija ta' EDF ukoll kellha tonqos b'29 % matul il-perjodu, biex b'hekk tgħaddi minn FRF 9,3 biljun fl-1997 għal FRF 6,6 biljun fis-sena 2000. L-ispejjeż operattivi kellhom, min-naħa tagħhom, jiżdiedu bi 2,2 %, l-iktar minħabba ż-żieda tan-nefqiet operattivi kurrenti, peress li l-ispejjeż finanzjarji, id-deprezzament u l-imgħaxijiet, minbarra l-kumpens tal-kapital kellhom jonqsu. Biż-żieda tal-injezzjonijiet mad-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji mar-riżultati tal-attività prinċipali, l-iżvilupp previst għall-perjodu 1997-2000 kien negattiv ukoll, peress li dan l-aggregat kellu jinżel minn FRF 62,6 biljun għal FRF 53,9 biljun, jew tnaqqis ta' 13,9 %. Madankollu, huwa l-iżvilupp tar-riżultat tal-attività kurrenti qabel id-deprezzament u l-imgħaxijiet li finalment jiddetermina l-kapaċità tal-attività tal-kumpanija li tiġġenera valur u flussi tal-flus pożittivi. Minbarra d-deterjorament mistenni, fl-insegwiment tal-għanijiet ta' politika ekonomika jew ta' kontroll, l-Istat kien stabbilixxa għal EDF l-għan li tassenja l-kisbiet eventwali ta' effiċjenza u produttività tal-kumpanija għat-tnaqqis ulterjuri tat-tariffi, bi prijorità fuq kumpens ikbar lill-azzjonisti (il-premessa 95). Jirriżulta li l-attività kurrenti ta' EDF, imxekkla mill-għanijiet ta' politika ekonomika tal-Istat, ma offrietx prospettiva sodisfaċenti ta' kumpens futur.

(168)

Kif innotat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' estensjoni, investitur privat prudenti kien jikkunsidra l-inċertezza fuq l-ammont u l-iżvilupp tal-ispejjeż ta' finanzjament tal-pensjonijiet li fl-1997 kellha tħabbat wiċċha magħhom EDF, skont l-iskema speċifika applikabbli għall-industriji tal-elettriku u tal-gass. Fil-każ ta' EDF fl-1997, l-ispejjeż tal-pensjonijiet u, a fortiori, l-impenji barra l-karta bilanċjali relatati, kienu jirrappreżentaw ipoteka li tantiċipa tnaqqis addizzjonali li jkompli jbaxxi l-introjtu nett diġà baxx tal-kumpanija.

(169)

Filwaqt li l-massa ta' pensjonijiet tal-irtirar ta' EDF kienet tirrappreżenta FRF 12,2 biljun fl-1997, bl-istess leġiżlazzjoni, il-massa tal-pensjonijiet kellha tikber b'mod sinifikanti matul is-snin sussegwenti, u b'hekk tiżdied, tul l-iskema kollha (inkluża GDF u l-kumpaniji mhux nazzjonalizzati) għal FRF 20 biljun fl-2010 u għal FRF 25 biljun fl-2020 (33). Bl-applikazzjoni ta' skema ta' kontribuzzjonijiet għal EDF ta' 78,4 % li tirrifletti l-piż tal-massa ta' pagi fil-fergħa tal-industriji tal-iskema, is-sehem li kien imiss lil EDF kien ta' FRF 15,7 biljun fl-2010 u FRF 19,6 biljun fl-2020 u dan, mingħajr ma ġie kkunsidrat proviżjonament eventwali tal-impenji futuri, bl-istess leġiżlazzjoni (34). Għaldaqstant iż-żieda prevedibbli tal-ispejjeż tal-pensjonijiet kienet ikbar mill-introjtu nett, wara l-kumpens tal-Istat u t-taxxa, mistenni għall-perjodu 1997-2000 kif muri fit-tabella 1. Għaldaqstant, il-valutazzjoni li seta' jagħmel investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq fl-1997 li, bħall-Istat Franċiż, kien ikun konxju sew tas-sitwazzjoni tal-kumpanija, kienet twasslu biex iżid l-ispejjeż futuri tal-kumpanija u jnaqqas b'daqstant il-prospetti ta' redditu mill-investiment.

(170)

Barra minn hekk, l-investitur privat prudenti seta' jistenna tnaqqis konsiderevoli tad-dejn ta' EDF, li kellu jgħaddi minn FRF […] għal FRF […] f'erba' snin (il-premessi 91 u 95). Madankollu, huwa stabbilit li EDF żammet klassifikazzjoni finanzjarja Aaa mill-aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu Moody's bejn l-1992 u l-1996 bi proporzjon ta' dejn ta' 480 %. L-awtoritajiet Franċiżi jsemmu wkoll b'mod pjuttost vag ġenerazzjoni ta' riżorsi ta' FRF 70 biljun minn EDF għall-perjodu 1997-2000 (il-premessa 84). Madankollu, it-tnaqqis tad-dejn ta' EDF u l-effett mekkaniku tiegħu fuq il-valur tal-assi netti tal-kumpanija ma kellux jirriżulta fit-titjib tal-kumpens tal-Istat Franċiż matul l-istess perjodu iżda, għall-kuntrarju, f'deterjorament ċar meta mqabbel mal-perjodu bejn l-1991 u l-1996 (il-premessa 134).

(171)

Kif tindika EDF, tnaqqis eventwali tal-klassifikazzjoni ta' EDF minn aġenziji bħal Moody's jew Standard & Poor's xorta kien jippermetti lil EDF iżżomm klassifikazzjoni eċċellenti (il-premessa 71). Barra minn hekk, fost l-għanijiet stabbiliti bejn l-1997 u s-sena 2000, kien hemm it-tnaqqis tad-dejn ta' EDF għall-ammont ta' FRF […]. Għalhekk dan kien iwassal għal tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż totali ta' imgħaxijiet imġarrba minn EDF. La t-tnaqqis tad-dejn totali ta' EDF, la l-ispiża tiegħu, lanqas benefiċċji potenzjali li setgħu jirriżultaw għall-Istat azzjonist, ma kienu jiġu kompromessi b'injezzjoni inqas ta' kapital ta' FRF 44,8 biljun minflok ta' FRF 50,7 biljun. Proporzjon tad-dejn fuq l-ekwità ta' 163 % minflok il-148 % previsti minħabba l-eżenzjoni mit-taxxa ma kienx ikun ta' ħsara għall-interessi tal-azzjonist. F'dan ir-rigward, m'hemmx struttura finanzjarja tajba u r-rapport tal-Assemblea Nazzjonali (il-premessa 100), juri proporzjonijiet fis-settur li jvarjaw minn 250 % (Verbund, l-Awstrija) għal 10-15 % (Veba, il-Ġermanja u PowerGen, ir-Renju Unit)

(172)

Id-dejn ippermetta lil EDF tiffinanzja t-tkabbir tagħha u r-riżultati tagħha mingħajr fondi addizzjonali mill-azzjonist, u b'hekk kabbret ir-redditu tal-fondi diġà investiti mill-Istat b'“effett ta' lieva” tad-dejn. Madankollu kienet ingħatat prijorità lit-tnaqqis tad-dejn, anki meta EDF kellha klassifikazzjoni eċċellenti qabel it-tnaqqis tad-dejn previst (il-premessa 71). Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni eċċellenti li tirrifletti l-kapaċità ta' rimborż ta' EDF vis-à-vis il-kredituri tagħha qabel l-1996 mhijiex inkompatibbli ma' kumpens żgħir tal-azzjonist. Għall-kuntrarju, il-klassifikazzjoni tat-titoli tad-dejn li EDF kienet toħroġ kienet tkun aħjar iktar ma l-azzjonist tagħha kien jieħu inqas. Fil-perjodu taż-żmien propost mill-projezzjonijiet mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, it-tnaqqis prevedibbli tal-effett ta' lieva u, fi kwalunkwe każ, l-impatt baxx tal-ammont ta' taxxa fuq il-proporzjon tad-dejn kien iwassal lil investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq jew biex inaqqas il-prospetti ta' redditu tal-investiment tiegħu, jew biex ma jikkunsidrax li l-investiment fl-ekwità fl-ammont ta' taxxa kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jtejjeb is-sitwazzjoni tad-dejn ta' EDF fl-1997.

(173)

Fl-aħħar nett, investitur privat prudenti aktarx li kien jibbaża d-deċiżjoni tal-investiment fuq valutazzjoni tal-kapaċità tal-kumpanija li tiggarantilu kumpens stabbli u adegwat. F'dan ir-rigward, il-kumpens previst għall-Istat azzjonist għall-perjodu 1997-2000 deskritt mill-awtoritajiet Franċiżi kien jidher ferm iktar baxx mis-6,35 % ipprovduti fuq il-bonds ta' Franza fl-istess perjodu. Barra minn hekk, dan il-kumpens seta' de facto jitnaqqas biex tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa lill-Istat kollettur (il-premessi 103 u 106). Il-kumpens tal-azzjonist kien ukoll ferm imnaqqas fl-istess waqt meta l-Istat wettaq l-allegat investiment. Kwalunkwe azzjonist ma kienx ikun sodisfatt bit-tnaqqis f'daqqa u ferm sinifikanti fil-kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital. Dan il-kumpens kellu jinżel minn medja ta' 9,32 % attwali fuq il-perjodu 1991-1996 għal 4,64 % previsti għall-perjodu 1997-2000, jiġifieri tnaqqis ta' iktar min-nofs. Meta miżjud mal-ekwità, ir-redditu kellu jinżel minn medja ta' 14,1 % fl-aħħar tal-1996 għal 2,94 % previsti għall-istess perjodu (il-premessi 92 u 102, it-tabelli 1 u 3).

(174)

Ċertament li investitur privat prudenti jista' jaċċetta tnaqqis tal-kumpens kurrenti tiegħu fil-perspettiva ta' tkabbir tal-kumpanija li jkun ifisser jew kumpens aħjar fil-futur, jew evalwazzjoni tal-valur tal-kumpanija li tista' tiġġenera qligħ kapitali meta jinbiegħu l-assi tagħha li jirrifletti dritt tal-proprjetà fuq il-kumpanija. F'dan ir-rigward, min-naħa, ir-redditu kurrenti li seta' jkun mistenni fl-1997 ma kienx ipatti għat-tnaqqis f'daqqa tar-redditu passat. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-erba' fatturi li setgħu joħolqu valur għall-azzjonist u identifikati fil-premessi 164 sa 173 ma jwasslux għall-konklużjoni ta' tkabbir tal-valur tal-kumpanija prevedibbli mill-azzjonist, mid-data disponibbli fid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi.

(175)

Barra minn hekk, l-elementi disponibbli ma jwasslux għall-konklużjoni li investitur privat prudenti li jkun qiegħed jaġixxi minflok l-Istat Franċiż fl-1997 kien ikun ċert minn qligħ kapitali li jikkumpensa d-dgħufija tal-kumpens kurrenti pprovdut lill-Istat, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli. L-awtoritajiet Franċiżi ma wettqu l-ebda studju tal-valur ta' EDF qabel u wara r-riklassifikazzjoni tar-riżervi fl-1997.

(176)

Barra minn hekk, fl-1997, EDF kienet ilha iktar minn ħamsin sena, stabbiliment industrijali u kummerċjali pubbliku u mhux kumpanija b'responsabbiltà limitata. Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi Nru 46-628, il-kapital tagħha kien jappartjeni għall-poplu Franċiż u ma setax ikun trasferit (il-premessa 18). Barra minn hekk, huwa ċar li, anki wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali ta' EDF introdott mil-Liġi Nru 97-1026, fl-1997 id-dejn nett totali ta' EDF li kien jammonta għal madwar FRF 118-il biljun, kien jiżboq ferm il-valur tal-ekwità tagħha li kien jammonta għal FRF 79,8 biljun (il-premessa 101, it-tabella 2).

(177)

L-ebda dokument li spjega l-allegata deċiżjoni ta' investiment mill-awtoritajiet Franċiżi ma jsemmi xi abbozz ta' privatizzazzjoni eventwali ta' EDF permezz tal-bejgħ tal-kapital kollu miżmum mill-Istat jew ta' parti minnu. Dan kien ikun jeħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta' status ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata u l-abbandun tal-istatus ta' stabbiliment industrijali u kummerċjali pubbliku. Minflok, l-unika referenza għall-istatus ta' EDF li tinsab fid-dokumenti kienet l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Istat tal-impenn tiegħu li jżomm l-istatus speċifiku ta' EDF li “kellha tibqa' referenza stabbli fl-iżviluppi futuri” fi ħdan is-suq intern tal-elettriku (il-premessa 95). Huwa abbażi ta' din l-informazzjoni li Franza tiddikjara li ttieħdet id-deċiżjoni tal-investiment. Dawn il-fatti għandhom għalhekk jibqgħu l-kwadru ta' referenza tal-analiżi tal-allegata deċiżjoni.

(178)

F'dawn il-kundizzjonijiet, ma kienx ikun raġonevoli u prudenti għal investitur li jittama fi qligħ kapitali li kien jiddependi fuq l-intervent tas-setgħa leġiżlattiva fil-konfront kemm, min-naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-liġi deċiżi mill-awtoritajiet Franċiżi fl-1946 u applikati mingħajr eċċezzjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, tar-rieda espressa tal-Istat, affermata mill-Ministru inkarigat mill-parteċipazzjonijiet tal-Istat fiż-żmien tal-fatti fl-1997, li jżomm l-istatus legali speċifiku ta' EDF fis-suq intern tal-enerġija liberalizzat fil-livell tal-Unjoni. Is-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-konklużjonijiet ta' EDF rigward ir-redditu tal-investiment li kien jippretendi investitur privat prudenti, ibbażat fuq il-valur inizjali u futur tal-ishma ta' EDF fl-1997 (il-premessi 69 u 70), ma jikkunsidrawx l-istatus ta' EDF fl-1997, u huma f'kontradizzjoni mid-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi li jirreferu għalihom.

(179)

Kif jenfasizzaw l-awtoritajiet Franċiżi, bħala stabbiliment industrijali u kummerċjali pubbliku fl-1997, EDF ma kellhiex ekwità, għall-kuntrarju, pereżempju, ta' kumpanija b'responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha jkun miżmum mill-azzjonisti (il-premessa 19), li jistgħu jbiegħu l-ishma tagħhom mill-ġdid fi kwalunkwe ħin. Barra minn hekk l-investitur ta' referenza kien ikollu jiddetermina fost oħrajn ċertu numru ta' fatturi jew jifformula suppożizzjonijiet neċessarjament dubjużi fl-1997; jiġifieri, i) meta l-Istat kien sejjer jiffissal-ekwità ta' kumpanija b'responsabbiltà limitat futura, b'mod partikolari billi jinkludi jew le kważi-ekwità, li jiddetermina l-kapaċità tal-kumpanija li tassigura dividend stabbli; ii) x'inhu l-għadd ta' ishma li fihom sejjer jinqasam dan il-kapital, bl-għarfien li l-kwantità tal-ammont jiddetermina parzjalment l-attraenza tagħhom fuq is-suq; iii) x'forma eventwali sejjer jieħu l-ftuħ tal-kapital permezz ta' ħruġ ta' ishma ġodda u f'liema ammont, li jiddetermina l-grad ta' dilwizzjoni possibbli tal-parteċipazzjoni tiegħu; u fl-aħħar, iv) meta sejjer ikun implimentat dan l-eżerċizzju, li, minħabba l-prospetti baxxi ta' valorizzazzjoni li kienu qegħdin juru r-riżultati mbassra ta' EDF sas-sena 2000 (il-premessa 167) seta' biss jiġi kkunsidrat fil-futur imbiegħed. M'hemm xejn fl-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi għall-perjodu ta' qabel l-allegat investiment li jissuġġerixxi li dawn il-mistoqsijiet setgħu jitwieġbu fl-1997.

(180)

F'dawn il-kundizzjonijiet, it-tkabbir eventwali tal-valur tad-dritt miżmum mill-Istat fil-kapital ta' EDF li jirriżulta mill-injezzjoni ta' kapital inkwistjoni, jekk wieħed jissupponi li huwa ċert, li żgur mhuwiex il-każ, kien jimplika min-naħa ta' investitur prudenti li jispekula mill-inqas erba' fatturi essenzjali li fuqhom, għall-kuntrarju tal-leġiżlatur u tar-regolatur, ma kienx ikollu kontroll u lanqas, fi kwalunkwe każ, informazzjoni valida disponibbli fl-1997. Investitur privat prudenti ma kienx jinjora il-kważi nuqqas ta' likwidità tal-investiment tiegħu. Minn dan isegwi li investitur privat prudenti kien jikkunsidra din iċ-ċirkustanza meta kien sejjer jiddeċiedi jekk jinvestix jew le. Dan in-nuqqas ta' likwidità jnaqqas l-interess ta' żieda eventwali tal-valur tal-kumpanija

(181)

Barra minn hekk, kif indikat fil-premessa 144, it-test tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq għandu jkun ibbażat prinċipalment fuq l-informazzjoni u l-elementi mibgħuta mill-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni diġà ttieħdet, la huwa l-Istat Membru li qiegħed jallega li huma dawn l-elementi, u mhux oħrajn iktar ipotetiċi, jew saħansitra f'kontradizzjoni mal-elementi mibgħuta, li l-Istat Membru ħa inkunsiderazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq tkun ibbażata fuq il-valutazzjonijiet prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni (il-punt 105 tas-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2012). B'hekk, fl-1997 l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw li l-istatus ta' EDF li ma kienx jippermetti l-ħolqien u l-bejgħ mill-ġdid tal-ishma ta' EDF, kien sejjer jinżamm bħala referenza stabbli, anki f'suq Ewropew liberalizzat (il-premessa 95). L-użu ta' suppożizzjonijiet li jikkontradixxu l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi jqiegħed it-test f'sitwazzjoni li mhijiex l-eqreb possibbli għal dik tal-Istat Membru, għall-kuntrarju ta' dak li normalment titlob il-ġurisprudenza (il-premessa 126).

(182)

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi, għall-ħtiġijiet tal-analiżi, li investitur privat prudenti seta' kkunsidra evalwazzjoni futura tal-valur tal-investiment tiegħu f'data inċerta minbarra r-redditu regolari offrut, biex jiddeċiedi dwar l-allegat investiment, l-investitur kien jagħżel il-kapaċità tal-kumpanija li tiġġenera dividendi fit-tul, u b'hekk ikun qiegħed isegwi l-orizzont tal-Istat Franċiż li kien ilu jikkontrolla lil EDF sa mill-1946. Biex jistma l-valur tad-dritt tal-proprjetà tiegħu f'EDF, l-investitur privat prudenti kien jeskludi l-valur kontabbli tal-assi netti tal-kumpanija, anki billi jistrieħ fuq it-tnaqqis tad-dejn u l-ġenerazzjoni ta' riżorsi li jissuġġerixxu l-awtoritajiet Franċiżi (il-premessa 84). Il-valur tal-assi, l-ammonti ta' investiment jew it-tnaqqis tad-dejn mhux bilfors jikkoinċidu mal-valur ekonomiku reali għall-iffissar ta' prezz tat-tranżazzjoni. Għalhekk, ma jkunx xieraq li wieħed jintrabat mal-fatt li r-rimborż totali tad-dejn ta' EDF fl-1997 kien ikun jeħtieġ ammonti ferm ikbar mill-ekwità ta' EDF (il-premessa 177). Fit-tul, il-valur tal-kumpanija jiddependi mill-kapaċità tagħha li tiġġenera valur għall-azzjonist fil-forma ta' dividendi jew evalwazzjoni tal-kapital, pjuttost milli mill-valur kontabbli tal-assi jew tal-patrimonju tagħha.

(183)

Fost id-diversi metodi użati fil-finanzi biex wieħed jistma l-kost tal-għażla jew ir-redditu meħtieġ minn dritt ta' proprjetà trasferibbli bi ħlas fil-kapital ta' kumpanija, l-iktar wieħed użat huwa dak tal-mudell ta' evalwazzjoni tal-assi finanzjarji (bl-Ingliż, Capital Asset Pricing Model“CAPM”) (35). Kif muri fit-tabella 5, l-applikazzjoni tal-mudell CAPM għal investiment fil-kapital ta' EDF fl-1997 tiddetermina valur fil-mira ta' redditu meħtieġ ta' madwar 12 %, li jista' jitla' sa 13,4 %, għal assi likwidu bħalma huwa sehem ta' EDF. Madankollu, dan il-valur fil-mira għandu jitqies bħala minimu. Huwa jassumi li mhux biss dritt ta' proprjetà fuq EDF bħal assi kien possibbli u trasferibbli, iżda wkoll li hemm suq likwidu, meta l-Istat kellu 100 % tal-kapital u meta EDF ma setgħetx toħroġ ishma. Mar-redditu meħtieġ għal assi likwidu wieħed għandu jżid primjum ta' bejn 0,5 % u 1,5 % (36) li jirrifletti l-inċertezza kbira li tirriżulta mill-fatturi eżaminati fil-premessi 179 u 180 dwar il-likwidità tat-titoli ta' EDF li seta' jkollu investitur privat prudenti fl-1997.

(184)

Fi kwalunkwe każ, il-validità tad-daqs ta' 12 % eskluż il-primjum ta' likwidità hija qrib, għalkemm inqas, mir-redditu kurrenti fuq l-ekwità ta' 14 % li bih EDF kienet ikkumpensat lill-Istat Franċiż bejn l-1991 u l-1996 (il-premessa 102, it-tabella 3). Normalment huwa mir-redditu reali miksub li toħroġ l-aspettattiva tar-redditu għall-futur. Il-validità ta' dan id-daqs ta' 12 % hija kkorroborata wkoll mill-użu ta' parametri oħrajn ibbażati fuq ċifri disponibbli dak iż-żmien, inklużi dawk użati fl-istudju li sar f'isem EDF u msemmi fil-premessa 70, li jiddetermina valur fil-mira f'firxa ta' bejn 11,9 % u 13,5 %, b'medja ta' 12,7 %. Peress li r-riżultati tal-analiżi ma jinbidlux bi primjum ta' likwidità flimkien mar-redditu fil-mira ta' madwar 12 %, jew jekk wieħed japplika mill-1997 l-14 % ta' redditu reali fuq il-passat reċenti, m'hemmx bżonn li dan il-primjum u r-redditu reali jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Tabella 5

Redditu fil-mira meħtieġ għal investiment f'ishma ta' EDF fl-1997: valuri ta' kalkolu

Parametru

Valur

Sors

Rata mingħajr riskju

6,35 – 5,58

Medja annwali fl-1997 tar-rata ta' kuljum tas-self ewlieni tar-Repubblika Franċiża għal 30 sena u għal 10 snin, sors Banque de France: Rata ta' referenza tal-kambjali tat-Teżor u OAT, http://www.banque-france.fr/economie-et-statistiques/changes-et-taux)

Bêta ta' EDF (bid-dejn)

0,45 – 0,54 – 0,62

1 Bêta ta' EDF — Vernimmen et alii op.cit., grafika p. 427. 2 u 3 Studju ta' Oxera, it-tabella 3.8, Bêta tal-kumpaniji Ewropej f'dan is-settur.

Ammont ta' dejn (%)

60

Struttura tal-kapital ta' EDF wara r-ristrutturar tal-1997

Bêta ta' EDF (mingħajr id-dejn)

0,84 – 0,89 – 1,36

1 u 2 Kalkolu tal-Kummissjoni. 3 Studju ta' Oxera, it-tabella 3.8

Primjum tar-riskju tas-suq

6,3 – 7,3

1 Vernimmen op.cit. p. 423 li jikkwota lil Mehra Prescott 2/2003 T.2 FR 1973-98. 2/Medja tal-primjum tar-riskju antiċipat fi Franza fil-perjodu 1988-1996 (dan il-primjum kien ta' 10,1 % fl-1996). “An examination of Equity Risk Premium Forecasts in the G-6 Countries” (Analiżi tal-Previżjonijiet tal-Primjum tar-Riskju tal-Ekwità fil-Pajjiżi tal-G-6), Khorana, Moyer & Pattel, I/B/E/S Dokument ta' Ħidma, Awwissu 1997, p. 25.

Firxa ta' redditu fil-mira

11,7 – 12,1 – 13,4

Kalkolu tal-Kummissjoni

Medjan tar-redditu

12

Kalkolu tal-Kummissjoni

(185)

Biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-investiment fl-1997, investitur privat prudenti fl-eqreb sitwazzjoni possibbli tal-awtoritajiet Franċiżi kien jagħżel l-istimi sistematiċi tar-riżultati futuri ta' EDF validati mill-awtoritajiet kompetenti u kkunsidrati bħala xenarju finanzjarju kif indikati fil-kont stmat tal-ġenerazzjoni ta' introjtu ta' EDF għall-perjodu 1997-2000 (il-premessi 90-92 it-tabella 1, il-premessa 97). L-eżenzjoni mit-taxxa kienet tirrappreżenta 11 % tal-FRF 53,3 biljun f'kapital u injezzjonijiet ta' kapital ta' EDF fl-1997, wara r-ristrutturar tal-karta bilanċjali. Għalhekk wieħed jista' jassumi li l-investiment kien jagħti d-dritt li wieħed jirċievi 11 % tad-dividendi (kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital kif stmati fit-tabelli 1 u 4) u tal-valur ta' EDF. Biex jiġi ddeterminat dan il-valur, jeħtieġ li jiġi applikat mudell ta' kalkolu tal-valur fit-tul tal-kumpanija, jiġifieri l-mudell ta' skont fuq id-dividendi (bl-Ingliż, “dividend discount model”“DDM”) (37).

(186)

Ir-riżultati tal-analiżi bil-mudell DDM ta' investiment ta' FRF 5,88 biljun mid-dividendi previsti fil-kont stmat tal-ġenerazzjoni ta' introjtu ta' EDF 1997-2000 (kumpens tal-injezzjonijiet ta' kapital u kumpens addizzjonali fit-tabella 1) huma ppreżentati fit-tabella 6, filwaqt li titqies ir-rata ta' redditu interna (RRI) tal-flussi finanzjarji u l-valur preżenti nett (“VPN”) għal rati ta' redditu fil-mira ta' 12 %, 6,35 % u 5,58 %, (38). Dawn ir-riżultati huma kkalkulati għal xenarju ta' referenza bbażat fuq il-prattika komuni ta' analiżi (it-tabella 6.1), bi tliet analiżijiet ta' sensittività inqas plawżibbli li jwessgħu s-suppożizzjonijiet tax-xenarju ta' referenza u, għalhekk, jissimulaw redditu ikbar għall-azzjonist mix-xenarju ta' referenza (it-tabelli 6.2, 6.3 u 6.4).

Tabella 6

Stima tar-redditu (VPN) ta' investiment ta' FRF 5,88 biljun skont il-mudell DDM mill-kont stmat tal-ġenerazzjoni ta' introjtu ta' EDF 1997-2000 (it-tabella 1) (FRF biljun)

6.1   Xenarju ċentrali (Tkabbir tad-dividendi mistenni fl-aħħar tal-perjodu 1999-2000)

 

 

1.1.1997

31.12.1997

31.12.1998

31.12.1999

31.12.2000

31.12.2000

 

 

Investiment

Dividendi

Dividendi

Dividendi

Dividendi

valur DDM

 

 

– 5,88

0,23

0,28

0,26

0,26

2,21

Valur preżenti nett ta' 12 %

– 3,43

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 6,35 %

– 3,17

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 5,58 %

– 3,12

 

 

 

 

 

 

RRI

– 13 %

 

 

 

 

 

 

NB: It-tabella għandha tinqara kif ġej: Fil-każ tal-flussi finanzjarji previsti bejn l-1.1.1997 u l-31.12.2000, il-VPN b'rata ta' skont ta' 12 % huwa ta' FRF – 3,43 biljun (…) u l-RRI hija ta' – 13 %


6.2   Sensittività 1 (ɗ dividendi = 4,51 % rata annwali 1997/2000)

 

 

1.1.1997

31.12.1997

31.12.1998

31.12.1999

31.12.2000

31.12.2000

 

 

Investiment

Dividendi

Dividendi

Dividendi

Dividendi

valur DDM

 

 

– 5,88

0,23

0,28

0,26

0,26

3,69

Valur preżenti nett ta' 12 %

– 2,68

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 6,35 %

– 2,14

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 5,58 %

– 2,05

 

 

 

 

 

 

RRI

– 4,7 %

 

 

 

 

 

 


6.3   Sensittività 2 (Xenarju ċentrali + żieda ta' 11 % kważi-ekwità)

 

 

1.1.1997

31.12.1997

31.12.1998

31.12.1999

31.12.2000

31.12.2000

 

 

Investiment

Dividendi

Dividendi

Dividendi

Dividendi

valur DDM

 

 

– 5,88

0,23

0,28

0,26

0,26

4,93

Valur preżenti nett ta' 12 %

– 2,06

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 6,35 %

– 1,29

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 5,58 %

– 1,16

 

 

 

 

 

 

RRI

0,3 %

 

 

 

 

 

 


6.4   Sensittività 3 (Sensittività 1 + żieda ta' 11 % kważi-ekwità)

 

 

1.1.1997

31.12.1997

31.12.1998

31.12.1999

31.12.2000

31.12.2000

 

 

Investiment

Dividendi

Dividendi

Dividendi

Dividendi

valur DDM

 

 

– 5,88

0,23

0,28

0,26

0,26

6,41

Valur preżenti nett ta' 12 %

– 1,30

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 6,35 %

– 0,26

 

 

 

 

 

 

Valur preżenti nett ta' 5,58 %

– 0,08

 

 

 

 

 

 

RRI

5,2 %

 

 

 

 

 

 

(187)

Jirriżulta mill-istimi tat-tabella 6 li għalkemm l-ammont ta' FRF 5,88 biljun allegatament investit kien offra dritt għal perċentwali proporzjonali mid-dividendi u mill-valur ta' EDF, l-operazzjoni ppreżentat valur preżenti nett ferm negattiv (FRF – 3,43 biljun). Biex l-investiment ikollu interess finanzjarju għal investitur privat f'ekonomija tas-suq, fl-ipoteżi l-iktar komunement magħżula (it-tabella 6.1), kien ikun jeħtieġ li l-investitur privat prudenti jaċċetta kumpens ferm iktar baxx minn kost ta' għażla tal-kapital ta' 12 % għal investiment f'ishma likwidi ta' EDF, u saħansitra, iktar baxx ukoll minn dak ipprovdut fuq il-bonds tal-Istat Franċiż għal 30 sena (6,35 %) u għal 10 snin (5,58 %) fl-1997. Madankollu, huwa ċar li investitur privat prudenti ma kienx jinvesti f'dawn il-kundizzjonijiet.

(188)

Dawn il-konklużjonijiet ma jinbidlux fil-kwalità meta wieħed japplika, bħala test tas-sensittività, suppożizzjonijiet oħrajn li, għalkemm inqas plawżibbli, jivvalorizzaw iktar l-allegat investiment (it-tabelli 6.2 sa 6.4) (39). Fi kwalunkwe każ, ir-redditu offrut huwa inqas minn 12 %, u saħansitra inqas minn dak ipprovdut fuq il-bonds tal-Istat Franċiż għal 30 sena u 10 snin fl-1997. Fl-aħħar nett, l-eżami ta' varjabbli oħrajn disponibbli fuq l-istima tal-ġenerazzjoni ta' introjtu ta' EDF, bħall-previżjonijiet ta' dħul, tal-introjtu tal-attività prinċipali jew tal-introjtu nett (il-premessi 166 sa 168) ma kienx jippermetti lill-investitur privat prudenti jantiċipa qlib totali tat-tendenzi li jippermettu sussegwentement kumpens aqwa jew il-ħolqien tal-valur għall-Istat azzjonist. Dawn l-iżviluppi prevedibbli u previsti fl-1997, jerġgħu jikkorroboraw il-konklużjonijiet u l-estensjoni tagħhom għall-perjodu ta' wara s-sena 2000, kif investitur privat prudenti seta' jbassar fl-1997 mill-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi.

(189)

Anki jekk wieħed jikkunsidra li l-investitur privat prudenti kien jistenna qligħ kapitali minbarra r-redditu regolari ta' EDF, li ma huwa indikat imkien fl-informazzjoni u fid-data mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi, u li barra minn hekk kien ikun qiegħed jirriskja li jittama minħabba l-istatus ta' EDF fl-1997, huwa eskluż li kien iwettaq dan l-allegat investiment. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq turi li, anki li kieku l-eżenzjoni mit-taxxa ta' FRF 5,88 biljun kienet fil-fatt deċiżjoni ta' investiment min-naħa tal-Istat azzjonarju, din l-operazzjoni ma kienx iwettaqha investitur privat prudenti bl-informazzjoni li ppreżentaw l-awtoritajiet Franċiżi.

(190)

F'dan ir-rigward, il-kummenti ta' EDF li jidhru fil-premessa 71 u li jgħidu li l-eżenzjoni mit-taxxa ma għandha l-ebda effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u li ma tatha l-ebda benefiċċju peress li EDF setgħet, fi kwalunkwe każ, issib finanzjament simili fis-swieq finanzjarji, huma kontradetti mill-fatti. Huwa ċar li EDF ma setgħetx toħroġ ishma fis-swieq biex tikseb dan l-ammont. Anki kieku EDF sabet sellief, is-self jew il-ħruġ ta' bonds korrispondenti kien ikollu jiġi kkumpensat, fil-probabbiltà kollha, b'rata ogħla minn dik li l-Istat Franċiż kien jistenna għall-injezzjonijiet ta' kapital lil EDF għall-perjodu 1997-2000 u għal dik tal-ispejjeż ta' rifinanzjament ekwivalenti għall-bonds tal-Istat fl-1997. Kieku EDF setgħet tiddisponi minn ammont ekwivalenti prinċipali, l-ispejjeż ta' finanzjament imġarrba kienu jkunu ferm ikbar minn dak tal-allegat investiment. Anki bħala tali, mingħajr ma jitqies kumpens prinċipali li għalih EDF ma kinitx obbligata għall-ammont ta' eżenzjoni mit-taxxa jew l-ammont ekwivalenti f'injezzjonijiet ta' kapital fl-1997, il-miżura kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lil EDF billi naqqset l-ispejjeż finanzjarji tagħha.

(191)

Anki jekk il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq ikun applikabbli, fir-rigward tad-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi li ċċaraw, fil-fehma tagħhom, il-prospetti ta' redditu u r-riskju marbuta mal-allegat investiment fil-forma ta' eżenzjoni mit-taxxa, l-applikazzjoni tat-test tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq turi li investitur privat prudenti ma kienx jinvesti ammont ugwali għat-taxxa dovuta fiż-żieda tal-kapital ta' EDF fl-1997.

(192)

In-nuqqas ta' ħlas minn EDF ta' FRF 5,88 biljun f'taxxa fuq il-kumpaniji ma jidhirx li huwa investiment produttiv min-naħa tal-Istat azzjonist skont il-prinċipju tal-investitur privat prudenti f'ekonomija tas-suq. Jidher pjuttost bħala miżura derogatorja ta' eżenzjoni mit-taxxa ad hoc li pprovdiet benefiċċju ekonomiku lil EDF, ekwivalenti għall-ammont ta' taxxa mhux imħallsa. Dan il-benefiċċju bilfors isaħħaħ il-pożizzjoni ta' EDF fil-konfront tal-kompetituri tagħha, billi l-ammont ta' ekwità jiddetermina, fost fatturi oħrajn, il-kapaċità u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament estern ta' kumpanija, meta barra minn hekk, ir-riżorsi li ffrankat setgħu jintużaw għal finijiet oħrajn, bħal pereżempju, l-investiment fi Franza jew fi Stati Membri oħrajn fejn kompetituri oħrajn kienu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-1997.

(193)

Għaldaqstant il-vantaġġ ekonomiku joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-vantaġġ huwa selettiv, peress li n-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq parti minn dawn ir-riżervi kontabbli huwa eċċezzjoni għat-trattament fiskali li normalment japplika għal tali operazzjoni u, f'dan il-każ, din l-eċċezzjoni ġiet applikata għal kumpanija waħda biss, EDF.

9.2.   RIŻORSI TAL-ISTAT

(194)

Il-kunċett ta' għajnuna jkopri mhux biss benefiċċji pożittivi bħal sussidji, iżda wkoll kwalunkwe intervent mill-awtoritajiet pubbliċi li jnaqqas l-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit ta' kumpanija u li għandhom l-istess effetti tas-sussidji (40). Skont ġurisprudenza stabbilita (41), in-nuqqas ta' ġbir ta' taxxa mill-Istat li kellha tinġabar huwa ekwivalenti għall-użu ta' riżorsa tal-Istat.

(195)

Dan in-nuqqas ta' ġbir tat-taxxa sħiħa fuq il-kumpaniji dovuta għas-sena finanzjarja 1997 ġej direttament mid-dispożizzjonijiet fiskali meħuda mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jimplimentaw att statali, jiġifieri l-Liġi Nru 97-1026 tal-10 ta' Novembru 1997.

9.3.   DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI U EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ BEJN L-ISTATI MEMBRI

(196)

Mill-ħolqien tagħha fl-1946 u sad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE, EDF ibbenefikat fis-suq Franċiż minn sitwazzjoni ta' monopolju bi drittijiet esklussivi għat-trasport, id-distribuzzjoni u l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-elettriku. Madankollu, EDF kienet diġà f'kompetizzjoni mal-produtturi ta' Stati Membri oħrajn anki qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE. Barra minn hekk, kienet teżisti kompetizzjoni libera fuq is-swieq relatati mhux soġġetti għal drittijiet esklussivi li fuqhom EDF kienet diġà ddiversifikat l-attivitajiet tagħha, lil hinn mid-drittijiet esklussivi tagħha, kemm mill-aspett ġeografiku kif ukoll minn dak settorjali. Għaldaqstant effetti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ kienu jeżistu ferm qabel il-liberalizzazzjoni prevista mid-Direttiva 96/92/KE.

(197)

L-elettriku kien is-soġġett ta' kummerċ importanti u dejjem ikbar bejn l-Istati Membri li fih EDF kienet tipparteċipa b'mod attiv. Dan il-kummerċ, imsaħħaħ bl-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/547/KEE (42), kien isir abbażi ta' ftehimiet kummerċjali bejn id-diversi operaturi tas-sistemi tal-elettriku ta' vultaġġ għoli fl-Istati Membri. Fil-pajjiżi Ewropej tal-OECD, l-importazzjonijiet tal-elettriku żdiedu b'rata annwali medja ta' iktar minn 7 % bejn l-1980 u l-1990. Mill-1981 sal-1989, EDF immultiplikat l-eċċess tal-karta bilanċjali tagħha tal-elettriku b'9, u laħqet esportazzjonijiet netti ta' 42 TWh li jirrappreżentaw 10 % tal-produzzjoni totali tagħha. Fl-1985, EDF kienet tesporta diġà 19 TWh lejn l-Istati Membri l-oħrajn.

(198)

Anki qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92/KE fi Frar 1999, ċerti Stati Membri kienu diġà adottaw unilateralment miżuri li jiftħu s-suq tagħhom tal-elettriku. B'mod partikolari, ir-Renju Unit fetaħ is-suq tiegħu 100 % għall-klijenti industrijali l-kbar fl-1990. L-Isvezja fetħet tagħha 100 % fl-1996, il-Finlandja bdiet tiftħu fl-1995 biex laħqet il-100 % fl-1997, il-Ġermanja fetħitu 100 % fl-1998 u l-Pajjiżi l-Baxxi fetħuh għal kollox għall-klijenti industrijali fl-1998. F'dawn iċ-ċirkustanzi, anki qabel id-data stabbilita mid-Direttiva għall-ftuħ għall-kompetizzjoni, l-għajnuna tal-Istat mogħtija lill-kumpaniji li kellhom monopolju fi Stat Membru li jipparteċipa b'mod attiv fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, kif inhu l-każ ta' EDF, setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(199)

Fir-rapport annwali tagħha tal-1997, EDF indikat li tinsab “fost l-ewwel operaturi intenazzjonali fis-settur tal-elettriku, b'iktar minn FRF 13-il biljun kommessi, barra Franza, park ta' produzzjoni b'kapaċità installata li tirrappreżenta kważi 11 % ta' dik tal-park Franċiż u b'iktar minn 8 miljun klijent.” Ir-rapport kien jenfasizza wkoll li fl-1997, EDF “immultiplikat u saħħet l-investimenti tagħha fl-Ewropa billi estendiet il-preżenza tagħha fl-Awstrija u l-Polonja” u li hija “esportat iktar minn 70 TWh fl-Ewropa”. Dawn l-esportazzjonijiet saru f'kompetizzjoni ma' fornituri oħrajn fuq is-swieq ikkonċernati.

(200)

Il-kuntratt ta' negozju 1997–2000, iffirmat fit-8 ta' April 1997 bejn l-Istat u EDF, kien jipprovdi li EDF kellha tiddedika madwar FRF 12-13-il biljun għall-investimenti internazzjonali tagħha, bir-reġjuni tal-Ewropa jkunu fost il-prijoritajiet tagħha. Bejn is-sena 2000 u l-2002, EDF kienet kisbet terz tal-kapital tal-kumpanija Ġermaniża EnBW, żiedet il-kapaċitajiet ta' produzzjoni u ta' distribuzzjoni tas-sussidjarja Ingliża tagħha London Electricity, ħadet il-kontroll dirett tal-kumpanija Taljana Fenice u implimentat sħubija ma' Fiat għax-xiri ta' Montedison (li saret Edison).

(201)

Fl-1997, SDS, sussidjarja 100 % ta' EDF, għaqqdet l-attivitajiet tagħha relatati mal-provvista tas-servizzi lill-klijenti individwali, il-kumpaniji u l-awtoritajiet lokali. SDS kienet twettaq l-attività tagħha fl-ipproċessar tal-iskart, it-tidwil tat-toroq u servizzi oħrajn marbuta mal-enerġija b'kontribut għall-bejgħ ekwivalenti għal EUR 685 miljun fl-1998 meta mqabbel ma' EUR 650 miljun fl-1997. Fis-sena 2000, EDF ħolqot sħubija ma' Veolia Environnement permezz tal-kumpanija Dalkia, li tinsab quddiem nett fl-Ewropa fis-servizzi tal-enerġija lill-kumpaniji u lill-komunitajiet. Dalkia toffri servizzi ta' inġinerija u ta' manutenzjoni tal-enerġija, tamministra impjanti tat-tisħin u servizzi tekniċi marbuta mal-funzjonament tal-bini u tiżgura tħaddim ta' sistemi ta' tisħin, ta' koġenerazzjoni, ta' impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija u tal-fluwidi industrijali.

(202)

EDF żviluppat ukoll l-attivitajiet tagħha fis-suq tal-enerġija rinnovabbli. Fl-1997, il-kumpanija holding CHART, sussidjarja 100 % ta' EDF, għaqqdet l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija ġeotermika u dik tar-riħ. Il-kontribut tagħha għall-bejgħ konsolidat kien ta' EUR 70 miljun dak iż-żmien.

(203)

Fl-aħħar nett, bħala produttur u distributur tal-elettriku, EDF, kienet u għadha f'kompetizzjoni ma' fornituri ta' sorsi oħrajn ta' enerġija ta' sostituzzjoni bħall-faħam, iż-żejt u l-gass, kemm fis-suq nazzjonali tagħha kif ukoll fis-swieq internazzjonali. Fi Franza, pereżempju, EDF nediet b'suċċess kampanja li tħeġġeġ l-użu tal-elettriku għat-tisħin. B'hekk hija kabbret is-sehem tagħha fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha li jipprovdu sorsi ta' enerġija ta' sostituzzjoni bħaż-żejt jew il-gass. Fl-industrija tal-azzar, il-fran elettriċi jikkompetu mal-fran tal-gass u taż-żejt. Minn dan isegwi li miżura bħal dik inkwistjoni hija tali li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni li kienet teżisti mal-fornituri alternattivi, bħal Gaz de France.

(204)

Għalhekk EDF kienet tokkupa pożizzjoni importanti fil-kummerċ tal-elettriku bejn l-Istati Membri fl-1997 meta, fil-preżent, is-suq tal-elettriku fi Franza huwa għal kollox miftuħ u diversi fornituri huma preżenti fih. Jidher għalhekk li fl-1997, EDF kienet diġà stabbilita sew f'ċerti swieq ta' Stati Membri oħrajn, u li l-għajnuna li rriżultat min-nuqqas ta' ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq parti mir-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG ma setgħetx ma taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(205)

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ġew stabbiliti fid-deċiżjoni ta' estensjoni. La Franza u lanqas EDF ma kkontestaw fil-kummenti tagħhom li l-għajnuna tista' taffettwa lill-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(206)

B'hekk, diment li huma ssodisfati l-erba' kriterji msemmija fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE, in-nuqqas ta' ħlas minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpaniji fuq parti mir-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa għat-tiġdid tal-RAG, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq intern.

10.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(207)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprovdi li l-għajnuna li tissodisfa l-kriterji li jistipula huma fil-prinċipju inkompatibbli mas-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jinvoka r-raġunijiet u l-elementi ta' kull xorta li minħabba fihom għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern (43). F'dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ma invokat l-ebda raġuni u lanqas ma pprovdiet xi element f'dan ir-rigward.

(208)

L-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE mhumiex applikabbli f'dan il-każ minħabba n-natura tal-għajnuna, li ma ssegwix l-għanijiet elenkati f'dak il-paragrafu.

(209)

L-għajnuna kkonċernata ma tissodisfax lanqas il-kundizzjonijiet previsti għall-eċċezzjonijiet fil-punti a) u c) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE dwar l-għajnuna maħsuba biex tgħin l-iżvilupp ekonomiku ta' ċerti reġjuni, speċjalment jekk tkun għajnuna operattiva. Fil-fatt, mhijiex soġġetta għal investimenti jew għall-ħolqien ta' impjiegi kif stabbilit fil-linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat (44).

(210)

Il-punt c) tal-Artikolu 107(3), tat-TFUE jipprovdi wkoll eċċezzjoni għall-għajnuna maħsuba biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet meta ma jibdlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. F'dan il-każ, il-miżura ta' għajnuna eżaminata ma taqax taħt din id-deroga. Din l-eċċezzjoni għal-liġi fiskali applikabbli, li tiffavorixxi biss kumpanija waħda, ma tistax titqies li tiffaċilita l-iżvilupp ta' attività. L-uniku għan tagħha fil-fatt huwa li tgħin lil kumpanija billi tnaqqas l-ispejjeż operattivi tagħha.

(211)

F'dak li jirrigwarda l-eċċezzjonijiet previsti fil-punti b) u d) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, il-miżura ta' għajnuna kkonċernata mhijiex maħsuba sabiex tippromwovi proġett ta' interess komuni, la biex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija Franċiża, u lanqas biex tippromwovi l-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju.

(212)

B'hekk, il-kriterji ta' kompatibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE mhumiex issodisfati. Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda l-kumpens tal-ispejjeż ta' servizz pubbliku, l-awtoritajiet Franċiżi ma invokawx fir-rigward tal-vantaġġ fiskali l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, iżda enfasizzaw il-fatt li EDF twettaq kompiti ta' servizz pubbliku. L-awtoritajiet Franċiżi madankollu ma pprovdew l-ebda valutazzjoni tal-ispiża kkawżata lil EDF permezz ta' dawn il-kompiti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi jekk il-vantaġġ fiskali inkwistjoni jikkumpensax jew le l-ispejjeż addizzjonali eventwali marbutin mal-kompiti ta' servizz pubbliku li jkunu imposti għalihom. Fi kwalunkwe każ, jekk in-nuqqas ta' ħlas tat-taxxa kellu jkun deskritt bħala kumpens għall-provvista ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali, mhuwiex stabbilit li tali kumpens kien definit minn qabel skont kriterji trasparenti u oġġettivi u kkalkulat skont l-ispejjeż ta' kumpanija effiċjenti.

(213)

L-eżami tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet ifformulati fis-sentenza Altmark (45), li jippermettu li wieħed jaħrab mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE kif ukoll l-eżami tal-kriterji ta' applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, li l-awtoritajiet Franċiżi lanqas ma jinvokaw, mhumiex possibbli f'dan il-każ.

(214)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-għajnuna eżaminata tikkostitwixxi għajnuna operattiva, li kellha l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta' EDF vis-à-vis il-kompetituri tagħha. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija inkompatibbli mas-suq intern.

(215)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, kuntrarjament għal dak li sostnew l-awtoritajiet Franċiżi, ir-regola ta' preskrizzjoni ma tapplikax f'dan il-każ. Ċertament, EDF ħolqot ir-riżervi kontabbli b'eżenzjoni mit-taxxa mill-1987 sal-1996. Madankollu, wieħed għandu jinnota, min-naħa, li skont il-Kunsill Nazzjonali tal-Kontabilità, il-korrezzjonijiet tal-iżbalji, li min-natura tagħhom, jirrigwardaw il-kontabilità tal-operazzjonijiet fil-passat, għandhom ikunu rreġistrati fil-kontijiet fl-introjtu tas-sena finanzjarja li matulha jiġu skoperti u, min-naħa l-oħra, li l-liġi li tipprovdi li d-drittijiet tal-konċedent ikunu riklassifikati f'injezzjonijiet ta' kapital mingħajr ma jkunu soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji ġġib id-data tal-10 ta' Novembru 1997. Il-vantaġġ fiskali għaldaqstant imur lura għall-1997, u l-preskrizzjoni ma tapplikax għal għajnuna ġdida mogħtija f'din id-data, peress li l-ewwel att tal-Kummissjoni rigward din il-miżura jġib id-data tal-10 ta' Lulju 2001. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-proċedura kontenzjuża tissospendi t-terminu ta' preskrizzjoni.

11.   KONKLUŻJONIJIET

(216)

Il-Kummissjoni tikkonstata li Franza implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji li tammonta għal FRF 5 882 849 762 relatata mar-riklassifikazzjoni f'injezzjoni ta' kapital, prevista mil-Liġi Nru 97-1026, tar-riżervi kontabbli li jikkorrispondu għall-operazzjonijiet ta' tiġdid tan-Netwerk ta' Provvista Ġenerali, diġà mwettqa u li jammontaw għal FRF 14 119 065 335, hija għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

(217)

Skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE, ladarba l-Kummissjoni tistabbilixxi li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha l-awtorità li tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat iwaqqaf jew jibdel dik l-għajnuna. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn 'l quddiem imsejħa ‘deċiżjoni ta' rkupru’). Il-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ ir-rkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

(218)

L-għan segwit mill-Kummissjoni meta teħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jirkupra għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huwa li tistabbilixxi s-sitwazzjoni preċedenti (46). F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbilixxiet li dak l-objettiv jinkiseb ladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illeċita, biex b'hekk jintilef il-vantaġġ li kien qiegħed igawdi minnu għad-detriment tal-kompetituri tiegħu. B'dan il-mod, tkun stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta' qabel ma tkun ingħatat l-għajnuna (47).

(219)

F'dan il-każ, jidher li l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jmur kontra l-irkupru tal-għajnuna illegali kkonstatata. B'mod partikolari, la Franza u lanqas il-partijiet interessati ma ppreżentaw xi argumenti f'dan ir-rigward.

(220)

Minn dan isegwi li Franza għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand EDF l-għajnuna illegali mogħtija fil-forma ta' eżenjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji li tammonta għal FRF 5 882 849 762 għar-riklassifikazzjoni f'kapital ta' parti mir-riżervi li jammontaw għal FRF 14 119 065 335.

(221)

Għall-finijiet ta' dan l-irkupru, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom iżidu wkoll mal-ammont tal-għajnuna l-imgħaxijiet tal-irkupru li jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-għajnuna inkompatibbli tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-kumpanija, jiġifieri d-data li fiha kien dovut il-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji għas-sena finanzjarja 1997 sal-irkupru effettiv tagħha (48), skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (49).

(222)

Bħala parti mill-obbligu ta' kooperazzjoni leali ta' Franza fil-kuntest tal-proċedura ta' rkupru, dan l-ammont għandu jkun stabbilit b'mod iktar preċiż matul il-proċedura, abbażi ta' elementi li għandhom ikunu pprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi, u li jieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, ir-rati tal-kambju bejn l-ECU/EUR u l-Frank Franċiż (FRF) eventwalment applikabbli għall-pagamenti minn EDF tat-taxxa fuq il-kumpaniji matul is-sena 1997 u r-rimborż lil EDF tal-għajnuna wara l-kanċellazzjoni tal-ewwel deċiżjoni negattiva fl-2009. Fil-fatt, f'dan il-każ, l-imgħaxijiet mhumiex dovuti għall-perjodu li matulu l-għajnuna ma kinitx disponibbli għall-kumpanija, jiġifieri, il-perjodu bejn l-irkupru effettiv tal-għajnuna minn Franza u l-ħlas lura lil EDF. L-imgħaxijiet eventwalment mogħtija minn Franza lil EDF xorta waħda għandhom jiġu kkunsidrati.

(223)

L-awtoritajiet Franċiżi jridu jirkupraw l-ammont ta' hawn fuq fi żmien erba' xhur mid-data ta' meta tiġi nnotifikata din id-Deċiżjoni.

(224)

Skont ġurisprudenza stabbilita, f'każ li Stat Membru jiltaqa' ma' diffikultajiet mhux previsti jew ma' ċirkustanzi li ma kinux ġew previsti mill-Kummissjoni, dawn il-problemi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, flimkien ma' proposti dwar l-emendi xierqa, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvalutahom. F'dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom jikkooperaw in bona fede sabiex isibu soluzzjoni għal dawn id-diffikultajiet, filwaqt li jħarsu bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet (50) tat-TFUE.

(225)

Għaldaqstant il-Kummissjoni qiegħda titlob lil Franza sabiex tissottometti minnufih kwalunkwe problema li tista' tiltaqa' magħha waqt l-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji favur Electricité de France li tammonta għal 5 882 849 762 frank Franċiż, relatata mar-riklassifikazzjoni f'kapital tar-riżervi li jikkorrispondu għall-valur korrispondenti tal-assi in natura taħt konċessjoni tan-netwerk ta' provvista ġenerali, hija għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

2.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, implimentata b'mod illegali mir-Repubblika Franċiża hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Ir-Repubblika Franċiża għandha tirkupra l-valur korrispondenti f'Euro tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet mid-data li fiha l-għajnuniet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sakemm jiġu effettivament irkuprati.

3.   L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta' imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2.   Ir-Repubblika Franċiża għandha tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-deċiżjoni, ir-Repubblika Franċiża għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (kapital u imgħax) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma' din id-deċiżjoni; u

(c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Ir-Repubblika Franċiża għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin biex tiġi implimentata din id-deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, kull informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati sabiex tkun konformi ma' din id-deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, l-istess. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE introduċa wkoll ċertu tibdil fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” b'“Unjoni”, ta' “suq komuni” b'“suq intern” u ta' “Qorti tal-Prim'Istanza” b'“Qorti Ġenerali”. It-terminoloġija tat-TFUE hija użata f'din id-deċiżjoni.

(2)  ĠU C 280, 16.11.2002, p. 8.

(3)  ĠU L 49, 22.2.2005 p. 9.

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġeneral tal-15 ta' Diċembru 2009 fil-Kawża T-156/04-EDF/Kummissjoni, Ġabra 2009 II-04503.

(5)  Is-Sentenza Il-Kummissjoni vs EDF C-124/10P, UE:C:2012:318.

(6)  ĠU C 186, 28.6.2013, p. 73.

(7)  Tweġiba tal-awtoritajiet Franċiżi tat-23.12.2013, il-punti 71 u 72.

(8)  Rapport speċjali dwar il-konċessjonijiet ta' EDF Nru 1993 tal-10 ta' Ottubru 1994.

(9)  Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(11)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 84.

(12)  “Does the 1997 recapitalisation of EDF by the French State meet the private investor test?”. (“Ir-rikapitalizzazzjoni tal-1997 mill-Istat Franċiż tissodisfa t-test tal-investitur privat?”) Rapport Finali tal-15 ta' Ottubru 2013.

(13)  Kuntratt ta' negozju l-Istat/EDF 1997-2000, iffirmat fit-8 ta' April 1997

(14)  Ittra tat-12 ta' Lulju 1996 mingħand il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi u l-Ministru tal-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni lill-President ta' EDF, Ittra tat-22 ta' April 1997 mingħand il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi u l-Ministru tal-Industrija, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni lill-President ta' EDF.

(15)  Ittra mingħand id-direttur finanzjarju ta' EDF lill-Kap tal-Finanzi u tal-Investimenti tat-Teżor tad-19 ta' Frar 1997; Nota ta' analiżi ta' EDF bid-data tas-27 ta' Lulju 1996 dwar il-kumpens lill-azzjonist, mibgħuta lis-Senat fil-15 ta' Settembru 1997.

(16)  Memorandum ta' spjegazzjoni tal-Artikolu 45 tal-abbozz tal-liġi rigward diversi dispożizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, adottat fil-Kunsill tal-Ministri fil-5 ta' April 1997; Rapport tal-Kummissjoni tal-finanzi, tal-ekonomija ġenerali u tal-pjan tal-Assemblea Nazzjonali ppreżentat mid-Deputat Didier MIGAUD tal-10 ta' Settembru 1997 dwar l-abbozz ta' liġi Nru 201 dwar miżuri urġenti fiskali u finanzjarji; Rapport tas-Senatur Alain Lambert dwar l-abbozz ta' liġi rigward miżuri urġenti fiskali u finanzjarji ppreżentat fl-24 ta' Settembru 1997; Diskors ta' preżentazzjoni tal-abbozz ta' liġi MUFF mill-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija quddiem is-Senat fit-2 ta' Ottubru 1997.

(*)  Informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali.

(17)  Il-kuntratt jirreferi għad-Direttiva 96/92/KE. Din id-Direttiva, l-istess bħal dawk li segwewha, ma tipprovdix regoli rigward l-istatus tal-produtturi, trasportaturi jew distributuri tal-elettriku assoċjati fis-suq intern.

(18)  l-emendi rigward ir-riport mill-ġdid mhumiex parti mill-effetti tal-Artikolu fis-sens strett iżda huma konsegwenza loġika tagħhom

(19)  Ir-redditu għall-Istat azzjonist huwa spjegat mid-dgħufija tal-bażi tat-taxxa tal-injezzjonijiet ta' kapital ta' FRF 36 biljun (denominatur tal-proporzjon) u mill-kobor tar-riżervi kontabbli. Wara l-kontabilità ta' dawn, sal-1996, l-introjtu nett annwali ta' EDF sar negattiv. Ir-riport mill-ġdid negattiv tal-introjtu kien rifless fil-forma ta' konsum tal-ekwità fil-karta tal-bilanċ, stabbilita għal FRF 24,2 biljun (ara t-Tabella 2, il-kolonna “L-aħħar tal-1996” li turi kif l-ekwità ta' EDF kienet imnaqqsa b'riport mill-ġdid negattiv ta' FRF 20,2 biljun, qabel l-emenda introdotta mill-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 97-1026). Peress li t-taxxa ma nġabritx fuq introjtu negattiv, ir-redditu pożittiv ħafna għall-Istat azzjonist kien qiegħed isir b'detriment tal-Istat kollettur.

(20)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 82.

(21)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 83.

(22)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 84.

(23)  Is-Sentenza Il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 104.

(24)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 86.

(25)  Is-Sentenza il-Kummissjoni-EDF C-124/10P, UE:C:2012:318, il-punt 95.

(26)  L-istudju Oxera, il-punti 3.3, 3.24-3.25.

(27)  L-istudju Oxera, it-tabella A2.2.

(28)  L-istudju Oxera, il-punt 3.3.

(29)  L-istudju Oxera, il-punti 3.3, 3.15, it-tabella 3.2, it-tabella 3.8 għall-koeffiċjent beta u l-Anness 5.

(30)  L-istudju Oxera, il-punt 3.5, 3.13, 3.20 sa 3.23.

(31)  Medja annwali tar-rata ta' kuljum tas-self ewlieni Franċiż għal 30 sena u 10 snin, sors Banque de France: Rata ta' referenza tal-kambjali tat-Teżor u OAT, http://www.banque-france.fr/economie-et-statistiques/changes-et-taux

(32)  Ir-rilevanza ta' kalkolu ta' redditu fuq it-total tal-ekwità fissa fil-kumpanija meta mqabbel mal-kapital investit biss fil-forma ta' injezzjonijiet ta' kapital hija kkonfermata mill-fatt li, fil-kuntratt bejn l-Istat u EDF għall-perjodu 2001-2003, il-kumpens tal-Istat kwantifikat f'perċentwal (37,5 %) tal-introjtu nett ġie ristrett f'firxa ta' minimu (1,5 %) u ta' massimu (4,5 %) tal-bażi tat-taxxa tal-ekwità. Tweġiba tal-awtoritajiet Franċiżi tat-23.12.2013, il-punt 53.

(33)  Rapport annwali EDF 1997, p. 103.

(34)  Permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 2003 (C(2003)4637 finali), ĠU L 49, 22.2.2005 p. 9., il-Kummissjoni ddeċidiet li ma toġġezzjonax għar-riforma tal-iskema ta' pensjonijiet applikabbli għall-industriji tal-elettriku u tal-gass li għaliha EDF kienet soġġetta. Din ir-riforma kellha l-effett li titfa' fuq l-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali l-ispejjeż u l-impenn tal-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-iskema speċifika tal-persunal ta' EDF u tal-kumpaniji l-oħrajn li kienu qegħdin jipparteċipaw fiha.

(35)  Dan il-mudell jevalwa r-redditu fil-mira li jitlob investitur fil-kapital ta' kumpanija (k) bħala r-riżultat ta' żieda mar-redditu ta' assi finanzjarju meqjus mingħajr riskju jew b'riskju baxx, jiġifieri, bond tal-Istat fis-suq finanzjarju ta' referenza (rf), primjum ta' riskju tas-suq li jirrifletti n-natura iktar riskjuża ta' investiment f'ishma (Km – rf) immultiplikat b'koeffiċjent ta' riskju speċifiku tas-sehem tal-kumpanija kkonċernata (β) li jista' jkun, preferibbilment, dak tal-kumpanija nnifisha jew, inkella, dak tal-kumpaniji komparabbli użati bħala referenza. Il-parametru β, għandu jkun stmat għal kumpanija mingħajr dejn (gearing), biex jitkejjel ir-riskju intrinsiku (l-assi) tal-kumpanija meta mqabbel mas-suq. Il-mudell huwa k = rf + β × (Km – rf). Il-Kummissjoni applikat il-mudell CAPM biex tistma r-redditu meħtieġ ta' investimenti f'kapital f'kumpanija, approvat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: T-319/12 — Spanja/Il-Kummissjoni, “Ciudad de la Luz”, EU:T:2014:604, l-punti 48 sa 66. Għal deskrizzjoni usa', ara Vernimmen et alii “Corporate Finance” John Wiley & Sons ed. it-tieni edizzjoni, 2009, kap. 22; għar-riżultati ta' stħarriġ fuq il-frekwenza tal-użu tal-metodi ta' evalwazzjoni, ara p. 460. Il-bażi teoretika u applikazzjoni numerika tas-CAPM f'dan il-każ jinsabu wkoll fl-istudju li sar minn Oxera f'isem EDF (il-premessa 70), b'mod partikolari l-Anness I tiegħu.

(36)  Vernimmen et alii “Corporate Finance” John Wiley & Sons ed. it-tieni edizzjoni, 2009, pp. 433-4.

(37)  Il-mudell DDM jirrappreżenta l-valur tal-kumpanija mill-(aħħar) dividend imħallas (Dt), mir-rata ta' tkabbir tad-dividendi (ɗD) u mill-kumpens immirat, jew il-kost tal-għażla tal-kapital (K) skont il-formula Vr = Dt (1 + ɗD)/(K – ɗD). Il-mudell DDM jintuża wkoll fl-istudju ta' Oxera f'isem EDF (il-punti 3.27-3.31, it-tabella 3.4), iżda b'valuri differenti u, fil-każ ta' wħud minnhom, ferm irrealistiċi. L-istudju ta' Oxera jieħu rata ta' tkabbir tad-dividendi ta' 9,3 % fis-sena. Ir-rati ta' tkabbir tad-dividend huma assoċjati, f'kalkolu perpetwu bħal dak tal-mudell DDM, mat-tkabbir tal-kumpanija. Rati ta' tkabbir ta' 9,3 % ferm ogħla mill-inflazzjoni u mir-rata tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross (“PDG”) fit-tul, ifissru li, eventwalment, EDF sejra timmonopolizza il-PDG kollu ta' Franza.

(38)  Valur preżenti nett negattiv għal rata ta' imgħax (skont-finanzjament) partikolari jindika li l-investiment mhuwiex profittabbli f'din ir-rata ta' imgħax. Ir-rata ta' redditu interna (pożittiv –“RRI”), tindika r-rata ta' imgħax effettiv li biha l-flussi finanzjarji mistennija jikkumpensaw investiment.

(39)  L-ipoteżi li d-dividend ta' EDF jikber b'4,51 % (sensittività 1, it-tabella 6.2) tidher ottimista; hija tinkiseb jekk titwitta r-rata ta' tkabbir prevista għall-erba' snin ta' tbassir 1997-2000. Minbarra fil-prattika tas-soltu, it-tkabbir tad-dividendi magħżul huwa dak ta' tmiem il-perjodu (xenarju ċentrali), fil-fatt, id-dividendi li għandhom jitħallsu minn EDF kellhom jonqsu bejn l-1997 u s-sena 2000 meta mqabbla mal-1991-1996 u fl-1999 u fis-sena 2000 meta mqabbla mal-1998. Fi kwalunkwe każ, rata perpetwa ta' 4,51 % hija għolja f'valur assolut. L-ipoteżi (sensittività 2, it-tabella 6.3) li jżid l-azzjonist -jew iħallas ix-xerrej- (prorata) kważi ekwità ta' EDF kif stmata fl-1997 fil-valur oġġettiv ta' EDF kif ikkalkulat ma tiħux inkunsiderazzjoni n-natura regolatorja ta' ċerta ekwità (riżervi). Din l-ipoteżi kkombinata mal-mudell DDM hija wkoll ottimista minħabba li tfisser allokament lill-azzjonist (prorata ta' 11 %) tal-kważi ekwità (eskluż il-kapital sottoskrit) li tippermetti lill-kumpanija tassorbi telf eventwali u, fuq żmien twil, li tkun tista' tipprovdi dividend u kumpens regolari għall-azzjonist. Din tippresupponi li l-kważi ekwità ta' EDF stabbilita fl-1997-2000 tibqa' disponibbli perpetwalment, meta l-mudell DDM jinjora s-sorsi ta' kumpens minbarra d-dividend. Għaldaqstant mhijiex suppożizzjoni ġustifikabbli. It-total taż-żewġ ipoteżijiet (sensittività 3, it-tabella 6.4) jimmultiplika l-iżvantaġġi jew in-nuqqasijiet rispettivi tagħhom u jkompli jagħmel ir-riżultati tal-kalkolu iktar impossibbli u riskjużi.

(40)  Is-sentenzi Gezamenlijke Steenkolenmijnen vs L-Awtorità Għolja, 30/59, EU:C:1961:2; is-sentenza Banco de Crédito Industrial C-387/92, EU:C:1994:100; is-sentenza SFEI, C-39/94, EU:C:1996:285; is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, EU:C:1996:353; is-sentenza FFSA vs Il-Kummissjoni, T-106/95, EU:T:1997:23.

(41)  Ara b'mod partikolari s-sentenza Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T-67/94, EU:T:1998:7, il-punt 109.

(42)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/547/KEE tad-29 ta' Ottubru 1990 dwar it-transitu tal-elettriku minn grids ta' trasmissjoni (ĠU L 313 13.11.1990, p. 30).

(43)  C-364/90 — L-Italja vs Il-Kummissjoni, EU:C:1993:157, il-punt 20.

(44)  Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).

(45)  C-280/00 — Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg; EU:C:2003:415.

(46)  Is-Sentenza, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C- 280/92, EU:C:1994:325, il-punt 75.

(47)  Is-Sentenza, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, EU:C:1999:311, il-punti 64-65.

(48)  Ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/99 (imsemmi qabel).

(49)  Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(50)  Is-Sentenza il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-94/87, EU:C:1989:46, il-punt 9, u s-Sentenza il-Kummissjoni vs l-Italja, C-348/93, EU:C:1995:95, il-punt 17.