16.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 11/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/37

tas-16 ta' Jannar 2016

dwar id-data ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1863 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim dwar soluzzjoni komprensiva fit-tul għall-kwistjoni nukleari Iranjana. L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) ser tiżgura n-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan u tipprovdi għat-tneħħija totali tas-sanzjonijiet kollha relatati mal-kwistjonijiet nukleari.

(3)

Fl-20 ta' Lulju 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2231 (2015) li tapprova l-PAKK, filwaqt li ħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tagħha f'konformità mal-iskeda ta' żmien stabbilita fil-PAKK u li tipprovdi għal azzjonijiet li għandhom isiru f'konformità mal-PAKK.

(4)

L-UNSCR 2231 (2015) tipprovdi li, malli l-IAEA tkun ivverifikat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Iran relatati ma' kwistjonijiet nukleari kif stabbilit fil-PAKK, id-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1696 (2006), 1737 (2006), 1747 (2007), 1803 (2008), 1835 (2008), 1929 (2010) u 2224 (2015) għandhom jiġu terminati.

(5)

L-UNSCR 2231 (2015) tipprovdi wkoll li l-Istati għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-14 ta' Lulju 2015 miċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, mehmuża bħala l-Anness B għall-UNSCR 2231 (2015), li għandha l-għan li tippromwovi t-trasparenza u toħloq atmosfera li tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa tal-PAKK.

(6)

Fit-18 ta' Ottubru 2015, permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1863 (2), il-Kunsill iddeċieda li jittermina l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kollha tal-Unjoni relatati ma' kwistjonijiet nukleari, b'kont meħud tal-UNSCR 2231 (2015) u l-Anness B għall-UNSCR 2231 (2015), fl-istess ħin li l-IAEA tkun ivverifikat li l-Iran implimenta l-miżuri maqbula relatati ma' kwistjonijiet nukleari.

(7)

Permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1863, il-Kunsill iddeċieda wkoll li jintroduċi, malli l-IAEA tkun ivverifikat l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Iran relatati ma' kwistjonijiet nukleari, reġim ta' awtorizzazzjoni l li jirrieżamina u jiddeċiedi dwar trasferimenti relatati ma' kwistjonijiet nukleari lejn, jew dwar attivitajiet relatati ma' kwistjonijiet nukleari ma', l-Iran li mhumiex koperti mill-UNSCR 2231 (2015), b'konsistenza sħiħa mal-PAKK.

(8)

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1863, dik id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data li fiha l-Kunsill jinnota li d-Direttur Ġenerali tal-IAEA ppreżenta rapport lill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonferma li l-Iran ħa l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 15.1 sa 15.11 tal-Anness V tal-PAKK.

(9)

Il-Kunsill innota li fil-16 ta' Jannar 2016 id-Direttur Ġenerali tal-IAEA ppreżenta rapport lill-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonferma li l-Iran ħa l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 15.1 sa 15.11 tal-Anness V tal-PAKK,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1863 għandha tapplika mis-16 ta' Jannar 2016.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1863 tat-18 ta' Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 274, 18.10.2015, p. 174).