10.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/132


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/153

tat-2 ta' Lulju 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.31883 — 2015/N, 2011/C li l-Awstrija implimentat u qed tkompli tippjana biex timplimenta għall-ÖVAG u l-Volksbanken Verbund u biex temenda d-Deċiżjoni 2013/298/UE

(notifikata bid-dokument C(2015) 4635)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l- Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) ċitat/i hawn fuq (1),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fid-9 ta' Diċembru 2008 (2) (“id-Deċiżjoni tal-2008”), il-Kummissjoni approvat l-iskema ta' appoġġ lill-banek tal-Awstrija, li mbagħad ġiet imtawla erba' darbiet (3) u li skadiet fit-30 ta' Ġunju 2011.

(2)

F'April 2009 l-Österreichische Volksbanken AG (“ÖVAG”) rċeviet EUR 1 biljun f'kapital ġdid skont l-iskema ta' appoġġ lill-banek tal-Awstrija. Barra minn hekk, l-ÖVAG ippreżentat tliet ħarġiet ta' strumenti tad-dejn li ġew garantiti mill-Istat skont din l-iskema fis-suq, kull wieħed ta' EUR 1 biljun, fid-9 ta' Frar, it-18 ta' Marzu u l-14 ta' Settembru 2009 rispettivament. L-Awstrija provdiet dawk il-miżuri ta' għajnuna bil-preżunzjoni li l-ÖVAG kienet istituzzjoni finanzjarja soda, u ppreżentat pjan ta' vijabbiltà fid-29 ta' Settembru 2009.

(3)

Aktar analiżi wasslet lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-applikazzjoni tal-kriterji stipulati fl-Anness mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni (4) mhux dovuti (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) indikat li l-bank ma setgħax jiġi kkunsidrat bħala b'saħħtu fit-tifsira ta' din il-Komunikazzjoni fil-waqt tar-rikapitalizzazzjoni. L-Awstrija żammet il-pożizzjoni tagħha li l-bank kien b'saħħtu, iżda ippreżentat pjan ta' ristrutturar għall-ÖVAG fit-2 ta' Novembru 2010.

(4)

Permezz ta' ittra datata d-9 ta' Diċembru 2011 (5), il-Kummissjoni għarrfet lill-Awstrija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fir-rigward tar-rikapitalizzazzjoni ta' EUR 1 biljun u l-garanzija ta' EUR 3 biljun mogħtija mill-Awstrija lill-ÖVAG u talbet lill-Awstrija tippreżenta pjan emendat tar-ristrutturar, li l-verżjoni finali tiegħu tressaq fl-4 ta' Settembru 2012 (“il-pjan ta' ristrutturar tal-2012”).

(5)

Fid-19 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni kkonkludiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali permezz tal-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar għajnuna għar-ristrutturar kompatibbli rigward l-ÖVAG (“id-Deċiżjoni tal-2012”) (6), inklużi l-miżuri msemmija fil-premessa 2 hawn fuq kif ukoll injezzjoni ta' kapital ta' EUR 250 miljun mill-Istat fil-forma ta' ishma ordinarji u garanzija tal-assi bil-għan li l-kapital jiżdied b'EUR 100 miljun. Din id-Deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-pjan ta' ristrutturar tal-2012 u l-impenji fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-2012 (“l-impenji tal-2012”).

(6)

Id-Deċiżjoni tal-2012 kienet ibbażata fuq pjan għar-riorganizzazzjoni ta' Volksbanken-Verbund fl-Awstrija (“il-Verbund”) bħala assoċjazzjoni b'responsabbiltà konġunta (Haftungsgemeinschaft). Il-grupp kien magħmul minn 51 Volksbanken indipendenti (“banek primarji”) u l-ÖVAG. Il-banek primarji kellhom biss obligazzjoni limitata fir-rigward tal-ÖVAG, filwaqt li l-ÖVAG kellha responsabbiltà sħiħa fir-rigward il-Verbund (7).

(7)

Fis-26 ta' Ottubru 2014 ir-riżultati tal-Valutazzjoni Komprensiva, imwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“Valutazzjoni Komprensiva mill-BĊE/EBA”) żvelaw defiċit ta' kapital f'ekwità komuni tal-Grad 1 (“CET 1”) f'termini ta' referenza u xenarji negattivi fil-livell tal-Verbund, li inkluda l-ÖVAG.

(8)

L-awtoritajiet Awstrijaċi pubblikament ħabbru li mhux se jipprovdu kwalunkwe għajnuna oħra lill-Verbund. Il-miżuri identifikati f'dak iż-żmien mill-Verbund biex jingħalaq id-defiċit ta' kapital (b'mod partikolari l-bejgħ ta' sussidjarji mhux ewlenin u tnaqqis ulterjuri ta' assi mwieżna għar-riskju (“RWAs”) waħedhom kinux ikunu biżżejjed biex jitnaqqas id-defiċit ta' kapital fiż-żmien stipulat mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (“MSU”).

(9)

Fit-23 ta' Diċembru 2014 l-ÖVAG kellha laqgħa ġenerali straordinarja fejn ġie deċiż li jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-ÖVAG titqiegħed fi stralċ (Abbaugesellschaft), soġġetta għall-approvazzjoni mir-regolaturi nazzjonali, il-MSU u l-Kummissjoni. Il-funzjonijiet ewlenin tal-ÖVAG minħabba li l-organizzazzjoni ċentrali għall-Verbund tiġi trasferita lejn wieħed mill-banek primarji bħala parti minn pjan ta' ristrutturar ġdid (il-“pjan il-ġdid ta' ristrutturar”) għall-Verbund li kienet tinkludi sistema ta' obbligazzjoni in solidum bis-sħiħ.

(10)

Il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid jirrappreżenta bidla fundamentali fil-pjan ta' ristrutturar tal-2012, li jagħmel emenda tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni meħtieġa.

(11)

Matul il-perjodu minn Ottubru 2014 sa Ġunju 2015, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi, il-MSU, l-ÖVAG u l-Verbund iddiskutew il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar f'diversi konverżazzjonijiet telefoniċi kif ukoll korrispondenza bil-miktub. Il-Kummissjoni ltaqgħet mar-rappreżentanti tal-ÖVAG u l-Awstrija fit-18 ta' Diċembru 2014 u mar-rappreżentanti tal-Verbund fis-7 ta' Mejju 2015.

(12)

Fit-28 ta' Mejju 2015, l-azzjonisti tal-ÖVAG approvaw f'laqgħa t-trasferiment tal-funzjonijiet prinċipali tagħha lil Volksbank Wien-Baden (“VBWB”) u l-istabbiliment ta' unità ta' likwidazzjoni għal funzjonijiet residwi skont it-Taqsima 162 tal-Att Awstrijak dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (Bundesgesetz über die Sanierung und Abwicklung von Banken, “BaSAG”).

(13)

Fid-29 ta' Mejju 2015, l-azzjonisti VBWB approvaw f'laqgħa t-trasferiment tal-funzjonijiet prinċipali tal-ÖVAG u żieda fil-kapital ta' EUR 113 miljun.

(14)

Fid-29 ta' Mejju 2015 ukoll, il-banek primarji li jirrappreżentaw 97,83 % mir-RWAs ta' Verbund iffirmaw ftehim ta' assoċjazzjoni bankarja (Verbundvertrag) u ftehim ta' kooperazzjoni (Zusammenarbeitsvertrag).

(15)

Fit-23 ta' Ġunju 2015 il-Verbund issottomettiet l-verżjoni finali tal-pjan ta' ristrutturar il-ġdid.

(16)

Fil-25 ta' Ġunju 2015, l-Awstrija ressqet impenji, li huma stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(17)

Peress li din id-Deċiżjoni tittieħed abbażi tas-setgħat tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, hija mingħajr preġudizzju għal kull obbligu ta' kontroll tal-amalgamazzjonijiet li għalihom il-partijiet differenti involuti f'dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TA' MIŻURI TAL-PASSAT U TAL-FUTUR

2.1.   IL-BENEFIĊJARJU U D-DIFFIKULTAJIET TIEGĦU

(18)

Il-Verbund bħalissa tinkludi (i) 51 bank primarju legalment indipendenti — 41 bank kooperattiv reġjonali, ħames banek speċjali, erbgħa unjonijiet ta' kreditu u Building Society waħda (Bausparkasse); (ii) l-organizzazzjoni ċentrali, ÖVAG; u (iii) l-iskema ta' assigurazzjoni ta' depożitu legali, il-Volksbank Haftungsgenossenschaft eG. ÖVAG hija l-organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund u bħala tali tipprovdi servizzi għall-banek primarji fil-forma ta' amministrazzjoni ċentralizzata u attivitajiet ta' ġestjoni ta' likwidità. Il-banek primarji huma operazzjonijiet bankarji żgħar (daqs tal-karta bilanċjali bejn EUR 65 miljun u EUR 3 600 miljun) li primarjament jipprovdu servizzi bankarji lil klijenti privati u korporattivi kemm lokali kif ukoll reġjonali.

(19)

Il-Verbund għandha sehem mis-suq ta' madwar 6 % fl-Awstrija, b'madwar 900 000 klijent privat u 80 000 klijent kummerċjali. Il-banek primarji għandhom aktar minn 500 fergħa, b' 4 900 membru tal-persunal. Il-volum totali ta' avvanzi lill-klijenti jammonta għal madwar EUR 30 biljun u l-volum totali ta' obbligazzjonijiet lill-klijenti jammonta għal madwar EUR 27 biljun.

(20)

Il-membri tal-Verbund huma marbutin flimkien bi ftehim ta' assoċjazzjoni li jipprovdi għal obbligazzjoni in solidum u trasferiment ta' likwidità. Skont is-sistema attwali, l-organizzazzjoni ċentrali, l-ÖVAG, għandha responsabbiltà illimitata għall-banek primarji, filwaqt li r-responsabbiltà tal-banek primarji għall-organizzazzjoni ċentrali hija limitata sal-punt li l-proporzjon tal-ekwità ta' bank primarju ma jistax ikun inqas mir-rekwiżiti regolatorji minimi.

(21)

51,6 % tal-ÖVAG huwa attwalment f'idejn il-banek primarji permezz tal-kumpanija holding tagħha Volksbanken Holding. L-Awstrija għandha 43,3 % mill-ÖVAG. Azzjonisti sinifikanti oħra jinkludu d-DZ Bank AG (3,8 %) u r-Raiffeisen Zentralbank (0,9 %), filwaqt li 0,4 % huwa miżmum minn partijiet oħra.

(22)

L-iktar suq ġeografiku sinifikanti tal-Verbund huwa l-Awstrija. Madankollu, l-ÖVAG kienet diġà attiva f'bosta pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, għalkemm is-sehem tagħha mis-suq kien żgħir hemmhekk, ħlief fir-Rumanija.

(23)

Il-sorsi tad-diffikultajiet tal-ÖVAG kienu diversi: l-iskopertura tagħha għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, permezz tas-sussidjarji tagħha tal-banek fil-livell tal-konsumatur, aggruppati f'VB International AG (“VBI”); l-involviment tagħha fil-finanzi pubbliċi u l-finanzjament tal-infrastruttura; l-attivitajiet tal-proprjetà immobbli; portafoll tal-investiment li jinkludi fost l-oħrajn strumenti maħruġin minn Lehmann Brothers u mill-banek Iżlandiżi; u dipendenza fuq il-finanzjament tal-operaturi (8). Dawn il-fatturi wasslu għal telf sinifikanti għall-ÖVAG fl-2008 u rriżultaw f'miżuri ta' għajnuna mogħtija lill-bank mill-Awstrija fl-2009 (9). Il-kobor tat-telf għall-2011 wassal għal aktar miżuri ta' għajnuna mill-Istat (10). Minkejja l-isforzi ta' ristrutturar, fl-2014 il-Valutazzjoni Komprensiva tal-BĊE/EBA tal-2014 uriet defiċit ta' kapital addizzjonali fil-livell tal-Verbund (inkluż l-ÖVAG), prinċipalment minħabba r-riskji u d-dgħufijiet fl-ÖVAG (11).

2.2.   IL-MIŻURI TA' GĦAJNUNA TAL-2009 U R-RISTRUTTURAR SUSSEGWENTI

Miżuri ta' għajnuna

(24)

F'April 2009, l-Awstrija ssottoskriviet ċertifikati ta' parteċipazzjoni (Partizipationsscheine, “PS”) għall-ÖVAG li jammontaw għal EUR 1 biljun (“ir-rikapitalizzazzjoni tal-2009”). L-istrument PS ma tax drittijiet ta' votazzjoni lill-Istat iżda taha kupun preferenzjali u opzjoni ta' konverżjoni. L-istrument huwa wieħed perpetwu u għadu jiġi trattat bħala kapital tal-Grad 1. Il-PS jassorbi t-telf fi proporzjon mal-kapital totali għall-assorbiment tat-telf. L-ÖVAG kellu d-dritt li jifdi l-PS kollha jew segmenti minnhom f'kull ħin. L-Istat għandu d-dritt li jibdel il-PS f'ishma ordinarji fil-ÖVAG, iżda ma għamilx dan.

(25)

L-ÖVAG irċeviet ukoll garanziji tal-gvern skont l-iskema ta' appoġġ lill-banek tal-Awstrija u ħarġet EUR 3 biljun ta' bonds b'garanzija mill-Istat fl-2009 li mmaturaw fl-2012 u l-2013.

Ristrutturar

(26)

L-ÖVAG kienet diġà nediet proċess ta' ristrutturar fl-2009, li fost l-oħrajn kien immirat lejn is-separazzjoni tal-bank mill-attivitajiet li kienu l-kawża prinċipali tal-problemi tagħha. Madankollu, ċerti riskji li kienu jirriżultaw mill-portafoll b'legat affettwaw il-bank għal darba oħra fl-2011. Dawn kienu jinkludu:

(a)

telf iġġenerat mis-sussidjarji tal-VBI u indebolimenti fil-valur kontabilistiku tagħhom fil-kontijiet tal-ÖVAG li jlaħħqu EUR 380 miljun;

(b)

indebolimenti ta' EUR 300 miljun fl-investimenti tal-ÖVAG, b'rabta mal-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi sovrana;

(c)

valwazzjoni negattiva ta' EUR 142 miljun tal-bqija tal-kapital ta' parteċipazzjoni li l-ÖVAG kellu f'Kommunalkredit;

(d)

tnaqqis ta' rivalutazzjoni tal-valur kontabilistiku ta' Investkredit (IK) b'EUR 323 miljun fil-kuntest ta' fużjoni permezz ta' akkwiżizzjoni mill-ÖVAG.

2.3.   IL-MIŻURI TA' GĦAJNUNA TAL-2012 U R-RISTRUTTURAR SUSSEGWENTI

Miżuri ta' għajnuna

(27)

Id-daqs tat-telf irrappurtat mill-ÖVAG għall-2011 wasslu għal aktar miżuri tal-għajnuna mill-Istat, li jikkonsistu minn injezzjoni ta' kapital ta' EUR 250 miljun mill-Istat fil-forma ta' ishma ordinarji (ir- “rikapitalizzazzjoni tal-2012”) u garanzija tal-assi.

(28)

Ir-rikapitalizzazzjoni tal-2012 kien isir f'żewġ fażijiet. L-ewwel nett, il-kapital tal-bank tnaqqas b'70 % biex jiġi bbilanċjat it-telf akkumulat. Dan it-tnaqqis fil-kapital naqqas ukoll pro rata l-PS li l-Awstrija kienet injettat fl-2009, li fisser li EUR 300 miljun ta' kapital ta' parteċipazzjoni tal-Istat fl-ÖVAG. Fit-tieni stadju, l-ÖVAG tirċievi kapital ġdid li jlaħħaq EUR 484 miljun, li EUR 250 miljun minnu kien sottoskritt mill-Awstrija u l-bqija mill-Volksbanken Holding. Il-prezz tal-ishma kien ta' EUR 2,181.

(29)

Għaldaqstant, l-Istat kiseb sehem ta' 43,4 % fl-ÖVAG u sar it-tieni l-akbar azzjonist wara Volksbanken Holding (f'dak iż-żmien 50,2 %), u b'hekk tnaqqsu l-ishma tal-azzjonisti l-oħrajn, li ma jipparteċipawx fl-injezzjoni tal-kapital: DZ-Bank 3,8 %, ERGO: 1,5 %, RZB 0,9 %, u libera (free float) 0,1 %.

(30)

Il-garanzija tal-assi żiedet il-kapital tal-ÖVAG b'EUR 100 miljun billi ġie kopert it-telf permezz tal-portafoll assigurat ta' self improduttiv. L-ÖVAG jista' jirrikorri għall-garanzija tal-assi biss taħt ċerti kundizzjonijiet li se jiġu vverifikati fl-31 ta' Diċembru 2015 (12). Il-garanzija tal-assi tkun rimunerata bir-rata ta' 10 % kull sena (jiġifieri bħal injezzjoni tal-kapital) u se tiskadi fl-1 ta' Jannar 2016.

Ristrutturar

(31)

Rigward il-miżuri ta' għajnuna tal-2012, l-ÖVAG għamlet reviżjoni tal-pjan ta' ristrutturar oriġinali tagħha u għażlet ristrutturar fil-fond. Il-miżuri ġew approvati fid-Deċiżjoni tal-2012. Il-pjan ta' ristrutturar tal-2012, li fuqu kienet imsejsa d-Deċiżjoni tal-2012, inklużi l-punti li ġejjin:

(a)

L-ÖVAG ħolqot diviżjoni interna ta' riżoluzzjoni li fiha ċerti assi, l-hekk imsejħa segment mhux prinċipali, ġew likwidati.

(b)

Il-karta bilanċjali tal-ÖVAG u l-assi mwieżna għar-riskju kellhom jonqsu għal EUR 18,4 biljun u EUR 10,1 biljun rispettivament sal-31 ta' Diċembru 2017. L-ikbar parti tat-tnaqqis kellu jinkiseb fis-segment mhux prinċipali, filwaqt li l-karta bilanċjali u l-assi mwieżna għar-riskju fis-segment prinċipali kellhom jonqsu ftit biss (il-valuri fil-mira ta' EUR 5,4 biljun u EUR 4,5 biljun rispettivament sal-31 ta' Diċembru 2017).

(c)

Fis-segment prinċipali, l-ÖVAG kellha żżomm ir-rwol tagħha biss bħala l-organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund u li toffri prodotti u servizzi għall-banek primarji u l-klijenti tagħhom. L-ÖVAG ma kinitx aktar awtorizzata biex twettaq operazzjonijiet ta' kreditu ma' partijiet terzi f'isimha stess.

(d)

L-ÖVAG kellha tirtira minn ċerti oqsma tan-negozju, b'mod partikolari l-enerġija li tiġġedded u tipi speċifiċi ta' finanzjament tal-proprjetà immobbli (“Modellfinanzierung”).

(e)

L-ÖVAG kellha tbigħ l-ishma tagħha f'VBLI, Malta/IK Malta Volksbank, Volksbank Romania u RZB lil partijiet indipendenti tal-Verbund u l-Istat Awstrijak.

(f)

L-azzjonisti DZ Bank, Ergo Gruppe u RZB kellhom jieħdu ċerti miżuri biex jissaħħaħ il-kapital tal-ÖVAG.

(g)

Sa tmiem il-perjodu ta' ristrutturar fil-31 ta' Diċembru 2017, l-ÖVAG kienet iżżomm lura milli tagħmel xi akkwiżizzjonijiet, tħallas dividendi, timmaniġġja l-prezzijiet fl-unità bankarja tagħha tal-Internet, Live Bank, u tirreferi għall-għajnuna tal-Istat għal finijiet ta' reklamar, u riedet tosserva ċerti regoli dwar ir-remunerazzjoni tal-persunal maniġerjali tagħha.

(h)

L-ÖVAG impenjat ruħha li tħallas lura l-parteċipazzjoni kollha tal-Istat li jifdal ta' EUR 300 miljun sal-31 ta' Diċembru 2017, b'mill-inqas EUR 150 miljun jitħallas fl-ewwel nofs tal-2017. Il-banek primarji kellhom jagħtu sehemhom biex isir dak il-ħlas lura, sa fejn ippermettew ir-rekwiżiti ta' adegwatezza tal-kapital regolatorju minimu.

(32)

Bejn l-2012 u l-2014, l-ÖVAG irnexxielha tnaqqas il-karta bilanċjali tagħha u r-RWAs tagħha fiż-żewġ segmenti ewlenin u mhux ewlenin aktar malajr milli kien mitlub skont id-Deċiżjoni tal-2012. Fil-31 ta' Diċembru 2014, hija kellha karta bilanċjali b'total ta' EUR 15,1 biljun, RWAs ta' EUR 8,7 biljun u proporzjon tal-kapital ta' ekwità komuni ta' 6,21 %.

2.4.   VALUTAZZJONI KOMPRENSIVA MILL-BĊE/EBA

(33)

Fl-2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Awtorità Bankarja Ewropea wettqu Valutazzjoni Komprensiva, li teżamina 130 mill-akbar banek fiż-żona tal-euro għall-kwalità tal-karti bilanċjali tagħhom u r-reżiljenza finanzjarja tagħhom. Ir-riżultati tal-Valutazzjoni Komprensiva ġew ippubblikati fis-26 ta' Ottubru 2014. Il-Verbund ġiet ivvalutata fuq bażi konsolidata inkluż l-ÖVAG, f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (13) u l-Artikolu 30 tal-Att tal-Banek tal-Awstrija (14). Il-Verbund kienet waħda mill-25 bank li naqqsu milli jilħqu r-rekwiżiti minimi ta' fondi proprji fix-xenarji mbassra. Il-proporzjon CET 1 tagħha għall-2016 kien ta' 7,2 % (livell limitu: 8 %) fix-xenarju bażi u 2,1 % (livell limitu: 5,5 %) fix-xenarju ta' kriżi. Id-differenza massima bejn ir-riżultat tat-test u l-livell limitu jikkorrispondi għal rekwiżit kapitali tal-Grad 1 addizzjonali ta' EUR 865 miljun.

(34)

Il-BĊE ta lil Verbund sas-26 ta' Lulju 2015 biex tkopri dak ir-rekwiżit kapitali u tilħaq proporzjon ta' Grad 1 ta' 14,63 %.

2.5.   IL-PJAN TA' RISTRUTTURAR IL-ĠDID TAL-2015 NOTIFIKAT

(35)

Minħabba d-diffikultajiet imsemmija hawn fuq, il-Verbund tat bidu għal trasformazzjoni fundamentali, bi qbil mal-Istat Awstrijak. Il-pjan ta' trasformazzjoni huwa msejjes fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

Il-funzjoni ta' organizzazzjoni ċentrali se tiġi ttrasferita mill-ÖVAG għall-VBWB.

(b)

Ladarba l-organizzazzjoni ċentrali tkun ġiet ittrasferita, l-ÖVAG se tiġi ddekonsolidata mill-Verbund.

(c)

L-ÖVAG iddekonsolidata se tidħol f'likwidazzjoni, u se ċċedi l-liċenzja bankarja tagħha, b'tali mod li hija ma għadx trid tissodisfa r-rekwiżiti ta' fondi proprji għall-banek.

(d)

Il-51 bank primarju fil-Verbund se jiġu fużi f'10 istituzzjonijiet akbar u se jikkooperaw b'mod aktar estensiv milli fil-passat.

(e)

Il-banek primarji minn issa 'l quddiem se jkollhom responsabbiltà illimitata għall-obbligi ta' Verbund u l-organizzazzjoni ċentrali. Sa issa dawn kienu responsabbli biss sa fejn dan ma kienx iwaqqafhom milli jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji dwar il-livell minimu ta' fondi proprji.

(36)

Il-miżuri stipulati f'dan il-pjan ta' trasformazzjoni, b'mod partikolari, il-likwidazzjoni tal-ÖVAG, ir-rinunzja għal-liċenzja bankarja tiegħu u d-dekonsolidazzjoni mill-Verbund, se jippermetti lill-Verbund biex tikseb proporzjon tal-Grad 1 ta' [9-11] (*) % immedjatament. Barra minn hekk, il-Verbund ta bidu għal numru ta' miżuri addizzjonali sabiex tillibera l-kapital. Dawn jinkludu t-tnaqqis tal-iskopertura tagħha fis-settur korporattiv u fis-settur tal-proprjetà immobbli (b'effett kumulattiv fuq il-Grad 1 ta' EUR [100-200] miljun minn Jannar 2014 sa Diċembru 2017), il-bejgħ tal-kumpaniji ta' prodotti (EUR [100-200] miljun), u l-bejgħ tat-titoli (EUR [50-100] miljun). Madankollu, għall-perjodu sa tmiem l-2017, dawn il-miżuri se jirrilaxxaw kapital ta' EUR [450-550] miljun, li mhuwiex biżżejjed biex jiġi kkompensat għad-defiċit ta' kapital ta' EUR 865 miljun.

It-trasferiment tal-funzjoni organizzattiva ċentrali

(37)

Il-VBWB se jieħu l-funzjoni organizzattiva ċentrali tal-Verbund, li sa issa kienet titwettaq mill-ÖVAG. L-assi meħtieġa għal dik il-funzjoni se jiġu ttrasferiti lil VBWB, flimkien mal-obbligazzjonijiet korrispondenti tal-ÖVAG, fit-30 ta' Ġunju 2015, b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2015. L-assi totali u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti kull wieħed jammonta għal ftit inqas minn EUR 8,6 biljun. Din is-somma tinkludi l-attivitajiet kollha assenjati lis-segment prinċipali fid-Deċiżjoni tal-2012, ħlief għal tliet sussidjarji iżgħar — VB Factoring, VB Mobilienleasing u VB Investments — li se jibqgħu fl-ÖVAG u huma magħmula minn inqas minn 10 % tas-somma totali.

Id-dekonsolidazzjoni u l-likwidazzjoni tal-ÖVAG

(38)

Wara li l-organizzazzjoni ċentrali u l-assi u l-obbligazzjonijiet rilevanti jkunu ġew ittrasferiti, fl-4 ta' Lulju 2015 l-ÖVAG se jitqiegħed f'likwidazzjoni u kkonvertit f'entità fi stralċ (“Abbaugesellschaft”) fit-Taqsima 162 ta' BaSAG. L-isem tal-istituzzjoni se jinbidel għal immigon portfolioabbau ag (“Immigon”). L-assi li jkun fadal ta' EUR 7,4 biljun se jiġu llikwidati sal-31 ta' Diċembru 2017. Dawn jinkludu l-attivitajiet kollha assenjati lis-segment mhux prinċipali fid-Deċiżjoni tal-2012 u l-holdings f'VB Factoring, VB Mobilienleasing u VB Investments imsemmija fil-premessa 37.

(39)

Skont il-pjan attwali, id-dħul mil-likwidazzjoni tal-assi jkun biżżejjed biex ikopri totalment l-obbligazzjonijiet li kien fadal. Fil-proċess, il-kapital ta' ekwità tal-ÖVAG u l-kapital ta' parteċipazzjoni se jitnaqqsu b' 96,65 %. Dan it-tnaqqis japplika wkoll għall-bqija tal-kapital ta' parteċipazzjoni tal-Istat ta' EUR 300 miljun.

(40)

Il-garanzija tal-assi eżistenti se tibqa' fl-ÖVAG/Immigon iżda se tiġi mmodifikata. Attwalment, l-assi kollha li jagħtu lok għal pretensjoni taħt il-garanzija iridu jkunu rreġistrati sal-31 ta' Diċembru 2015 u s-somma ta' dawn il-pretensjonijiet se jitħallsu sal-31 ta' Lulju 2016. Skont il-ftehim ta' garanzija mmodifikat, id-data ta' reġistrazzjoni għal pretensjonijiet skont il-garanzija tibqa' fil-31 ta' Diċembru 2015. Madankollu, is-saldu tas-somma ta' dawn il-pretensjonijiet ikunu jistgħu jiġu mitluba fi kwalunkwe żmien bejn il-31 ta' Diċembru 2015 u tmiem il-perjodu ta' stralċ fl-2017. Fl-istess ħin, il-livell minimu tal-kapital li taħtu s-saldu jista' jiġi mitlub se jitnaqqas minn inqas minn proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' 10 % għal kapital ta' inqas minn żero, jiġifieri l-pretensjonijiet tal-garanzija jistgħu jiġu solvuti biss kieku l-ÖVAG/Immigon isiru insolventi matul il-proċess ta' stralċ. It-tariffa għall-perjodu ta' saldu estiż tal-garanzija tibqa' 10 % kull sena.

(41)

Sabiex jinħoloq benefiċċju ta' kapital minn din it-trasformazzjoni, il-Verbund teħtieġ timplimenta żewġ passi importanti:

(a)

Ir-ritorn tal-liċenzja bankarja mill-ÖVAG/Immigon sabiex tillibera lill-kumpanija mill-obbligu li tissodisfa r-rekwiżiti kapitali applikabbli fuq bażi awtonoma.

(b)

Id-dekonsolidazzjoni tal-ÖVAG/Immigon mill-Verbund sabiex jiġi żgurat li l-Verbund mhux se jkollha tissodisfa r-rekwiżiti ta' kapital għall-ÖVAG/Immigon fuq bażi kkonsolidata.

(42)

Fl-10 ta' Diċembru 2014, l-ÖVAG iffirmat kuntratt mal-Bank Rumen Banca Transilvania għall-bejgħ tal-51 % tal-ishma tagħha f'Volksbank Romania SA, li neħħa l-ostakolu prinċipali għal ritorn tal-liċenzja bankarja. It-tranżazzjoni saret fis-7 ta' April 2015. Din it-tranżazzjoni ppermettiet ukoll li l-ÖVAG tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet tal-pjan ta' ristrutturar tal-2012. Barra minn hekk, l-ÖVAG għalqet il-bejgħ ta' VB Malta f'Settembru 2014, u ddeċidiet li tagħlaq IK Malta, u b'hekk issodisfat ir-rekwiżiti korrispondenti tad-Deċiżjoni tal-2012.

(43)

Sabiex issir id-dekonsolidazzjoni ta' Immigon, il-Verbund trid tnaqqas is-sehem tagħha f'Immigon għal holding minoritarju. Din se tagħmel dan billi tittrasferixxi 8,5 % tal-kapital azzjonarju ta' 51,6 % miżmum mill-Volksbanken Holding lil parti terza indipendenti, GPVAUBEOE Beteiligungen GmbH, veikolu bi skop speċjali.

(44)

Mat-trasferiment tal-organizzazzjoni ċentrali, parti sostanzjali tal-obbligazzjonijiet tal-ÖVAG lill-Verbund se jiġu trasferiti lil VBWB. Madankollu, wara x-xoljiment, il-Verbund se żżomm skopertura għal Immigon li tammonta għal EUR [700-800] miljun fil-forma ta' strumenti finanzjarji varji użati biex jipprovdu finanzjament lill-ÖVAG.

(45)

Sabiex tinnewtralizza r-riskju għall-Verbund li jirriżulta minn din l-iskopertura li jifdal għal Immigon, il-Verbund ħadet il-passi li ġejjin:

(a)

EUR [200-300] miljun tal-iskopertura ta' Immigon se jinbiegħu minnufih fis-suq, li jnaqqas l-iskopertura li jifdal għal EUR [400-600] miljun. Din it-tranżazzjoni se twassal għal EUR [0-100] miljun telf għall-Verbund.

(b)

L-ammont ta' EUR [400-600] miljun li jifdal se jiġu koperti minn garanzija kummerċjali għal tariffa annwali ta' [0-5] %. Il-garanzija se ssir effettiva biss wara l-ewwel porzjon telf ta' EUR [0-200] miljun tiġi kkonsmata.

(c)

L-ewwel porzjon telf ta' EUR [0-200] miljun se jiġu pprovduti bis-sħiħ, li jirriżulta f'impatt negattiv ulterjuri fuq ir-riżultat tal-2015 ta' EUR [0-200] miljun.

It-trasformazzjoni tal-Verbund

(46)

Il-Verbund bħalissa tikkonsisti minn 51 bank primarju. Skont il-pjan tat-trasformazzjoni dawn il-51 istituzzjoni se jingħaqdu biex jifformaw 10 banek akbar: Tmien banek reġjonali b'karta bilanċjali totali ta' EUR 1,9 biljun sa EUR 5,3 biljun, li joperaw f'partijiet differenti tal-Awstrija, u żewġ banek speċjali — Sparda Bank Austria (EUR 0,8 biljun) u Ärzte-/Apothekerbank (EUR 1,1 biljun). Il-fużjonijiet rilevanti se jseħħu sal-aħħar tal-2017. Il-Building Societies (Bausparkassen) tal-Verbund li fihom huma magħqudin Start:bausparkasse x'aktarx jinbiegħu.

(47)

Ir-relazzjonijiet bejn il-banek primarji fil-Verbund huma rregolati minn żewġ ftehimiet: il-Ftehim ta' assoċjazzjoni fit-Taqsima 30a BWG (Verbundvertrag) u l-ftehim ta' kooperazzjoni.

(48)

Il-ftehim ta' assoċjazzjoni ġie konkluż bejn l-organizzazzjoni ċentrali fil-forma ta' VBWB, il-banek primarji tal-Verbund, u Volksbank Haftungsgenossenschaft eG. Id-dispożizzjonijiet ewlenin tiegħu huma dawn li ġejjin:

(a)

L-organizzazzjoni ċentrali tiżgura l-provvista ta' likwidità lill-banek primarji u l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tal-fondi proprji. Il-membri jimpenjaw ruħhom li jikkonkludu ftehimiet dwar il-prezzijiet ta' trasferiment għall-allokazzjoni ta' fondi proprji.

(b)

Bħal qabel, l-organizzazzjoni ċentrali għandha responsabbiltà illimitata fir-rigward tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-membri. Fil-ftehim il-ġdid tal-assoċjazzjoni il-banek primarji issa għandhom ukoll responsabbiltà illimitata.

(c)

L-organizzazzjoni ċentrali tirċievi setgħat akbar u issa tista' wkoll tagħti struzzjonijiet li jaffettwaw l-interessi ta' banek individwali fil-Verbund. Din tista' timponi penali fil-każ ta' ksur. L-akbar setgħat ikopru b'mod partikolari is-superviżjoni amministrattiva, finanzjarja u teknika, l-ippjanar u l-kontroll tal-Verbund, il-konformità mar-regoli superviżorji, il-mekkaniżmi ta' kontroll interni għall-membri, l-analiżi tar-riskju, il-valutazzjoni tar-riskju u l-proċeduri tal-kontroll tar-riskju, u l-kriterji għan-negozju kontinwu tal-membri.

(d)

L-irtirar u t-tnaqqis tal-kapital, bħal qabel, huma permessi biss bl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni ċentrali.

(49)

Il-ftehim ta' kooperazzjoni (Zusammenarbeitsvertrag) jirregola dawk l-oqsma li mhumiex koperti mill-ftehim ta' assoċjazzjoni. Il-partijiet kontraenti huma l-banek primarji tal-Verbund u Volksbank Haftungsgenossenschaft eG. L-għan tal-ftehim ta' kooperazzjoni huwa li jintlaħqu s-sinerġiji fil-Verbund bl-implimentazzjoni tal-fużjonijiet ippjanati u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-membri. Is-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-oqsma koperti mill-ftehim ta' kooperazzjoni huma ttrasferiti lil Volksbank Haftungsgenossenschaft. Id-deċiżjonijiet mill-bord maniġerjali ta' Volksbank Haftungsgenossenschaft huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti. Il-ftehim ta' kooperazzjoni jirregola b'mod partikolari l-oqsma ta' kummerċjalizzazzjoni, ta' strateġija ta' bejgħ uniku, il-politika tal-prodott, inklużi kuntratti ta' qafas ma' fornituri ta' partijiet terzi, il-kontroll tal-bejgħ, l-aħjar użu u l-istandardizzazzjoni tal-proċessi ta' negozju, l-akkwist tal-IT u rappreżentanza legali.

(50)

F'każ ta' tilwima, l-organizzazzjoni ċentrali tiddeċiedi jekk miżura skont il-ftehim ta' kooperazzjoni tikkostitwixxix indħil inammissibbli fuq ir-responsabbiltajiet tagħha skont il-ftehim ta' assoċjazzjoni. F'każ li r-regolatur ikun jeħtieġ emendi għall-ftehim ta' assoċjazzjoni, il-ftehim ta' kooperazzjoni jinkludi klawżola li tippermetti li jiġi aġġustat ukoll skont il-ħtieġa.

(51)

L-għan tal-pjan ta' trasformazzjoni huwa li tiġi stabbilita struttura li tikkonsisti minn tmien banek reġjonali b'saħħithom, flimkien ma' organizzazzjoni ċentrali, u żewġ banek speċjali. L-uffiċċji lokali se jiffokaw fuq il-bejgħ u s-servizz għall-konsumatur, filwaqt li l-amministrazzjoni hija bbażata fuq il-banek reġjonali u l-organizzazzjoni ċentrali.

(52)

Il-Verbund se jiffoka fuq il-klijenti fl-Awstrija, b'enfasi partikolari fuq in-negozji żgħar u ta' daqs medju, il-ħaddiema għal rashom, il-klijenti privati, il-finanzjament tad-djar u l-konsumaturi sinjuri.

Ippjanar finanzjarju

(53)

Abbażi tal-pjan il-ġdid ta' ristrutturar, il-Verbund bagħtet lill-Kummissjoni tbassir dwar ix-xejra mistennija fl-indikaturi finanzjarji ewlenin għall-ħames snin li ġejjin. Dawn il-previżjonijiet saru għal żewġ xenarji — xenarju bażi u xenarju ta' kriżi.

(54)

L-ippjanar finanzjarju kif imwassal jikkunsidra l-impatt tan-newtralizzazzjoni tal-iskopertura ta' Immigon (15) kif ukoll il-flussi ta' pagamenti previsti mill-Verbund fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt (Genussrecht) ipprovduti lill-Awstrija skont il-katalgu tal-impenn.

(55)

Ix-xenarju ta' bażi jassumi tkabbir ekonomiku moderat fil-qalba tas-suq, l-Awstrija, li jammonta għal valur nominali ta' 0,8 % fl-2015, 1,5 % fl-2016 u 1,7 % fis-snin sussegwenti sal-2019, rata ta' inflazzjoni annwali ta' bejn 1,1 % u 2,2 %, u fuq Euribor għal tliet xhur b'żieda minn 0,1 % fl-2015 għal 1,9 % fl-2019. Dwar dawk is-suppożizzjonijiet il-Verbund tipprevedi telf għall-2015 iżda redditu pożittiv fuq l-ekwità (RoE) ta' [8-9] % fl-2019. Il-proporzjon tal-Grad 1 huwa mistenni li jiżdied minn [9-11] % fl-2015 għal [11-13] % fl-2019. Xejriet f'aktar ċifri ewlenin jidhru mill-kalkolu tal-qligħ u t-telf u t-tabelli tal-bilanċ li ġejjin.

Tabella 1

Dejta finanzjarja ewlenija f'xenarju bażi

(…)

(56)

Ix-xenarju ta' kriżi huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni ta' kriżi tal-kreditu kkawżata minn dgħufijiet fis-settur bankarju Ewropew li l-finanzjaturi (id-donaturi) barranin u l-BĊE ma jistgħux isolvu. It-tkabbir ekonomiku reali huwa kemxejn negattiv, b'irkupru bil-mod mill-2017. Fl-2015 u l-2016, ir-rata ta' inflazzjoni hija negattiva, u fis-snin sussegwenti marġinalment pożittiva. Ir-rati tal-imgħax għadhom baxxi b'mod sinifikanti u l-valur tal-Fank Żvizzeru jiżdied kontra l-euro. Abbażi ta' dawn is-suppożizzjonijiet, il-Verbund tbassar li r-RoE se jibqa' negattiv fl-2015 u l-2016 u sussegwentement jiżdied għal [5-8] % fl-2019, u l-proporzjon tal-Grad 1 se jiżdied minn [8-10] % fl-2015 għal [10-12] % fl-2019. Xejriet f'aktar ċifri ewlenin jidhru mill-kalkolu tal-profitt u t-telf u t-tabelli tal-bilanċ li ġejjin.

Tabella 2

Dejta finanzjarja ewlenija f'xenarju ta' kriżi

(…)

Impenji ġodda u miżuri ta' kumpens min-naħa tal-Awstrija

(57)

L-awtoritajiet Awstrijaċi ħadu għadd ta' impenji relatati mal-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar il-ġdid. Dawk l-impenji mill-Awtoritajiet Awstrijaċi huma stabbiliti f'dokument separat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

(58)

Skont it-Taqsima 5 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar, ir-rapporti jridu jiġu sottomessi regolarment sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivverifika jekk il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid huwiex jiġi implimentat kif suppost. L-Awstrija se tuża fiduċjarju ta' monitoraġġ li jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq tad-doveri tagħha biex tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi implimentata b'mod korrett. Il-fiduċjarju tal-monitoraġġ se jressaq rapport ta' monitoraġġ kull sitt xhur. L-ewwel rapport għandu jiġi sottomess mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-Pjan ta' Ristrutturar ikun ġie approvat. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dak l-impenn jiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ristrutturar.

Approvazzjoni superviżorja tal-pjan

(59)

Il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar innotifikat lill-Kummissjoni jikkorrispondi għall-pjan ta' żieda tal-kapital ippreżentat lill-BĊE/MSU u għandu l-objettiv ewlieni li jittrasforma l-Verbund b'tali mod li d-defiċit ta' kapital identifikat fil-Valutazzjoni Komprensiva mill-BĊE/ABE jiġi indirizzat.

(60)

Il-MSU stabbilixxa rekwiżit kapitali prudenzjali ta' 14,63 % li għandu jintlaħaq mis-26 ta' Lulju 2015. F'dak il-jum, il-MSU se jagħmel rieżami tar-rekwiżit kapitali prudenzjali filwaqt li jqis ukoll l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żieda tal-kapital. L-implimentazzjoni tal-pjan kienet bdiet bid-dħul tal-miżuri (a) sa (c) fi premessa 35 fir-reġistru tal-kumpaniji Awstrijak. Sabiex il-Qrati nazzjonali Awstrijaċi japprovaw id-dħul fir-reġistru tal-kumpaniji, il-MSU approva dawn il-miżuri.

3.   IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(61)

Il-Kummissjoni tfakkar li hija fetħet proċedura ta' investigazzjoni formali minħabba li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-2012. Sar meħtieġ li tiġi emendata dik id-deċiżjoni skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (16).

4.   IL-POŻIZZJONI TAL-AWSTRIJA

(62)

F'dikjarazzjonijiet pubbliċi l-Awstrija eskludiet kull għajnuna ġdida għall-Verbund. L-Awstrija hija tal-fehma li l-pjan għar-ristrutturar ssottomess ma jikkostitwixxix għajnuna ġdida.

(63)

Madankollu, l-Awstrija tirrikonoxxi li l-pjan ta' ristrutturar il-ġdid jibdel b'mod sinifikanti l-pjan ta' ristrutturar tal-2012 li tkun meħtieġa deċiżjoni ta' emenda mill-Kummissjoni qabel ma jkun jista' tiġi implimentat. Hija għalhekk nnotifikat il-pjan il-ġdid lill-Kummissjoni.

(64)

Bl-istess mod l-Awstrija tirrikonoxxi li l-Verbund trid titqies, fit-termini tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bħala s-suċċessur tal-ÖVAG u għalhekk hija wkoll soġġetta għal din id-Deċiżjoni ta' emenda.

(65)

Fl-istess waqt, l-Awstrija ssostni li l-pjan ta' ristrutturar il-ġdid, bil-lista ta' impenji tagħha, jżomm il-bilanċ tad-deċiżjoni tal-2012 u għalhekk il-kumpatibbiltà oriġinali tal-għajnuna.

5.   IL-VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

5.1.   L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat eżistenti u s-suċċessjoni ekonomika

(66)

Fir-rigward tal-miżuri approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna għar-ristrutturar favur l-ÖVAG fl-2009 u l-2012, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li dawk il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, mhuwiex meħtieġ li terġa tiġi vvalutata n-natura tal-għajnuna mill-Istat ta' dawn il-miżuri f'din id-Deċiżjoni.

(67)

Element ċentrali tal-Pjan ta' Ristrutturar tal-2012, li fuqu kienet ibbażata d-Deċiżjoni tal-2012 tal-ÖVAG kien l-iffukar mill-ġdid fuq il-funzjoni tiegħu bħala organizzazzjoni ċentrali integrata fi skema għar-responsabbiltà konġunta mal-banek primarji. F'dan l-arranġament, l-ÖVAG bħala organizzazzjoni ċentrali tassumi r-responsabbiltà għall-obbligi kollha tal-Verbund, filwaqt li l-banek primarji individwali kienu responsabbli biss sakemm dan ma kienx jikser il-proporzjon kapitali individwali tagħhom stess.

(68)

Ċerti impenji tal-2012 ipprovduti mill-Awstrija jikkonċernaw ukoll il-banek primarji, jipproteġu is-sorsi ta' dħul partikolari tal-ÖVAG bħala l-istituzzjoni ċentrali (impenn 9) u jobbligaw lill-banek primarji għal parteċipazzjoni fir-ripagament tal-kapital ta' parteċipazzjoni fl-ÖVAG “sa fejn jippermettu r-rekwiżiti regolatorji minimi” (impenn 11.2). Dawn l-impenji kienu meħtieġa minħabba l-arranġament tal-obbligazzjoni partikolari fil-Verbund biex tinstab għajnuna kompatibbli. Barra minn hekk, dawk l-impenji flimkien mal-arranġament ta' responsabbiltà partikolari ppermettew lill-Kummissjoni biex tittratta l-ÖVAG b'mod separat mill-Verbund.

(69)

Skont il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid, l-attività ekonomika prinċipali tal-ÖVAG se titwettaq minn wieħed mill-banek primarji, VBWB. B'mod aktar speċifiku, il-VBWB se jieħu f'idejh ir-rwol partikolari tal-ÖVAG bħala l-organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund, il-funzjonijiet meħtieġa rilevanti kollha u l-assi jkunu ttrasferiti mill-ÖVAG għal VBWB. B'kollox, se jiġu ttrasferiti EUR 8,6 biljun f'assi u obbligazzjonijiet, inklużi l-funzjonijiet ewlenin kollha tal-ÖVAG, kif definit fid-Deċiżjoni tal-2012, bl-eċċezzjoni ta' tliet sussidjarji minuri, VB Factoring (b'bilanċ ta' EUR 86 miljun), VB Mobilienleasing (EUR 700 miljun) u VB Investments (EUR 30 miljun), li se jifdal fl-entità fi stralċ Immigon.

(70)

B'kuntrast mal-istruttura ta' responsabbiltà assimetrika bejn il-banek primarji u l-organizzazzjoni ċentrali, il-Verbund se tiġi integrata b'mod sħiħ f'arranġament ta' responsabbiltà in solidum taħt il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid. Flimkien mal-kumplament tal-bidliet strutturali fil-Verbund (premessa 49), l-organizzazzjoni ċentrali, il-VBWB, ma tistax tiġi kkunsidrata b'mod separat mill-banek primarji. Din il-fehma hija appoġġjata mill-approċċ konsolidat li l-MSU uża fil-Valutazzjoni Komprensiva, u l-fatt li r-rekwiżit kapitali ġie fformulat fil-livell aggregat (Verbund).

(71)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis il-Verbund bħala s-suċċessur ekonomiku tal-entità megħjuna skont id-Deċiżjoni tal-2012, ÖVAG. Għalhekk, il-Verbund hija l-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat eżistenti.

L-ebda għajnuna mill-Istat lill-ÖVAG, l-Immigon, il-VBWB jew il-Verbund

(72)

Minbarra l-kwistjoni tat-trasferiment tal-għajnuna mill-Istat eżistenti lis-suċċessur ekonomiku, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk xi għajnuna ġdida hija involuta fil-pjan ta' ristrutturar il-ġdid.

(73)

Il-Kummissjoni tosserva li, skont l-Awstrija, l-ebda għajnuna mill-Istat addizzjonali ma għandha tingħata bħala parti mill-pjan ġdid ta' ristrutturar.

(74)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, għajnuna mill-Istat tfisser “kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati: (a) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinazjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (b) din trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (c) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (d) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jkollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(75)

Il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar ma jagħti l-ebda vantaġġ ġdid lill-ÖVAG jew lill-Immigon. L-ÖVAG ma tibqax teżisti, bl-assi u l-obbligazzjonijiet ewlenin kollha tagħha jiġu ttrasferiti lill-VBWB, u l-bqija jiġu stralċjati f'Immigon. Skont il-pjan attwali, huwa mistenni li l-istralċ ta' Immigon se jikkonsma l-kapital tagħha kważi kompletament madankollu mingħajr rikors għall-garanzija tal-assi. Dan jimplika li r-riskji imminenti fl-istrumenti tal-Grad1 tal-ÖVAG huma mistennija li jimmaterjalizzaw, inkluż it-telf tas-sehem tal-ekwità tal-Awstrija fl-ÖVAG ta' EUR 250 miljun kif ukoll il-kapital ta' parteċipazzjoni pendenti fl-ammont nominali ta' EUR 300 miljun.

(76)

Il-garanzija tal-assi tibqa' tkopri l-ÖVAG/Immigon. Skont l-arranġament kuntrattwali attwali, il-garanzija tista' tiġi eżerċitata biss fil-31 ta' Diċembru 2015 fuq il-pretensjonijiet irreġistrati sa dik id-data u l-ammont meħtieġ għall-appoġġ tal-proporzjon tal-Grad 1 ta' 10 %. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Awstrija, it-titoli eliġibbli għall-kumpens taħt il-garanzija diġà ġew irreġistrati u jaqbżu s-somma tal-garanzija massima ta' EUR 100 miljun. Filwaqt li l-eliġibbiltà tal-pretensjonijiet irreġistrati se tkun deċiża biss fil-31 ta' Diċembru 2015, il-ġestjoni ta' Immigon ma għandhiex għażla taħt l-obbligu legali tagħha li tħares l-interessi tas-sidien iżda li tirreġistra l-pretensjonijiet kollha possibbli għal saldu fi tmiem l-2015.

(77)

Fil-31 ta' Diċembru 2015, Immigon bħala entità fi stralċ mhux se jkollha tissodisfa r-rekwiżiti kapitali. Għaldaqstant, huwa diffiċli li tiġi vvalutata l-kundizzjoni ta' saldu ta' garanzija marbuta ma' proporzjon tal-Grad 1. Madankollu, peress li din il-valutazzjoni hija totalment kwistjoni ta' liġi nazzjonali, il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Awstrija li l-kontinwazzjoni tal-ÖVAG fil-forma ta' entità fi stralċ skont l-Artikolu 162 BaSAG ma għandha l-ebda influwenza fuq il-kontinwazzjoni tal-validità tal-garanzija. Abbażi ta' din il-pożizzjoni u minħabba li l-Immigon f'dik id-data tkun sofriet tnaqqis kapitali ta' 96,65 %, se tiġi ssodisfata l-kundizzjoni ta' saldu ta' inqas minn proporzjon ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta' 10 % u fil-31 ta' Diċembru 2015 se jkollhom jitħallsu l-pretensjonijiet eliġibbli kollha.

(78)

Taħt dawn il-kundizzjonijiet, il-bidliet fil-ftehim ta' garanzija — (a) li jitwal il-perjodu tas-saldu tal-pagament iggarantit mingħajr ma jiġu permessi pretensjonijiet ulterjuri li għandhom jiġu rreġistrati wara l-31 ta' Diċembru 2015 u (b) il-pagament ta' saldu jsir eżerċitabbli biss fil-każ li l-kapital kieku jkun jaqa' taħt iż-żero — fil-fatt inaqqsu r-riskju għall-fornitur tal-garanzija tal-garanzija li tkunu qed tiġi eżerċitata. Barra minn hekk, il-pagamenti tat-tariffa applikabbli ta' 10 % kull sena se jkomplu japplikaw għal perjodu ieħor ta' sentejn. Għalhekk, il-kundizzjonijiet il-ġodda tal-garanzija tal-assi jsaħħu biss il-pożizzjoni tal-fornitur tal-garanzija u ma jipprovdux vantaġġ ulterjuri għall-ÖVAG/Immigon.

(79)

Il-pjan ta' ristrutturar il-ġdid wkoll ma tagħti ebda vantaġġ ġdid dwar Verbund, inkluża l-Organizzazzjoni Ċentrali, vbwb ġodda tagħha. Kif spjegat hawn fuq (17), il-Verbund hija l-benefiċjarju tal-għajnuna eżistenti. B'mod aktar speċifiku, skont id-Deċiżjoni tal-2012, il-banek primarji kellhom jipparteċipaw fir-rigward li jħallsu lura l-parteċipazzjoni ta' kapital ta' EUR 300 miljun sat-tmiem l-2017 sa fejn ippermettew ir-rekwiżiti regolatorji minimi tagħhom. Għandu jitfakkar li fil-Valutazzjoni Komprensiva d-defiċit kapitali ma tqiesx fil-livell tal-ÖVAG waħdu iżda fil-livell tal-Verbund kollha kemm hi.

(80)

Filwaqt li l-kapital ta' parteċipazzjoni ta' rfigħ tar-riskji qed jiġi kkonsmat għall-istralċ tal-ÖVAG/Immigon, l-impenji l-ġodda ppreżentati mill-Awstrija jinkludu ħlas mill-Verbund lill-Awstrija għal ammont ta' EUR 300 miljun, permezz tal-għoti ta' dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt lejn l-Awstrija. Il-Verbund timpenja ruħha għal skeda ta' ħlasijiet li jammontaw għal total ta' EUR 300 miljun sa tmiem l-[2020-2025], soġġetta għal limiti massimi ta' ħlasijiet […], […] u […].

(81)

Billi tipprovdi impenn ġdid biex tħallas EUR 300 miljun lill-Istat, il-Verbund terġa' ddaħħal pretensjoni ekwivalenti f'ammont meħtieġ tar-ripagament oriġinali. Il-pretensjoni oriġinali kieku tintilef fil-likwidazzjoni tal-ÖVAG minħabba li r-riskji imminenti jimmaterjalizzaw. Filwaqt li l-iskeda l-ġdida tar-ripagament se twassal għal dewmien sinifikanti tal-pagament meta mqabbel mal-impenn oriġinali, irid jiġi kkunsidrat li fil-kuntest ta' likwidazzjoni sempliċi għall-ÖVAG (kif ukoll ix-xenarju kontrofattwali tar-riżoluzzjoni tal-Verbund kollha), il-pretensjonijiet kollha tal-Istat, l-ekwità u l-kapital ta' parteċipazzjoni ma jibqgħux jeżistu.

(82)

Barra minn hekk, dan l-impenn il-ġdid huwa vinkolanti fuq il-Verbund, għalkemm il-pagamenti relatati mad-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt jibqgħu dipendenti fuq il-profitt. Fl-istess ħin, l-impenn jiżgura li l-pretensjoni tal-Awstrija lil dawk il-pagamenti hija superjuri għal kwalunkwe pagamenti ta' dividendi. Barra minn hekk, għal kull distribuzzjoni ta' dividendi lill-partijiet barra l-Verbund ikkonsolidata, l-Awstrija se tirċievi pagament ta' kumpens ta' ammont ugwali u b'żieda mal-pagament mid-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt.

(83)

Barra minn hekk, l-Awstrija se tirċievi sehem ta' 25 % kif ukoll sehem wieħed f'VBWB bħala kollateral għall-pagamenti fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt. Jekk il-Verbund tonqos milli tagħmel il-pagamenti skont il-limiti stabbiliti fl-iskeda tal-pagamenti, l-azzjonisti tal-VBWB se jittrasferixxu aktar ishma lill-Awstrija bla ħlas, li jżid is-sehem tal-Awstrija f'VBWB għal [26-40] %. Barra minn hekk, l-Awstrija se tkun tista' tieħu l-kollateral f'dak il-mument.

(84)

L-impenn il-ġdid, għalkemm huwa differenti f'ċerti aspetti mill-impenn oriġinali, huwa ekwivalenti għal dan tal-aħħar u għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li jagħti vantaġġ lill-ÖVAG, l-Immigon, il-VBWB jew il-Verbund.

(85)

Minbarra l-impenn il-ġdid li jitħallas l-ammont ekwivalenti għall-valur oriġinali tal-kapital ta' parteċipazzjoni fl-ÖVAG fuq dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt fis-seħħ mill-ġdid f'VBWB, il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar ma jagħmel l-ebda modifiki sostanzjali oħra f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istat Awstrijak li jista' jiġi interpretat li jagħti vantaġġ fuq il-VBWB jew il-Verbund.

(86)

Billi l-pjan ta' ristrutturar il-ġdid ma jagħtix vantaġġ lill-ÖVAG, l-Immigon, il-VBWB jew il-Verbund, ma hemm l-ebda ħtieġa li titkompla l-valutazzjoni tal-kriterji kumulattivi tal-għajnuna mill-Istat. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkusidra li l-miżuri stipulati fil-pjan ta' ristrutturar il-ġdid ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFEU u, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat ġdida lill-ÖVAG, l-Immigon, il-VBWB jew lill-Verbund fit-tifsira ta dik id-dispożizzjoni.

5.2.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ LEGALI TAL-MIŻURI

(87)

Kif spjegat fit-Taqsima 5.1, il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar ma fih l-ebda għajnuna ġdida, filwaqt li l-għajnuna għall-ÖVAG approvata fid-Deċiżjoni tal-2012 tiġi ttrasferita lill-Verbund bħala s-suċċessur ekonomiku tal-ÖVAG.

(88)

Abbażi tad-Deċiżjoni tal-2012, għalhekk, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk il-miżuri ta' għajnuna tal-2012 jibqgħux kompatibbli mas-suq intern skont il-pjan il-ġdid ta' ristrutturar u l-katalogu ta' impenji. Din il-valutazzjoni trid issir fuq l-istess bażi legali applikata fid-Deċiżjoni tal-2012, jiġifieri abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar l-Estensjoni tal-2011 (18) u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar (19).

(89)

Il-premessi 83 sa 92 tad-Deċiżjoni tal-2012 dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna tal-2012 ivvalutata abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Komunikazzjoni ta' Estensjoni tal-2011 ikomplu japplikaw mingħajr ebda bidla. Ir-rikapitalizzazzjoni mogħtija lill-ÖVAG fl-ammont ta' EUR 250 miljun u l-bqija tal-kapital ta' parteċipazzjoni fl-ammont ta' EUR 300 miljun se jibqgħu f'Immigon u skont il-pjan, se jiġu kompletament ikkonsmati fil-likwidazzjoni sal-2017.

(90)

Kif spjegat fil-premessa 93 tad-Deċiżjoni tal-2012, il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar tistipula li r-ristrutturar ta' istituzzjoni finanzjarja fil-kuntest tal-kriżi kurrenti hija kompatibbli biss mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFEU jekk din tirkupra lura l-profittabilità tal-bank, inkluż il-kontribuzzjoni proprja suffiċjenti u l-kondiviżjoni tal-piżijiet xieraq, kif ukoll tinkludi miżuri suffiċjenti sabiex tiġi llimitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fir-rigward ta' dawn it-tliet elementi, il-Kummissjoni trid tivverifika sa liema punt il-bidliet ippreżentati fil-pjan ta' ristrutturar u fil-katalogu ta' impenji tinżamm il-kompatibbiltà tal-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-2012.

Il-vijabbiltà skont ix-xenarju bażi

(91)

Kif spjegat fil-premessa 71, l-għajnuna tal-2012 tiġi ttrasferita għall-Verbund, li hija wkoll kompletament koperta mill-pjan il-ġdid ta' ristrutturar. Hawnhekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-profittabilità fit-tul tal-Verbund fil-forma l-ġdida tagħha skont il-pjan ta' ristrutturar hijiex se tiġi stabbilita mill-ġdid sal-2019.

(92)

Għal dak l-għan, l-Awstrija ppreżentat pjan finanzjarju fis-seħħ sal-2019, li jinkludi xenarju ta' referenza u xenarju f'każ ta' kriżi matul il-perjodu kollu tal-Verbund, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni wettqet l-analiżi tagħha.

(93)

It-trasformazzjoni tal-istruttura tal-Verbund innifisha permezz tal-fużjoni tal-banek primarji lokali f'istituzzjonijiet organizzati reġjonali tista' tiġi vvalutata bħala benefiċċju sa fejn id-differenzi eżistenti fil-Verbund fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta' kapital u l-profittabilità jkunu kemxejn ugwali u l-ekonomiji ta' skala u s-sinerġiji potenzjali jistgħu jiġu sfruttati. Il-grafika ta' hawn taħt turi b'mod ċar li meta titqabbel il-Verbund l-antika u dik ġdida l-firxa tal-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni u l-RoE tonqos.

Image

(94)

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-sinerġiji potenzjali influwenzaw l-ippjanar finanzjarju biss fil-qasam tal-kostijiet li huma iktar faċli biex jiġu kkwantifikati milli d-dħul u ġew inklużi biss b'[70-80] % tal-potenzjal li diġà ġie identifikat. B'inqas minn [10-20] % fis-sena f'kostijiet tal-persunal u inqas minn [5-10] % fis-sena f'kostijiet mhux tal-persunal, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ġiet adottata strateġija pjuttost kawta u li aktar sinerġiji jistgħu jkunu disponibbli minn dawk diġà inklużi fil-pjan.

(95)

L-istrateġija kummerċjali tal-Verbund fil-forma l-ġdida tagħha tibqa' essenzjalment l-istess. L-enfasi titqiegħed b'mod ċar fuq klijenti lokali u reġjonali kemm fis-segmenti tal-klijenti privati u dawk kummerċjali u fuq negozju ma' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Dawk l-attivitajiet kummerċjali li diġà jagħmlu parti mill-biċċa l-kbira tal-portafoll, huma profittabbli, u ma kinux ikkunsidrati bħala problematiċi fid-Deċiżjoni tal-2012. Fix-xenarju ta' referenza, l-assi li jġorru l-imgħax f'dawk l-oqsma jiżdiedu b'madwar [5-7] % sal-2019 u b'hekk b'inqas minn nofs it-tkabbir ekonomiku reali mbassar ta' madwar 15 % matul l-istess perjodu (20). Huwa biss f'żoni kummerċjali speċjali, bħal, pereżempju, is-servizzi ta' investiment, li huma previsti rati ta' tkabbir ogħla. Minħabba d-daqs limitat ħafna inizjali ta' dawk in-negozji, suppożizzjonijiet ta' tkabbir ogħla huma ġġustifikati.

(96)

Fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet, ir-rilevanza partikolari tan-negozju ma' depożiti tal-klijenti privati trid tkun enfasizzat (madwar 80 % tal-obbligazzjonijiet kollha). Dan it-tip ta' finanzjament huwa kklassifikat skont Basel III bħala partikolarment affidabbli u jgħodd ferm bl-istess mod fl-indikaturi ta' finanzjament bħall-Proporzjon tal-Kopertura tal-Likwidità u l-Proporzjon ta' Finanzjar Stabbli Nett. Il-Verbund ipprovdiet ukoll evidenza tal-istabbiltà partikolari tan-negozju tad-depożiti anki matul il-kriżi, b'tali mod li l-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni tal-finanzjament tal-Verbund hija ta' qawwa partikolari. Fin-negozju tad-depożiti wkoll, it-tkabbir sal-2019 huwa ta' madwar [5-7] % u aktar minn 50 % aktar baxx mit-tkabbir ekonomiku reali imbassar.

(97)

Is-suppożizzjonijiet tar-riskju fir-rigward tad-diversi portafolli tal-kreditu jidhru plawżibbli. Fix-xenarju ta' referenza, il-valuri ippjanati għall-provvediment u l-indebolimenti tar-riskju jikkorrispondu għal rati standard tal-kost tar-riskju ta' madwar [7-15] punti bażi għal klijenti privati u kummerċjali u [30-45] punti bażi għan-negozju tal-klijenti kummerċjali. Dawk is-suppożizzjonijiet jidhru xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika fin-negozju ta' kreditu Awstrijak, għalkemm mhux konservattivi.

(98)

Il-pjan skont ix-xenarju bażi se jressaq lill-Verbund minn RoE wara t-taxxa negattiv b'kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni ta' [9-11] % fl-2015 għal RoE wara t-taxxa ta' [8-9] % b'proporzjoni ta' kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni ta' [11-13] % fl-2019. Minħabba l-profil tar-riskju moderat tal-mudell tan-negozju tal-Verbund, ir-RoE wara t-taxxa ppjanat, jista' jiġi vvalutat bħala remunerazzjoni xierqa ta' kapital.

(99)

Il-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 94 sa 98 dwar l-ippjanar finanzjarju fir-rigward tat-tkabbir, il-likwidità, il-kostijiet, il-ġestjoni tar-riskju u l-profittabilità jippermettu lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-ippjanar huwa solidu, li ġie kkalkulat abbażi ta' suppożizzjonijiet kawti, u li huwa probabbli li jiżgura l-profittabilità fit-tul tal-Verbund u b'hekk il-kapaċità tagħha li taċċessa s-suq tal-kapital.

Il-vijabbiltà skont ix-xenarju ta' kriżi

(100)

Dik il-valutazzjoni ta' profittabilità fit-tul u ta' vijabbiltà hija kkonfermata wkoll mix-xenarju ta' kriżi ipprovdut fl-istess ħin. Hawnhekk, wieħed jassumi li se jkun hemm kriżi simultanja permezz ta' (a) ambjent ta' mgħax baxx aktar fit-tul milli attwalment previst u (b) kriżi tal-kreditu. Filwaqt li r-rati tal-imgħax baxxi fit-tul jagħmlu pressjoni fuq il-marġni tal-imgħax, il-kriżi tal-kreditu trid tkun ukoll ffinanzjata simultanjament permezz ta' provvedimenti u indebolimenti għar-riskju ogħla kif ukoll ġeneralment ponderazzjoni tar-riskju ogħla ta' stokks ta' self li jirriżultaw f'rekwiżiti ta' kapital ogħla.

(101)

Minħabba r-rendimenti mnaqqsa u l-provvedimenti u indebolimenti tar-riskju ogħla, il-Verbund tkun tagħmel telf sinifikanti fl-2015 u aktar telf baxx fl-2016. Madankollu, huwa ċar li, anki mingħajr it-teħid ta' kontromiżuri bħall-programm tal-iffrankar tal-kostijiet jew aġġustament tal-marġni tal-prezzijiet kif meħtieġ, it-telf li jirriżulta jista' jiġi ssodisfat minn proporzjon ta' kapital ewlieni f'dak iż-żmien, u se jaffettwa l-pożizzjoni tar-rendiment fit-tul tal-Verbund sa ċertu punt biss. F'dan ix-xenarju, il-proporzjon tal-kapital ewlieni ma għandux jinżel taħt [8-10] %, u l-Verbund xorta tikseb profitt wara t-taxxa ta' [5-8] % fl-2019.

Ir-rekwiżiti superviżorji

(102)

Wara d-defiċit kapitali identifikat fil-Valutazzjoni Komprensiva tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-2014, il-Verbund preżentement ingħatat l-oġġettiv li tikseb il-proporzjon tal-kapital ewlieni tal-Grad 1 ta' ekwità komuni ta' 14,63 % sas-26 ta' Lulju 2015. L-ippjanar finanzjarju attwali mhux se jagħti tali proporzjon tal-kapital.

(103)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri meħuda biex tinnewtralizza r-riskju tal-Verbund li jirriżulta mill-iskopertura għal Immigon (21) ikollhom impatt detrimentali fuq il-proporzjon tal-Grad 1 ta' ekwità komuni bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal [0-2] %. Barra minn hekk, l-ippjanar ippreżentat huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-iskopertura ta' Immigon tista' titnaqqas b'[…] u […] permezz ta' aktar bejgħ. Dan il-bejgħ iwassal għal telf mistenni globali mill-iskopertura ta' EUR [0-200] miljun b'riskju addizzjonali ta' EUR [0-100] miljun jekk il-bejgħ ma jistax jinkiseb u l-ewwel parti tat-telf ta' EUR [0-200] miljun jiġi totalment ikkonsmat. Telf addizzjonali ta' EUR [0-100] miljun ikompli jnaqqas il-proporzjon tal-Grad 1 tal-ekwità komuni b'[0-2] punti perċentwali.

(104)

Min-naħa l-oħra, il-Verbund identifikat ukoll miżuri biex tkompli tnaqqas ir-RWA tagħha lil hinn mill-miżuri diġà inklużi fl-ippjanar finanzjarju. Aktar miżuri possibbli jinkludu l-istruttura tat-titolizzazzjoni għal portafoll ta' kreditu tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u l-bejgħ ta' start:bausparkasse u IMMO -Bank, li jżid il-proporzjon tal-kapital ewlieni sa [10-15] % meta jitqies il-limitu tal-pagament meħtieġ fuq id-dritt Awstrijak għall-parteċipazzjoni fi profitt. Hawnhekk, il-Kummissjoni tinnota li l-implimentazzjoni simultanja ta' dawn il-miżuri kollha — jekk meħtieġ — jista' jkollha impatt negattiv fuq il-profittabilità futura tal-bank.

(105)

Madankollu, minħabba d-daqs limitat tar-riskji negattivi u l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri tar-RWA diġà identifikati, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed riżerva fil-pjan biex jiġi llimitat l-impatt fuq il-vijabbiltà. Din il-kunsiderazzjoni tkompli tissaħħaħ permezz ta' deċiżjoni pożittiva li s-superviżur ikun ħa rigward l-approvazzjoni ta' miżuri (a) sa (c) fil-premessa 35 bil-ħsieb li jiġi permess l-inklużjoni tagħhom fir-reġistru Awstrijak tal-kumpaniji. Din id-deċiżjoni pożittiva mill-MSU kienet ibbażata fuq l-istess pjan ta' ristrutturar li huwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, li tissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-MSU se jikkunsidra wkoll li l-Verbund — anki meta jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji inerenti fil-pjan — se jkun kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti kapitali prudenzjali applikabbli meħtieġa wara l-analiżi superviżorja fis-26 ta' Lulju 2015.

Il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet

(106)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk is-sett il-ġdid ta' impenji jistax jissostitwixxi b'mod adegwat l-impenji tal-2012 sabiex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti għall-Verbund, is-suċċessur ekonomiku tal-ÖVAG. F'dawn iċ-ċirkustanzi, irid jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjoni proprja tal-Verbund u l-kondiviżjoni tal-piżijiet humiex adegwati.

(107)

Rigward il-kontribuzzjoni proprja u l-kondiviżjoni tal-piżijiet, il-lista tal-impenji annessa mad-Deċiżjoni tal-2012 inkludiet dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni u r-ripagament ta' (a) il-garanzija tal-assi u (b) il-kapital ta' parteċipazzjoni, kif ukoll projbizzjoni ta' dividendi.

(108)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-bidliet għall-garanzija tal-assi, il-pjan ta' stralċ attwali ma jinvoka l-ebda ħlas fi flus kontanti mill-garanzija għal stralċ b'solventi. Jekk is-suppożizzjonijiet kollha jimmaterjalizzaw kif previst u l-istralċ jibqa' solventi mingħajr il-garanzija, pagament mhux mistenni mill-garanzija li jikkorrispondi għas-saldu tal-pretensjonijiet eliġibbli kollha f'Lulju 2016 fil-fatt se jservi biss biex tiżdied il-massa ta' likwidazzjoni finali tal-Immigon disponibbli għall-kapital ta' parteċipazzjoni u titolari ta' ekwità. Il-pjan attwali biex jiġi llimitat il-pagament ta' garanzija għall-każ li jipprevjeni l-insolvenza ta' Immigon jservi biex ir-riskju tal-għajnuna mill-Istat li jintuża biex jiġu kumpensati d-detenturi ta' strumenti ta' fondi proprji jitnaqqas għal minimu.

(109)

Fir-rigward tal-kapital ta' parteċipazzjoni, skont il-lista tal-impenji annessa mad-Deċiżjoni tal-2012 (22), l-ÖVAG kellu jħallas mill-ġdid EUR 300 miljun sa tmiem l-2017, u l-Verbund ikollha tikkontribwixxi sa fejn jippermettu r-rekwiżiti regolatorji minimi. Il-formulazzjoni tagħha għamlitha ċara li, fil-każ tal-Verbund, dak l-impenn kien dikjarazzjoni ta' intenzjoni aktar milli rekwiżit legalment vinkolanti.

(110)

Is-sett il-ġdid ta' impenji li jintroduċi rekwiżit legalment vinkolanti għall-Verbund. B'mod aktar speċifiku, il-Verbund tintrabat li tqiegħed strument finanzjarju ġdid għad-dispożizzjoni għall-Awstrija, id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt (Genussrecht). Abbażi ta' dan l-istrument, li għandu valur nominali baxx, l-Awstrija se tirċievi distribuzzjonijiet dipendenti fuq il-profitt li se jkunu ta' prijorità fuq id-distribuzzjonijiet ta' dividendi jew ibridi l-oħrajn kollha. Mill-[2020-2025], id-distribuzzjonijiet fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt se jammontaw għal EUR 300 miljun, bi tnaqqis ta' kull pagament riċevut mill-istralċ tal-ÖVAG.

(111)

Il-fluss tal-flus li jikkorrispondi għad-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt se tkompli tiġi żgurata mill-fatt li l-Awstrija se tirċievi (a) ishma f'VBWB ta' 25 % u sehem wieħed (minoranza li timblokka) bħala kollateral u (b) id-dritt li taħtar nofs il-membri tal-bord superviżorju ta' VBWB.

(112)

Id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt għandu l-livelli limiti għall-pagamenti kumulattivi li ġejjin: EUR [0-50] miljun f'[…]; EUR [0-100] miljun f'[…]; EUR [0-200] miljun f'[…]; U EUR 300 miljun fl-[2020-2025]. Fil-każ li ma jinżammx il-livell limitu, l-Awstrija tirċievi d-dritt għall-ishma miżmuma bħala kollateral, li kieku, wara li jiġi riċevut l-ammont sħiħ ta' EUR 300 miljun, jiġi rritornat għas-sjieda tal-Verbund. Barra minn hekk, fil-każ ta' nuqqas ta' livell limitu tal-pagamenti, l-Awstrija tirċievi [1-15] % aktar tal-ishma kollha kif ukoll id-dritt biex jittieħed dan il-kollateral. Barra minn hekk, hemm obbligu għall-Verbund f'dan il-każ li tippreżenta pjan ta' ristrutturar ġdid li l-Awstrija mbagħad tkun trid tinnotifika lill-Kummissjoni.

(113)

Il-Kummissjoni vvalutat l-effett tal-arranġament il-ġdid tar-ripagament fuq il-pjan ta' ristrutturar u kkonkludiet li dan tal-aħħar huwa b'saħħtu biżżejjed biex ir-ripagament isir kif ippjanat, mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq il-proporzjon tal-kapital ewlieni. Il-livell limitu ta' EUR [0-50] miljun f' […] jibqa' possibbli anki f'xenarju ta' kriżi. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat li l-implimentazzjoni simultanja tal-miżuri ta' tnaqqis ta' RWA identifikati kollha (23) jkollhom effett negattiv fuq il-profittabilità tal-bank li jista' jipperikola wkoll il-pjan tar-ripagament.

(114)

Il-Kummissjoni tqis li l-impenn il-ġdid dwar ir-ripagament tal-għajnuna jiżgura l-kompatibbiltà kontinwa tal-għajnuna eżistenti minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Permezz ta' dan l-impenn l-Awstrija tirċievi pretensjoni ġdida li tissostitwixxi b'mod adegwat il-pretensjoni inadempjenti fuq l-ÖVAG. Bħala entità ta' stralċ, l-ÖVAG mhux mistennija li tħallas lura l-kapital ta' parteċipazzjoni lil hinn mill-bilanċ pożittiv residwu mill-istralċ tagħha.

(b)

Il-kombinazzjoni tal-valuri tal-livell limitu kumulattiv u d-distribuzzjonijiet volontarji ta' dividendi deskritti hawn taħt (24) hija kompromess xieraq bejn l-iżgurar tar-ripagament tal-għajnuna u l-irkuprar tal-vijabbiltà tal-Verbund.

(c)

Abbażi ta' dan, l-estensjoni tal-iskema tar-ripagament tista' tiġi aċċettata.

(d)

L-Awstrija għandha l-possibbiltà li tuża minoranza li timblokka biex temenda l-pjan il-ġdid ta' ristrutturar jekk ikun meħtieġ.

(115)

F'dak li jirrigwarda l-projbizzjoni tad-dividendi, l-impenn rilevanti (25) anness mad-Deċiżjoni tal-2012 ikompli japplika b'mod modifikat. Skont l-impenn il-ġdid, id-dividendi jistgħu jitqassmu lill-investituri esterni bil-kundizzjoni tal-

(a)

It-total tad-distribuzzjonijiet kollha jkun anqas minn EUR [5-8] miljun;

(b)

id-dritt ta' parteċipazzjoni tal-profitt ikun ġie eżerċitat bħala prijorità f'tal-inqas l-istess ammont skont il-livell limitu miftiehem u fl-istess sena;

(c)

L-Awstrija tirċievi pagament ta' kumpens addizzjonali tal-istess ammont bħad-dividendi proposti; kif ukoll

(d)

kapital prinċipali estern ġdid ta' mill-inqas is-somma ta' kwalunkwe dividend u pagamenti ta' kumpens addizzjonali.

(116)

Il-Kummissjoni tqis li l-kombinazzjoni tan-natura tal-prijorità tal-obbligu tar-ripagament, il-pagament ta' kumpens u l-ġenerazzjoni tal-kapital prinċipali estern ġdid huma biżżejjed biex jiġi żgurat li l-għajnuna ma sservix bħala dħul minn kapital, u li kwalunkwe dividendi jitħallsu biss minn dħul żejjed.

(117)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li s-sett il-ġdid ta' impenji jiżgura l-kompatibbiltà tal-għajnuna eżistenti fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja u kondiviżjoni tal-piżijiet.

Il-miżuri biex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(118)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk is-sett il-ġdid tal-impenji jistgħux jissostitwixxu b'mod adegwat l-impenji tal-2012 sabiex jiggarantixxu l-kompatibbiltà kontinwa tal-għajnuna eżistenti għall-Verbund. F'dawn iċ-ċirkustanzi, irid jiġi eżaminat jekk id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għajnuna lill-Verbund humiex limitati kemm jista' jkun.

(119)

L-impenji tal-2012 inkludew il-miżuri li ġejjin fir-rigward tal-ÖVAG, sabiex jiġu llimitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni: (i) tnaqqis tal-karta bilanċjali u l-RWAs; (ii) restrizzjoni tal-attivitajiet għan-“negozju relatat mal-assoċjazzjoni” tal-ÖVAG, bħala l-organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund; (iii) projbizzjoni fuq l-akkwiżizzjonijiet; (iv) projbizzjoni fuq it-tmexxija tal-prezzijiet, applikabbli għas-sussidjarja bankarja online tal-ÖVAG, Live Bank; (v) projbizzjoni fuq ir-riferiment għall-għajnuna mill-Istat għal skopijiet ta' reklamar; u (vi) il-miżuri ta' mġiba relatati mar-rimunerazzjoni u s-sistemi ta' ġestjoni tar-riskju.

(120)

Is-sett il-ġdid ta' impenji, anness ma' din id-Deċiżjoni, iżomm il-bilanċ oriġinali rigward il-limitazzjoni ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. B'mod partikolari, il-kwistjonijiet tal-karta bilanċjali u t-tnaqqis tar-RWA huma indirizzati permezz tal-istralċ tal-ÖVAG, filwaqt li l-kwistjoni ta' ffokar fuq il-funzjonijiet tal-organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund hija indirizzata permezz tat-trasferiment ta' dawk il-funzjonijiet għall-VBWB. Is-sett il-ġdid tal-impenji jsostni wkoll li l-projbizzjonijiet fuq il-ġestjoni tal-prezzijiet, l-akkwiżizzjonijiet u r-reklamar tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll il-miżuri ta' mġiba eżistenti.

(121)

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-prezzijiet, il-Live Bank mhux se jitħalla joffri lill-klijenti rati tal-imgħax, relatati ma' kull maturità, ogħla minn dawk offruti mit-tielet l-aħjar kompetitur fis-suq bankarju online dirett.

(122)

Fir-rigward tal-akkwiżizzjonijiet, il-Verbund mhux se tkun tista' takkwista ishma kontrollanti jew minoritarji u kwalunkwe bundles tal-assi. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni huma (a) l-akkwiżizzjonijiet meħtieġa sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja jew il-livell tal-Verbund, jew dawk li jsiru fl-interess tal-kompetizzjoni effettiva, sakemm dawn ikunu ġew approvati minn qabel mill-Kummissjoni, u (b) l-akkwiżizzjonijiet li huma parti min-negozju kontinwu normali tal-Verbund, f'dik li hija l-ġestjoni tal-obbligi eżistenti tal-klijenti f'diffikultà finanzjarja.

(123)

Fir-rigward tar-reklamar, il-Verbund mhux se tkun tista' tirreklama l-għoti tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat jew kwalunkwe vantaġġi li jirriżultaw minnhom.

(124)

F'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri ta' mġiba, il-Verbund se żżomm livell adegwat ta' rimunerazzjoni u sistemi ta' ġestjoni tar-riskju. B'mod aktar speċifiku, is-sistemi ta' remunerazzjoni tal-Verbund se jkunu trasparenti, ibbażati fuq inċentivi għall-prevenzjoni tar-riskji mhux xierqa, u jiġu allinjati ma' objettivi ta' negozju sostenibbli fit-tul. Is-sistema ta' ġestjoni tar-riskji tal-Verbund, se tiġi żviluppata aktar, bl-għan li tintlaħaq politika kummerċjali prudenti, b'saħħitha u sostenibbli.

(125)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sett il-ġdid ta' impenji jillimita b'mod adegwat id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna mill-Istat eżistenti għall-Verbund,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta' ristrutturar tat-23 ta' Ġunju 2015 u s-sett korrispondenti ta' impenji ma jikkostitwixxux għajnuna ġdida mill-Istat.

2.   Il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta' ristrutturar tat-23 ta' Ġunju 2015 u s-sett korrispondenti tal-impenji huma tali li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2013/298/UE se jibqgħu kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2013/298/UE jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

L-Awstrija tiżgura li l-pjan ta' ristrutturar ippreżentat fit-23 ta' Ġunju 2015 jiġi implimentat kollu, inklużi l-impenji stipulati fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.”

2.   L-Anness mad-Deċiżjoni 2013/298/UE jiġi sostitwit bl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 46, 17.2.2012, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2008 f'Għajnuna mill-Istat każ N 557/2008 — Maßnahmen nach dem Finanzmarktstabilitäts- und dem Interbankmarktstärkungsgesetz für Kreditinstitute und Versicherungsunternehmen in Österreich, ĠU C 3, 8.1.2009, p. 2.

(3)  L-ewwel estensjoni tal-iskema, inklużi ċerti emendi, ġiet approvata fit-30 ta' Ġunju 2009 (ĠU C 172, 24.7.2009, p. 4), it-tieni estensjoni saret fis-17 ta' Diċembru 2009 (ĠU C 28, 4.2.2010, p. 6), it-tielet estensjoni saret fil-25 ta' Ġunju 2010 (ĠU C 250, 17.9.2010, p. 4) u r-raba' estensjoni saret fis-16 ta' Diċembru 2010 (ĠU C 20, 21.1.2011, p. 3).

(4)  Ara l-punt 13 u l-Anness mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2011 fil-kawża SA. 31883 (2011/C) (ex N516/10), Ristrutturar ta' Österreichische Volksbanken AG (ĠU C 46, 17.2.2012, p. 3).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/298/UE tad-19 ta' Settembru 2012 dwar l-għajnuna mill-istat SA. 31883 (2011/C) (ex N516/10) li l-Awstrija implimentat u li qed tippjana li timplimenta għall-Österreichische Volksbanken AG (ĠU L 168, 20.6.2013, p. 30).

(7)  Il-Verbund hija deskritta aktar fil-premessi 18 et seq.

(8)  Ara l-premessi 13 u 14 tad-Deċiżjoni tal-2012.

(9)  Ara l-premessi 24 u 25.

(10)  Ara l-premessi 27 sa 30 u d-Deċiżjoni tal-2012 għal aktar dettalji.

(11)  Id-defiċit ta' kapital huwa deskritt f'aktar dettall fi premessa 33.

(12)  Għal dettalji, ara l-premessi 24 sa 29 tad-Deċiżjoni tal-2012.

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r- Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(14)  Bankwesengesetz (“BWG”).

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali

(15)  Ara l-premessa 45.

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(17)  Ara l-premessi 66 sa 71.

(18)  Ara l-Premessa 82 tad-Deċiżjoni tal-2012.

(19)  Ara l-Premessa 93 tad-Deċiżjoni tal-2012.

(20)  Is-suppożizzjonijiet kollha rigward it-tkabbir ekonomiku u l-inflazzjoni huma meħuda mir-Rapport tal-Kummissjoni tar-Rebbiegħa tal-2015.

(21)  Ara l-premessa 45.

(22)  Il-Punt 11.2 tal-lista ta' impenji anness mad-Deċiżjoni tal-2012.

(23)  Dawn il-miżuri huma deskritti aktar fi premessa 100.

(24)  Ara l-premessa 115.

(25)  Punt 9.3 tal-lista ta' impenji anness mad-Deċiżjoni tal-2012.


ANNESS

“ANNESS

LISTA TA' IMPENJI FIL-PROĊEDURA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT SA. 31883 ÖSTERREICHISCHE VOLKSBANKEN AG

PREAMBOLU

Permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2012, instab li l-Għajnuna mill-Istat SA. 31883 (2011/C) li l-Awstrija tat lil Österreichische Volksbanken AG (ÖVAG) kienet kompatibbli mas-suq intern.

Minħabba l-ħtieġa mill-ġdid ta' ristrutturar tas-settur tal-Volksbanken, din il-lista ta' impenji tfasslet b'kunsiderazzjoni tal-ewwel sett ta' impenji u l-pjan sottostanti ta' ristrutturar u ta' likwidazzjoni tal-ÖVAG (‘il-pjan ta' ristrutturar’). Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sett ta' impenji annessi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2012 għalhekk jieqfu milli jkollhom effett.

Il-pjan modifikat ta' ristrutturar ma jagħmel l-ebda dispożizzjoni għall-miżuri addizzjonali ta' appoġġ mill-Istat għall-ÖVAG. It-tnaqqis tal-kapital azzjonarju tal-ÖVAG inkluż is-sehem tar-Repubblika tal-Awstrija fl-ammont ta' 43,3 % (li jikkorrispondi għal bejn wieħed u ieħor EUR 250 miljun) u t-tnaqqis simultanju fil-kapital ta' parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija fl-ammont ta' EUR 300 miljun b' 96,65 % ma jikkostitwixxix għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1).

Ir-Repubblika tal-Awstrija qiegħda b'dan tipprovdi l-impenji li ġejjin li jikkonċernaw l-Österreichische Volksbanken-Aktiengesellschaft (‘ÖVAG’) u l-Volksbanken-Verbund, irrappreżentata minn Volksbank Wien-Baden AG (‘VBWB’) fil-kapaċità tagħha bħala organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund, bil-għan li l-Kummissjoni Ewropea, b'deċiżjoni skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE’), tista' ssib li l-għajnuna mogħtija lill-ÖVAG hija kompatibbli mas-suq intern.

Dan it-test għandu jiġi interpretat fil-qafas ġenerali tal-liġi tal-UE u b'referenza għar-Regolament (KE) Nru 659/1999, kif ukoll b'kunsiderazzjoni għad-deċiżjoni li magħha l-impenji huma marbuta bħala impenji u/jew kundizzjonijiet u obbligi.

1.   Ġenerali

1.1.   Ir-Repubblika tal-Awstrija timpenja ruħha li tiżgura li r-ristrutturar għall-ÖVAG ippreżentat sal-aħħar ta' Ġunju 2015 huwa implimentat b'mod korrett u sħiħ.

1.2.   Ir-Repubblika tal-Awstrija timpenja ruħha li tiżgura li l-impenji elenkati hawn taħt (‘l-impenji’) huma osservati bis-sħiħ waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar.

1.3.   Il-fażi tar-ristrutturar se tintemm fid-data tal-laqgħa ġenerali ta' VBWB li jiddeċiedi dwar il-kontijiet annwali għas-sena fiskali 2019, iżda sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2020. L-impenji li ġejjin japplikaw tul il-fażi ta' ristrutturar, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor.

2.   Il-pjan ta' ristrutturar u ta' likwidazzjoni

2.1.   Il-kapital azzjonarju tal-ÖVAG ta' EUR 577 328 623,46 (inkluż is-sehem tar-Repubblika tal-Awstrija fl-ammont ta' 43,3 %) se jitnaqqas għal EUR 19 335 951,23. Il-kapital ta' parteċipazzjoni tal-Istat fl-ammont ta' EUR 300 miljun se jitnaqqas bl-istess proporzjon, b' 96,65 %.

2.2.   L-organizzazzjoni ċentrali u l-funzjoni tal-istituzzjoni ċentrali tal-ÖVAG se jiġu ttrasferiti b'mod retroattiv b'effett mill-31 ta' Diċembru 2014 bħala kumpanija ċedenti għal VBWB bħala kumpanija ċessjonarja soġġetta għall-eżistenza kontinwa ta' kumpanija ċedenti, bi skambju għall-ħruġ ta' ishma.

2.3.   B'effett mill-4 ta' Lulju 2015, l-ÖVAG bil-qbil tal-awtorità ta' superviżjoni kompetenti (BĊE) se tirtira mill-Verbund, wara l-approvazzjoni superviżorja topera minn issa 'l quddiem bħala l-entità ta' stralċ skont it-taqsima 162 tal-Att Federali dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (Bundesgesetz über die Sanierung und Abwicklung von Banken — BaSAG) u bħala tali mhux se jibqa' jkollha liċenzja bankarja skont ir-Taqsima 1 tal-Att Bankarju (Bankwesengesetz, BWG) L-isem tal-entità fi stralċ se jinbidel għal ‘Immigon portfolioabbau ag’.

2.4.   Abbażi li r-Repubblika Federali tkun fornitur ta' garanzija tal-assi għall-ammont ta' EUR 100 miljun, f'konformità mal-ftehim dwar il-garanzija tal-assi mill-15 ta' Marzu 2013 kif emendat mill-abbozz ta' ftehim mill-25 ta' Ġunju 2015 (‘il-ftehim tal-emenda tal-garanzija’) huwa permess fi kwalunkwe żmien bejn il-31 ta' Diċembru 2015 sa u inkluż il-jum tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali tal-ÖVAG għas-sena finanzjarja 2017.

2.5.   Kundizzjonijiet għal teħid ta' eventwali tal-garanzija tal-assi huma jew in-nuqqas tal-ġbir tal-assi parzjali inkella kollha kemm huma jew l-insolvenza formali tad-debitur barra mill-ħtieġa tal-pagament mill-garanzija biex jiġi evitat dejn żejjed tal-ÖVAG skont il-liġi tal-insolvenza u soġġetta għall-kundizzjonijiet l-oħra applikabbli kollha fil-ftehim tal-emenda tal-garanzija. Id-data ta' referenza għall-evalwazzjoni tal-pretensjonijiet iggarantiti fil-grupp skont l-Anness 1 għall-ftehim tal-garanzija mill-15 ta' Marzu 2013 kif emendat mill-ftehim tal-emenda tal-garanzija hija l-31 ta' Diċembru 2015. L-ebda pretensjoni oħra mill-garanzija ma hija se tiġi aċċettata wara din id-data.

2.6.   L-għan tal-pjan ta' likwidazzjoni tal-ÖVAG huwa li jiġu llikwidati l-assi kollha bis-sħiħ sal-31 ta' Diċembru 2017. Mill-pjan ta' likwidazzjoni tal-ÖVAG jirriżulta wkoll li se jibqa' valur residwu pożittiv. Bħala kumpens parzjali għat-tnaqqis fil-kapital azzjonarju miżmum mir-Repubblika tal-Awstrija, f'ÖVAG, il-Verbund u l-Volksbanken Holding eGen se jassenjaw il-pretensjonijiet tagħhom għar-rikavati mil-likwidazzjoni tal-ÖVAG lir-Repubblika. Barra minn hekk, il-Verbund ta l-aħjar impenn biex l-azzjonisti l-oħra tal-ÖVAG jassenjaw ukoll il-pretensjonijiet tagħhom lir-Repubblika tal-Awstrija.

3.   Il-bejgħ tal-holdings tal-ÖVAG

Fl-implimentazzjoni tal-abbozz ipprovdut tal-ftehim tar-ristrutturar mar-Repubblika tal-Awstrija tat-23 ta' Ġunju 2015 (‘il-ftehim dwar ir-ristrutturar’), l-ÖVAG se tbigħ l-ishma kollha f'RZB kompletament (‘iffirmar’) sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017.

4.   Il-miżuri mir-RZB

L-Awstrija timpenja ruħha li l-miżuri ppjanati minn Raiffeisen Zentralbank Österreich AG (RZB) għat-tnaqqis tal-kapital tal-ekwità tal-ÖVAG kif stabbilit fil-ftehim ta' ristrutturar tas-26 ta' April 2012 b'ammont residwu kurrenti ta' EUR [0-20] miljun se jiġu implimentati permezz ta' […].

5.   Distribuzzjoni tal-profitti futuri mill-Verbund

5.1.   Id-distribuzzjonijiet tal-profitti minn entitajiet ikkonsolidati fl-assoċjazzjoni tal-istituzzjoni ta' kreditu (Kreditinstituteverbund) tal-Volksbanken skont it-Taqsim 30a(1) BWG, kif emendat, għal persuni (fiżiċi jew legali) terzi, fil-prinċipju, se jkun ammissibbli biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 5.2 sa 5.6 ta' dan il-ftehim jiġu ssodisfati.

5.2.   L-eżerċizzju tad-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt tar-Repubblika tal-Awstrija se jsir bi qbil mal-ftehim għar-ristrutturar; b'mod partikolari, in-nuqqas ta' osservanza tal-livelli limiti stabbiliti fih se jagħti d-dritt lir-Repubblika tal-Awstrija li tneħħi l-ishma f'VBWB trasferiti lilha skont il-ftehim għar-ristrutturar.

5.3.   L-eżerċizzju tad-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt tar-Repubblika tal-Awstrija skont il-ftehim għar-ristrutturar se jsir preferibbilment f'mill-inqas l-ammont tad-distribuzzjoni.

5.4.   L-ammont totali tad-distribuzzjonijiet kollha se jkun limitat għal EUR [5-8] miljun kull sena.

5.5.   Ir-Repubblika tal-Awstrija ser tirċievi pagament ta' kumpens indipendentement mill-punt 5.3 fl-ammont tad-distribuzzjoni. It-tqassim ta' profitti fuq fondi proprji magħżula wara d-29 ta' Ġunju 2015 biex jissaħħaħ u jiġi megħjun l-irkupru tal-Verbund mhux se jagħti lok għal pagament ta' kumpens lir-Repubblika tal-Awstrija.

5.6.   Il-Verbund se żżid il-kapital tal-Grad 1 ta' ekwità komuni estern ġdid (nett, wara t-tnaqqis tar-ripagamenti) b'mill-inqas ammont li jikkorrispondi għal somma annwali tad-distribuzzjonijiet u l-pagamenti ta' kumpens (kumpens għal qligħ imfaddal).

6.   Il-projbizzjoni tad-dividendi tal-ÖVAG

L-ÖVAG mhux se tħallas dividendi fil-perjodu sa tmiem il-likwidazzjoni. Sa fejn dawn ikunu legalment separati, il-pagamenti għar-remunerazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna se jibqgħu mhux affettwati.

7.   Il-Projbizzjoni fuq il-ġestjoni tal-prezzijiet

Fil-qasam tas-servizzi ta' depożitu, il-Live Bank għandu projbizzjoni fil-perjodu sa tmiem il-perjodu tal-likwidazzjoni milli joffri kundizzjonijiet tar-rati ta' imgħax (għall-maturitajiet kollha) aħjar mill-kompetitur tiegħu bit-tielet l-aħjar kundizzjonijiet fis-suq Awstrijak għas-servizz bankarju online dirett mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

8.   Rappreżentanza tar-Repubblika tal-Awstrija fil-Volksbank Wien-Baden AG fil-kapaċità tagħha bħala organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund

8.1.   B'effett mill-qsim tal-ÖVAG u t-trasferiment tal-funzjoni bħala organizzazzjoni ċentrali tal-Verbund għal VBWB ir-Repubblika tal-Awstrija se tkun ittrasferit lil din sehem ta' 25 % u sehem wieħed (‘25 % + 1’) mingħajr ħlas mill-Verbund.

8.2.   Jekk il-Verbund tonqos milli twettaq l-impenji tagħha ta' ripagament skont il-punt 9.3, ir-Repubblika tal-Awstrija tkun ittrasferit lilha ishma addizzjonali f'VBWB mingħajr ħlas mill-Verbund sa sehem totali tal-Awstrija ta' [26-40] %. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija se tirċievi d-dritt ta' disponiment fuq l-ishma tagħha kollha f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim tar-ristrutturar.

8.3.   Ir-Repubblika tal-Awstrija se tingħata dritt ta' rappreżentanza mill-Verbund li nofs il-membri tal-bord superviżorju tal-VBWB jinħatru mis-sidien.

9.   Ir-rimunerazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna

9.1.   Il-garanzija tal-assi ta' EUR 100 miljun mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija lill-ÖVAG se tiġi rimunerata b'bonus mhux relatat mal-profitt ta' 10 % kull sena.

9.2.   Il-VBWB tagħti lir-Repubblika tal-Awstrija dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt bħala kumpens għat-tnaqqis fil-kuntest tal-ftehim għar-ristrutturazzjoni fil-kapital ta' parteċipazzjoni tal-Istat ta' EUR 300 miljun fl-ÖVAG matul il-proċess tal-qsim. Mill-pagament kollu li jsir fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt se titnaqqas kull parteċipazzjoni kapitali miżmuma mill-Istat li tinżamm matul il-proċess tal-qsim u titħallas debitament lura.

9.3.   Il-pagament fuq id-dritt għall-parteċipazzjoni fi profitt għandu jilħaq mill-inqas EUR [0-50] miljun minn meta jiġu approvati l-[…] kontijiet annwali ta' VBWB u mill-inqas EUR [0-100] miljun sal-approvazzjoni tal-[…] kontijiet annwali ta' VBWB. F'każ li wieħed minn dawn iż-żewġ livelli limiti ma jintlaħqux, għandu jiġu notifikat pjan ta' ristrutturar ġdid. Għandu jiġi nnutat li l-ftehim ta' ristrutturar jipprovdi għal livell limitu ta' pagament ta' mill-inqas EUR [0-200] miljun fil-mument tal-approvazzjoni tal-[…] kontijiet annwali ta' VBWB u għal pagament komplet sad-data tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali [2020-2025] ta' VBWB.

10.   L-obbligi oħra ta' imġiba

10.1.   L-ÖVAG u il-Verbund jimpenjaw ruħhom biex joqogħdu lura minn akkwiżizzjonijiet. Dan japplika kemm għax-xiri ta' kumpaniji bl-istruttura legali tagħhom stess, u għall-ishma fil-kumpaniji, kif ukoll għal bundles tal-assi li jirrappreżentaw tranżazzjoni kummerċjali jew fergħa ta' attività. Dan ma japplikax għall-akkwiżizzjonijiet li jridu jsiru sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u/jew relatat mal-assoċjazzjoni, jew fl-interessi ta' kompetizzjoni effettiva, sakemm dawn ikunu ġew approvati minn qabel mill-Kummissjoni. Dan lanqas ma japplika għall-akkwiżizzjonijiet li huma parti min-negozju kontinwu normali ta' kuljum tal-bank, f'dik li hija l-ġestjoni tal-obbligi eżistenti tal-klijenti f'diffikultà finanzjarja.

10.2.   L-ÖVAG u l-Verbund ma tridx tuża l-għoti tal-miżuri ta' għajnuna jew kull vantaġġ li jirriżulta minnhom għal finijiet ta' reklamar.

10.3.   L-ÖVAG u l-Verbund iridu jivverifikaw li l-effett ta' inċentiv u l-adegwatezza tas-sistemi tar-rimunerazzjoni tagħhom huma orjentati lejn objettivi tal-kumpanija sostenibbli fit-tul u huma trasparenti, billi jiżguraw il-possibbiltajiet skont il-liġi ċivili, li dawn ma jirriżultawx fi skopertura għar-riskji bla bżonn.

10.4.   Il-Verbund se tkompli l-espansjoni tal-operazzjonijiet tagħha ta' monitoraġġ tar-riskju u twettiq ta' politika kummerċjali li hija prudenti, b'saħħitha u orjentata lejn is-sostenibbiltà.

11.   Il-fiduċjarju tal-monitoraġġ

11.1.   Ir-Repubblika tal-Awstrija se tiżgura li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-pjan ta' ristrutturar tal-ÖVAG u l-Verbund u l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-impenji kollha f'dan id-dokument ta' impenji se jiġu mmonitorjati kontinwament minn fiduċjarju tal-monitoraġġ indipendenti u kkwalifikat biżżejjed, li huwa obbligat iżomm il-kunfidenzjalità.

11.2.   Il-ħatra, il-kompiti, l-obbligi u l-kwittanza tal-fiduċjarji tal-monitoraġġ iridu jsegwu l-proċeduri stabbiliti fl-Anness ‘Fiduċjarju’.

11.3.   Ir-Repubblika tal-Awstrija se tiżgura li fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jew il-fiduċjarju jkollhom aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni jew il-fiduċjarju jistgħu jitolbu lill-ÖVAG u l-Verbund għal spjegazzjonijiet u kjarifiki. Ir-Repubblika tal-Awstrija, l-ÖVAG u l-Verbund se jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-fiduċjarju tal-monitoraġġ fir-rigward tal-mistoqsijiet kollha assoċjati mal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.”


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).