|
21.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 14/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/63
tal-15 ta' Jannar 2016
rigward l-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni mfassla abbażi tal-Artikolu K.3(2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali”) ġiet iffirmata fis-26 ta' Mejju 1997 u daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Settembru 2005. |
|
(2) |
L-Artikolu 3(4) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja (“l-Att ta' Adeżjoni”) jipprovdi li l-Kroazja taderixxi għall-konvenzjonijiet u l-protokolli konklużi bejn l-Istati Membri, elenkati fl-Anness I għall-Att ta' Adeżjoni, li jinkludi, fost oħrajn, il-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward tal-Kroazja fid-data deċiża mill-Kunsill. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 3(5) tal-Att ta' Adeżjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi li jagħmel l-aġġustamenti kollha meħtieġa minħabba l-adeżjoni għal dawk il-konvenzjonijiet u l-protokolli, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali għandha tidħol fis-seħħ għall-Kroazja fl-ewwel jum tal-ewwel xahar minn wara d-data ta' pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
It-test tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali mfassla fil-lingwa Kroata (3) għandu jkun awtentiku skont l-istess kondizzjonijiet bħat-testi l-oħra tal-Konvenzjoni kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Jannar 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J.R.V.A. DIJSSELBLOEM
(1) Opinjoni tal-10 ta' Ġunju 2015 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)
(2) ĠU C 195, 25.6.1997, p. 2.
(3) Il-verżjoni bil-lingwa Kroata tal-Konvenzjoni ġiet ippubblikata f'edizzjoni speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali (Kapitolu 19, Volum 14, p. 120).