4.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 29/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/123
tas-26 ta' Ottubru 2015
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fit-13 ta' April 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Każakistan dwar Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (“il-Ftehim”). |
(2) |
In-negozjati dwar il-Ftehim irnexxew u l-Ftehim ġie inizjalat fl-20 ta' Jannar 2015. |
(3) |
L-Artikolu 281 tal-Ftehim jipprovdi għall-applikazzjoni provviżorja sħiħa jew parzjali tal-Ftehim qabel ma jidħol fis-seħħ. |
(4) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u jiġi applikat parzjalment fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
(5) |
L-iffirmar tal-Ftehim f'isem l-Unjoni u l-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet tal-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Każakistan huwa mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont it-Trattati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.
2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
1. Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, skont l-Artikolu 281 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet segwenti tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Każakistan, iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni:
(a) |
Titolu I; |
(b) |
Titolu II: l-Artikoli 4, 5, 9 u 10; |
(c) |
Titolu III (bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 56 u 58, l-Artikolu 62 sal-punt li jikkonċerna l-infurzar kriminali tad-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, u l-Artikolu 147). L-applikazzjoni provviżorja tal-Artikolu 141 m'għandhiex taffettwa d-drittijiet sovreni tal-Istati Membri fuq ir-riżorsi tagħhom tal-idrokarburi skont id-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar. |
(d) |
Titolu IV: il-Kapitoli 5, 6 u 7 (bl-eċċezzjoni tal-punt (c) tal-Artikolu 210 u l-punti (b), (f), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 212), u l-Kapitoli 12 u 15; |
(e) |
Titolu V: l-Artikolu 235 u l-Artikolu 238 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 2 u 3); |
(f) |
Titolu VI: Kapitoli 5 u 9; |
(g) |
Titolu VII; |
(h) |
Titolu VIII (safejn id-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu huma limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim); |
(i) |
Titolu IX (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 281(7), safejn dawk id-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu huma limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim f'konformità ma' dan l-Artikolu); |
(j) |
L-Annessi I sa VII kif ukoll il-Protokoll dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali. |
2. Id-data minn meta l-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI