28.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 169/14 |
DEĊIŻJONI (UE) 2016/1041 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-22 ta' Ġunju 2016
dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2016/18)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (1) (Linja Gwida dwar Dokumentazzjoni Ġenerali), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4), Titoli I, II, IV, V, VI u VIII tal-Parti Erbgħa, u Parti Sitta tagħha,
Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 8 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. |
(2) |
Il-kriterji standard u r-rekwiżiti minimi għal limiti tal-kwalità tal-kreditu li jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta' assi negozjabbli bħala kollateral għall-finijiet ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari fl-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa, Titolu II tagħha. |
(3) |
Skont l-Artikolu 1(4) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, ir-rekwiżiti, il-kriterji u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont l-Artikolu 59(6) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħarġa, emittent, debitur jew garanti jissodisfax ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li l-Eurosistema tista' tikkunsidra bħala rilevanti biex tiżgura protezzjoni adegwata ta' riskju tal-Eurosistema. |
(4) |
L-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 jipprovdi li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix illi l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku. |
(5) |
Fi Frar 2015, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li ma kienx possibbli li wieħed jassumi li hemm konklużjoni b'suċċess tar-rieżami tal-programm ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika li kien għaddej dak iż-żmien. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/6) (4) ipprovdiet li r-Repubblika Ellenika m'għandhiex iktar tkun ikkunsidrata li hija f'konformità mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 u li l-limiti tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Fid-19 ta' Awwissu 2015, wara li skada l-programm Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) għall-appoġġ finanzjarju tal-Greċja, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (ESM) approva programm ta' assistenza finanzjarja ta' tliet snin għall-Greċja. |
(6) |
L-ewwel porzjon taħt il-programm ESM ġdid tħallas ladarba l-miżuri meħtieġa kollha ttieħdu u l-istadji ewelnin tħarsu li appoġġaw l-istabbilizzazzjoni gradwali tal-ekonomija Griega u ppermettew ir-rikapitalizazzjoni tas-sistema bankarja Griega sal-aħħar tal-2015. Mat-tlestija tal-azzjonijiet ta' qabel miftiehma taħt il-programm għall-ewwel rieżami, il-Bord tad-Diretturi tal-ESM approva fis-17 ta' Ġunju 2016 il-ħlas tal-ewwel parti tat-tieni porzjon tal-programm. L-ewwel rieżami tal-programm ESM b'hekk ġie konkluż b'suċċess. |
(7) |
Il-Kunsill Governattiv ivvaluta l-effetti tal-programm ESM ġdid għall-Greċja, l-implimentazzjoni kkontinwata tiegħu u l-impenn muri mill-awtoritajiet Griegi sabiex dan il-programm jiġi implimentat bi sħiħ. |
(8) |
Fuq il-bażi tal-valutazzjoni msemmija iktar 'il fuq, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi r-Repubblika Ellenika hija konformi mal-kundizzjonalità tal-programm u ddeċieda li jerġa' jagħmel eliġibbli l-istrumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iġgarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) għandha titħassar. |
(9) |
Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq u tar-riskju tal-kreditu għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bi sħiħ mir-Repubblika Ellenika, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jirrivedi l-iskeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal dawk l-istrumenti bis-saħħa tal-Artikolu 8(3) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31. |
(10) |
Fuq il-passi tal-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-passat, xiri potenzjali ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti mir-Repubblika Ellenika fil-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku tas-swieq sekondarji (PSPP) se jiġi eżaminat fi stadju ulterjuri, wara li jitqies il-progress fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku tal-Greċja u kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju oħra, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika
1. Ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkunsidrata li tikkonforma mal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.
2. Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u b'mod partikolari l-Artikolu 59 u fil-Parti Erbgħa tagħha, m'għandhomx japplikaw għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.
Artikolu 2
Skeda ta' tnaqqis impost applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti għal kollox mir-Repubblika Ellenika
Strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika huma suġġetti għat-telf impost speċifiku stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Xiri PSPP
Xiri ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika bis-saħħa tad-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandu jsir — skont l-Artikolu 5(3) ta' dik id-Deċiżjoni u fil-limiti li għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv skont dik — wara valutazzjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv tal-progress li sar fl-analiżi u t-tisħiħ tas-sostenibbiltà tad-debitu pubbliku Grieg u kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-ġestjoni tar-riskju.
Artikolu 4
Revoka
Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 (BĊE/2015/6) hija b'dan imħassra:
Artikolu 5
Dispożizzjonijiet finali
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta' Ġunju 2016.
2. F'każ ta' xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) jew il-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60) u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Ġunju 2016.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(2) ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.
(3) ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20.
(4) Id-Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2015 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6) (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 29).
ANNESS
SKEDA TA' TNAQQIS IMPOST APPLIKABBLI GĦAL STRUMENTI TA' DEJN NEGOZJABBLI MAĦRUĠA JEW IGGARANTITI GĦAL KOLLOX MIR-REPUBBLIKA ELLENIKA
Bonds tal-Gvern |
Maturità reżidwa (snin) |
Telf impost għal kupuni fissi u floaters |
Telf impost għal kupun żero |
0-1 |
15,0 |
15,0 |
|
1-3 |
33,0 |
35,5 |
|
3-5 |
45,0 |
48,5 |
|
5-7 |
54,0 |
58,5 |
|
7-10 |
56,0 |
62,0 |
|
> 10 |
57,0 |
71,0 |
|
Bonds tal-bank iggarantiti mill-Gvern u bonds ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji iggarantiti mill-gvern |
Medda ta' maturità |
Telf impost għal kupuni fissi u floaters |
Telf impost għal kupun żero |
0-1 |
23,0 |
23,0 |
|
1-3 |
42,5 |
45,0 |
|
3-5 |
55,5 |
59,0 |
|
5-7 |
64,5 |
69,5 |
|
7-10 |
67,0 |
72,5 |
|
> 10 |
67,5 |
81,0 |