15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/36

tal-14 ta' Jannar 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK tippermetti, fost l-oħrajn, it-twettiq ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' obbligi bħal dawn meta l-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani jew ir-rikavat miksub mill-provvista tagħhom ikunu għar-rimbors ta' ammonti pendenti fir-rigward ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta' Jannar 2012 dovuti lil persuni jew entitajiet fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fejn dawk il-kuntratti jipprevedu speċifikament rimborsi bħal dawn.

(3)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK tipprevedi wkoll li l-miżuri tal-iffriżar tal-assi stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni ma japplikawx għal atti u transazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-entitajiet elenkati fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni sa fejn neċessarju għat-twettiq, sal-14 ta' Jannar 2016, tal-obbligi rilevanti.

(4)

Il-Kunsill iqis li dik l-eżenzjoni għandha tiġi estiża sat-28 ta' Jannar 2016.

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti minn din id-Deċiżjoni.

(6)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 20(14) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“14.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal atti u transazzjonijiet imwettqa fir-rigward ta' entitajiet elenkati fl-Anness II safejn neċessarju għall-eżekuzzjoni, sat-28 ta' Jannar 2016, tal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 3c(2) sakemm dawk l-atti u t-transazzjonijiet ma jkunux ġew awtorizzati minn qabel, każ b'każ, mill-Istat Membru rilevanti. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta' Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.).