28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 33/1


DEĊIŻJONI DWAR IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA

tat-3 ta' Diċembru 2015

li tistabbilixxi grupp konsultattiv estern dwar id-dimensjonijiet etiċi tal-protezzjoni tad-data (“il-Grupp konsultattiv dwar l-Etika”)

(2016/C 33/01)

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data  (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 41(2) u 46(e) tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

L-Artikolu 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxu r-rispett tal-ħajja privata u dik tal-familja u l-protezzjoni ta' data personali.

(2)

L-Artikolu 41(2), it-tieni sentenza, tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jipprovdi li l-KEPD għandu jkun responsabbli biex jagħti pariri lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-UE u lil suġġetti tad-data dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ipproċessar ta' data personali.

(3)

L-Artikolu 46 (e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, kif elaborat fl-Artikolu 38(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tas-17 ta' Diċembru 2012 (2), jistabbilixxi d-dover tal-KEPD li jissorvelja l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jidentifika tendenzi emerġenti b'impatt potenzjali fuq il-protezzjoni ta' data.

(4)

L-avvanz teknoloġiku, bħat-tagħlim permezz ta' komputazzjoni ta' ammonti kbar ta' data u t-tagħlim bil-magni, jippermetti l-kollezzjoni u l-użu ta' data personali b'modi dejjem aktar opaki u kumplessi, b'hekk jinħoloq theddid sinifikanti għad-dinjità privata u għal dik umana.

(5)

Il-KEPD jimmira li jistimula diskussjoni miftuħa u informattiva dwar l-etika diġitali, li tippermetti lill-UE li tagħraf il-benefiċċji tat-teknoloġija għas-soċjetà u għall-ekonomija u li fl-istess ħin issaħħaħ id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi, b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza u għall-protezzjoni ta' data.

(6)

L-Opinjoni tal-KEPD tal-11 ta' Settembru 2015 — Lejn etika diġitali ġdida: (Towards a new digital ethics: Data, Dinjità u Teknoloġija (Data, Dignity and Technology) — tħabbar it-twaqqif ta' Grupp Konsultattiv dwar l-Etika.

IDDEĊIEDA KIF ISEGWI:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Il-grupp konsultattiv estern dwar id-dimensjonijiet etiċi ta' protezzjoni ta' data (“il-Grupp konsultattiv dwar l-Etika”, minn hawn 'il quddiem: “il-Grupp Konsultattiv”) huwa bil-preżenti stabbilit.

2.   Il-membri tal-Grupp Konsultattiv għandhom jinħatru mill-1 ta' Frar 2016 sal-31 ta' Jannar 2018.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-Grupp Konsultattiv għandu:

(a)

janalizza d-dimensjonijiet etiċi tal-protezzjoni tad-data;

(b)

jissottemetti rakkomandazzjonijiet lill-KEPD meta mitlub;

(c)

jissottometti suġġerimenti ta' riċerka, irawwem kooperazzjoni interdixxiplinarja;

(d)

jipproduċi minn tal-inqas żewġ rapporti pubbliċi;

(e)

jinvolvi esperti oħrajn fil-ħidma tiegħu fuq bażi permanenti jew ad hoc, fejn xieraq, b'mod partikolari fl-oqsma li fihom l-esperti l-oħrajn jistgħu jġibu għarfien u esperjenza addizzjonali mhux irrappreżentati fil-Grupp Konsultattiv, inkluża l-esperjenza fil-qasam tal-mediċina, saħħa, finanzi, enerġija, governanza politika, pulizija jew sigurtà;

(f)

jippreżenta suppożizzjonijiet lil udjenza kritika u jkejjel ir-riżultat tar-riflessjonijiet tal-Grupp Konsultattiv mal-esperjenza ta' prattikanti oħrajn.

2.   Ir-riżultati tal-Grupp Konsultattiv għandhom ikunu bbażati fuq bażi soda u stabbli ta' għarfien, evidenza empirika u skrutinju bir-reqqa.

3.   Il-KEPD għandu jippreżenta r-riżultati tal-Grupp Konsultattiv lil udjenza wiesgħa fil-kuntest ta' sessjonijiet ta' ħidma jew konferenzi.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-KEPD jista' jikkonsulta lill-Grupp Konsultattiv fuq kwalunkwe kwistjoni relatata mad-dimensjonijiet etiċi tal-protezzjoni ta' data.

Artikolu 4

Sħubija — Ħatra

1.   Il-Grupp Konsultattiv għandu jikkonsisti minn massimu ta' sitt personalitajiet eminenti bi track-record mixhud bi provi fl-analiżi u fir-riċerka f'oqsma li huma rilevanti għad-dimensjonijiet etiċi tal-protezzjoni ta' data.

2.   Il-membri għandhom jinħatru f'kapaċità personali.

3.   Il-membri għandhom jaġixxu b'indipendenza u libertà sħiħa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess attwali jew potenzjali li jirriżulta minn kwalunkwe konnessjoni ma' organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati b'interess ekonomiku jew politiku fl-attivitajiet jew konklużjonijiet tal-Grupp Konsultattiv.

4.   Individwi jistgħu, bħala kundizzjoni għall-ħatra, ikunu meħtieġa jiddikjaraw affiljazzjonijiet tal-imgħoddi jew preżenti mal-organizzazzjonijiet li hemm referenza għalihom fit-tielet paragrafu, fejn dan huwa rilevanti biex jiġu evitati kunflitti ta' interess.

Artikolu 5

Operat

1.   Il-Grupp Konsultattiv għandu jagħżel President minn fost il-membri tiegħu.

2.   Barra mil-laqgħat tal-Grupp Konsultattiv li jsiru wiċċ imb'wiċċ, il-Grupp Konsultattiv jista' jiltaqa' permezz ta' vidjokonferenzi jew tekniki ta' komunikazzjoni oħrajn xierqa.

3.   Bi ftehim mal-Grupp Konsultattiv, il-KEPD jista' jistieden esperti minn barra l-grupp li huma kkwalifikati biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp Konsultattiv fuq bażi permanenti jew bażi ad hoc.

4.   Il-President jista' wkoll jistieden osservaturi biex jattendu l-attivitajiet tal-grupp fuq bażi ad hoc.

5.   Membri tal-grupp, kif ukoll esperti u osservaturi mistiedna, għandhom ikunu konformi mal-obbligi tas-sigriet professjonali stabbiliti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-President għandu jżomm lill-KEPD infurmat regolarment dwar il-ħidma tal-grupp.

Artikolu 6

Obbligi tal-KEPD

1.   Il-membri tal-Grupp Konsultattiv għandhom jinħatru mill-KEPD wara sejħa għal turija ta' interess u abbażi tal-parir ta' kumitat ta' qabel l-għażla.

2.   Il-KEPD għandu jipprovdi s-segretarjat tal-Grupp Konsultattiv. Uffiċjal tal-KEPD għandu jinħatar bħala s-Segretarju tal-grupp.

3.   Il-KEPD għandu jadotta t-Termini ta' Referenza u r-Regoli ta' Proċedura għall-Grupp Konsultattiv.

4.   Il-KEPD għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-attivitajiet li jitwettqu mill-Grupp Konsultattiv fit-taqsima ddedikata fuq is-sit web tiegħu.

Artikolu 7

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Membri tal-Grupp Konsultattiv ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jwettqu.

2.   Spejjeż ta' vvjaġġar u sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

3.   Taħt l-istess kundizzjonijiet, esperti u osservaturi mistiedna jistgħu jiġu rimburżati, sal-punt li s-Segretarju tal-Grupp Konsultattiv jikkonferma li hemm disponibbilità tal-baġit għall-parteċipazzjoni tagħhom.

Artikolu 8

Aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-ipproċessar ta' data personali

1.   Il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti maħruġa mill-Grupp Konsultattiv skont il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 fir-rigward ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

2.   Data personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata mill-KEPD skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jidħlu fis-seħħ fil-ġurnata ta' wara l-iffirmar tagħhom u għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Diċembru 2015.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 273, 15.10.2013, p. 41.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.