|
2.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 242/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-22 ta’ Ġunju 2016
dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy, li jinsab fil-Bulgarija
(it-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)
(2016/C 242/01)
Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjonijiet addizjonali li għandhom jitwettqu skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fid-19 ta’ Novembru 2015, f’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet, mingħand il-Gvern Bulgaru, Dejta Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy.
Abbażi ta’ din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2016 u fit-22 ta’ Frar 2016 u pprovdut mill-awtoritajiet Bulgari fit-12 ta’ Frar 2016 u fl-4 ta’ April 2016, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:
|
1. |
Id-distanza bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Rumanija, hija ta’ 4 km. |
|
2. |
Waqt operazzjonijiet ta’ dekummissjonar normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi x’aktarx li ma jirriżultax f’esponiment li jkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-limiti tad-dożi stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom). |
|
3. |
L-iskart radjuattiv solidu se jinħażen b’mod temporanju fis-sit sakemm ikun disponibbli repożitorju nazzjonali. F’konformità mal-livelli ta’ approvazzjoni, l-iskart solidu u l-fdalijiet materjali mhux radjuattivi, jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ; dan se jsir f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom). |
|
4. |
F’każ ta’ ħruġ mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, li jista’ jirriżulta minn xi inċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom). |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta mid-dekummissjonar tal-Unitajiet 3 u 4 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Kozloduy li jinsab fil-Bulgarija, kemm waqt l-operazzjonijiet ta’ dekummisjonar normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrat fid-Dejta Ġenerali, mhux mistennija li jwassal għal kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, il-ħamrija jew l-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom).
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Miguel ARIAS CAÑETE
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.