11.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/34


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2303

tat-28 ta' Lulju 2015

li jissupplimenta d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-definizzjonijiet u jikkoordinaw is-superviżjoni supplimentari ta' konċentrazzjoni tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu dwar impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21a(1a) tagħha,

Billi:

(1)

L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu stabbiliti biex jistabbilixxu formulazzjoni aktar preċiża tad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE u biex jiżguraw koordinazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar is-superviżjoni supplimentari adottati skont l-Artikoli 7 u 8 u l-Anness II ta' dik id-Direttiva.

(2)

Huwa importanti li jiġu pprovduti aktar dettalji rigward l-elementi li għandhom jiġu ikkunsidrati għall-finijiet ta' rapportar ta' tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti u konċentrazzjonijiet ta' riskji sinifikanti.

(3)

L-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2002/87/KE jeħtieġu li l-Istati Membri jitolbu ċerti obbligi ta' rappurtar dwar entitajiet regolati jew kumpanijiazzjonarji finanzjarji mħallta. Dan ir-rappurtar għandu jsir b'mod koordinat biex jgħin lill-koordinaturi u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra jidentifikaw kwistjonijiet rilevanti, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat skambju aktar effiċjenti ta' informazzjoni. Sabiex ikun hemm aktar konsistenza fir-rapporti dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp, entitajiet regolati u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta għandhom jirrapportaw mill-inqas ċerta informazzjoni minima standardizzata lill-koordinaturi.

(4)

L-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2002/87/KE jagħtu s-setgħa wkoll lil koordinaturi għall-monitoraġġ ta' konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti u biex jidentifikaw it-tipi ta' riskji u t-tranżazzjonijiet, li l-entitajiet regolati f'konglomerat finanzjarju huma meħtieġa li jirrapportaw. Il-koordinaturi għandhom ukoll is-setgħa li jiddefinixxu limiti. Sabiex jiġu kkoordinati dawn id-dispożizzjonijiet, għandha tiġi stabbilita metodoloġija biex tgħin lill-koordinaturi u awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

(5)

Miżuri fis-seħħ għas-superviżjoni supplimentari ta' konċentrazzjoni tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp ivarjaw madwar l-Unjoni. Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-oqfsa legali nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti, għadd minimu ta' miżuri superviżorji fir-rigward tas-superviżjoni supplimentari ta' konċentrazzjoni tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp għandhom jiġu stabbiliti. Il-kunsiderazzjoni ta' dawn il-miżuri minimi, l-awtoritajiet kompetenti se jiżguraw kundizzjonijiet indaqs u jiffaċilitaw prattiki superviżorji koordinati madwar l-Unjoni.

(6)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward ta' entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jibnu fuq ir-rekwiżiti settorjali eżistenti dwar konċentrazzjoni ta' riskju u tranżazzjonijiet intragrupp u ma għandhomx jitqiesu bħala duplikazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati sottomessi mill-ASE (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) lill-Kummissjoni.

(8)

L-ASE wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Kkonċernati rispettivi tagħhom skont l-Artikolu 37 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 (2), (UE) Nru 1094/2010 (3) u (UE) Nru 1095/2010 (4) rispettivament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabilixxi regoli li jikkonċernaw:

(a)

l-istabbiliment ta' formulazzjoni aktar preċiża tad-definizzjonijiet ta' “transazzjonijiet bejn il-grupp” u “konċentrazzjoni tar-riskju” stipulati fil-punti (18) u (19) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/87/KE billi jistabbilixxi kriterji għall-valutazzjoni meta dawn ikunu ta' natura sinifikanti.

(b)

il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikoli 7 u 8 u l-Anness II tad-Direttiva 2002/87/KE fir-rigward ta':

(i)

it-tagħrif li għandu jiġi pprovdut minn entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta lill-koordinatur u awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra għall-iskop ta' sorveljanza superviżorja ta' konċentrazzjoni tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp;

(ii)

il-metodoloġija li għandha tiġi applikata minn koordinatur u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti sabiex jiġu identifikati t-tipi ta' konċentrazzjoni sinifikanti ta' riskju u tranżazzjonijiet intragrupp;

(iii)

il-miżuri superviżorji li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fl-Artikoli 7(3) u 8(3) tad-Direttiva 2002/87/KE.

Artikolu 2

Tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti

1.   Tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti jistgħu jinkludu t-tranżazzjonijiet li ġejjin fi ħdan konglomerat finanzjarju:

(a)

investimenti u bilanċi interkorporattivi inkluża proprjetà immobbli, bonds, ekwità, self, strumenti ibridi u subordinati, dejn kollateralizzat, arranġamenti sabiex tiġi ċċentralizzata l-ġestjoni tal-assi jew il-flus jew biex jinqasmu l-kostijiet, l-arranġamenti tal-pensjoni, il-provvediment ta' ġestjoni, operazzjonijiet tal-back office jew servizzi oħra, dividendi, ħlasijiet ta' imgħax u ammonti riċevibbli oħrajn;

(b)

garanziji, impenji, ittri ta' kreditu u tranżazzjonijiet oħrajn li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ;

(c)

tranżazzjonijiet derivattivi;

(d)

xiri, bejgħ jew lokazzjoni ta' assi u obbligazzjonijiet;

(e)

tariffi intragrupp relatati ma' kuntratti ta' distribuzzjoni;

(f)

tranżazzjonijiet li jittrasferixxu l-esponiment għar-riskju bejn entitajiet fi ħdan il-konglomerat finanzjarju, inklużi tranżazzjonijiet b'vetturi bi skop speċjali jew entitajiet anċillari;

(g)

assigurazzjoni, riassigurazzjoni u operazzjonijiet ta' retroċessjoni;

(h)

tranżazzjonijiet li jikkonsistu f'diversi tranżazzjonijiet konnessi fejn assi jew obbligazzjonijiet jiġu trasferiti għal entitajiet barra mill-konglomerat finanzjarju, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-esponiment għar-riskju jinġieb lura fi ħdan il-konglomerat finanzjarju.

2.   Fir-rigward ta' entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, meta jiġu identifikati tipi ta' tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, li jiddefinixxu limiti xierqa, perjodi ta' rapportar u jissorveljaw tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti għandhom, b'mod partikolari, jieħdu kont ta':

(a)

l-istruttura speċifika tal-konglomerat finanzjarju, il-kumplessità ta' tranżazzjonijiet intragrupp, il-lokalità ġeografika speċifika tal-kontroparti u jekk il-kontroparti hijiex entità regolata jew le;

(b)

il-possibbiltà ta' effetti ta' kontaġju fi ħdan il-konglomerat finanzjarju;

(c)

il-possibbiltà ta' evażjoni ta' regoli settorjali

(d)

il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess

(e)

il-pożizzjoni ta' solvenza u likwidità tal-kontroparti;

(f)

tranżazzjonijiet bejn entitajiet li jappartjenu għal setturi differenti ta' konglomerat finanzjarju, jekk dan ma jkunx ġie rrappurtat diġà f'livell settorjali;

(g)

tranżazzjonijiet fi ħdan settur finanzjarju, li ma jkunux ġew irrappurtati diġà f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regoli settorjali.

3.   Il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti jaqblu dwar il-forma u l-kontenut ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, inklużi l-lingwa, dati ta' rimessi u l-mezzi ta' komunikazzjoni.

4.   Il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti tal-inqas jeħtieġu li entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jirrapportaw dwar dan li ġej:

(a)

id-dati u l-ammonti ta' tranżazzjonijiet sinifikanti, l-ismijiet u n-numri tar-reġistru tal-kumpaniji jew numri ta' identifikazzjoni oħra ta' entitajiet fi grupp u l-kontropartijiet rilevanti, inkluż identifikatur tal-entità ġuridika (LEI), fejn applikabbli;

(b)

deskrizzjoni qasira tat-tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti skont it-tipi ta' tranżazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1;

(c)

il-volum totali ta' kwalunkwe tranżazzjoni sinifikanti intragrupp ta' konglomerat finanzjarju speċifiku fi ħdan ċertu perjodu ta' rapportar;

(d)

informazzjoni dwar kif huma ġestiti l-kunflitti ta' interessi u r-riskji ta' kontaġju fil-livell tal-konglomerat finanzjarju fir-rigward ta' tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-konglomerat finanzjarju li jikkombina attivitajiet bankarji, ta' setturi ta' servizzi ta' assigurazzjoni u investiment, jew ta' awtovalutazzjoni tar-riskji proprji settorjali inkluża kunsiderazzjoni dwar il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi u riskji ta' kontaġju fir-rigward ta' tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti.

5.   Tranżazzjonijiet li jitwettqu bħala parti minn operazzjoni ekonomika waħda jiġu aggregati għall-iskop li jiġu kkalkulati l-limiti skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.

Artikolu 3

Konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti

1.   Konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti fil-każ ta' entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jitqiesu li jirriżultaw minn esponimenti għar-riskju lejn kontropartijiet li mhumiex parti mill-konglomerat finanzjarju, fejn dawn l-esponimenti għar-riskju:

(a)

huma diretti jew indiretti:

(b)

huma entrati fuq jew barra l-karta bilanċjali;

(c)

jikkonċernaw entitajiet regolati u mhux regolati, l-istess setturi finanzjarji jew differenti f'konglomerat finanzjarju;

(d)

jikkonsistu fi kwalunkwe kombinazzjoni jew interazzjoni tal-esponimenti stabbiliti fil-punti (a), (b) jew (c).

2.   Ir-riskju tal-kontroparti jew ir-riskju tal-kreditu jitqiesu li jinkludu, b'mod partikolari, ir-riskji relatati ma' kontrapartijiet interkonnessi fi gruppi, li ma jifformawx parti minn konglomerat finanzjarju, inkluż l-akkumulazzjoni tal-iskoperturi fil-konfront ta' dawn il-kontropartijiet.

3.   Fir-rigward ta' entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, meta jiġu identifikati tipi ta' tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, li jiddefinixxu limiti xierqa, perjodi ta' rapportar u jissorveljaw tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti, b'mod partikolari, jieħdu kont ta':

(a)

il-pożizzjoni ta' solvenza u likwidità fil-livell tal-konglomerat finanzjarju u ta' entitajiet individwali fi ħdan il-konglomerat finanzjarju;

(b)

id-daqs, il-kumplessità u l-istruttura speċifika ta' konglomerat finanzjarju inkluż l-eżistenza ta' vetturi bi skop speċjali, entitajiet anċillari, entitajiet ta' pajjiżi terzi;

(c)

l-istruttura tal-ġestjoni ta' riskju speċifiku tal-konglomerat finanzjarju u l-karatteristiċi tas-sistema ta' governanza;

(d)

id-diversifikazzjoni tal-esponimenti tal-konglomerat finanzjarju u tal-portafoll ta' investiment tiegħu;

(e)

id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji tal-konglomerat finanzjarju fir-rigward ta' oqsma ġeografiċi u linji ta' negozju;

(f)

ir-relazzjoni, il-korrelazzjoni u l-interazzjoni bejn il-fatturi ta' riskju bejn l-entitajiet fil-konglomerat finanzjarju;

(g)

il-possibbiltà ta' effetti ta' kontaġju fi ħdan il-konglomerat finanzjarju;

(h)

il-possibbiltà ta' evażjoni ta' regoli settorjali

(i)

il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess

(j)

il-livell jew il-volum ta' riskji;

(k)

il-possibbiltà ta' akkumulazzjoni u l-interazzjoni ta' esponimenti mġarrba minn entitajiet li jkunu jappartjenu għal setturi finanzjarji differenti ta' konglomerat finanzjarju, jekk dan ma jkunx ġie rrappurtat diġà f'livell settorjali;

(l)

esponimenti fi ħdan is-settur finanzjarju fil-konglomerat finanzjarju, li ma jiġux irrapportati skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli settorali.

4.   Il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti jaqblu dwar il-forma u l-kontenut tar-rapport dwar konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti, inklużi l-lingwa, dati ta' rimessi u l-mezzi ta' komunikazzjoni.

5.   Il-koordinatur u l-awtoritajiet l-oħra rilevanti kompetenti tal-inqas jeħtieġu li entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jirrapportaw dwar dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti skont it-tipi ta' riskji stabbiliti fil-paragrafu 1;

(b)

it-tqassim ta' konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti minn kontropartijiet u gruppi ta' kontropartijiet interkonnessi, żoni ġeografiċi, setturi ekonomiċi, muniti, identifikazzjoni tal-ismijiet, in-numri ta' reġistrazzjoni jew numri ta' identifikazzjoni oħra tal-grupp rilevanti kumpaniji tal-konglomerat finanzjarju u l-kontropartijiet rispettivi tagħhom, inkluż LEI, fejn applikabbli;

(c)

l-ammont totali ta' kull konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti fit-tmiem ta' perjodu ta' rappurtar speċifiku valutati skont ir-regoli settorjali applikabbli;

(d)

jekk applikabbli, l-ammont ta' konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti filwaqt li jqis tekniki ta' mitigazzjoni tar-riskju u fatturi ta' ponderazzjoni tar-riskju;

(e)

informazzjoni dwar kif huma ġestiti l-kunflitti ta' interessi u riskji ta' kontaġju fil-livell tal-konglomerat finanzjarju fir-rigward ta' konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti huma ġestiti, filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-konglomerat finanzjarju li jikkombina attivitajiet bankarji, ta' setturi ta' servizzi ta' assigurazzjoni u investiment, jew ta' awtovalutazzjoni tar-riskji proprji settorjali inkluża kunsiderazzjoni dwar il-ġestjoni ta' kunflitti ta' interessi u riskji ta' kontaġju fir-rigward ta' konċentrazzjoni ta' riskju sinifikanti.

Artikolu 4

Miżuri superviżorji

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe setgħa superviżorja oħra mogħtija lilhom, l-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari:

1.

jirrikjedu, fejn xieraq, li entitajiet regolati jew kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta:

(a)

iwettqu tranżazzjonijiet intragrupp tal-konglomerat finanzjarju b'mod distakkat jew jinnotifikaw tranżazzjonijiet intragrupp li ma jitwettqux b'mod distakkat;

(b)

japprovaw tranżazzjonijiet intragrupp tal-konglomerat finanzjarju permezz proċeduri interni speċifikati l-involviment tal-korp maniġerjali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(c)

jirrappurtaw aktar spiss milli jkun meħtieġ skont l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(2) tad- Direttiva 2002/87/KE dwar konċentrazzjoni sinifikanti ta' riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti;

(d)

jistabbilixxu rappurtar ulterjuri dwar konċentrazzjoni sinifikanti ta' riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti tal-konglomerat finanzjarju;

(e)

isaħħu l-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju u l-mekkaniżmi ta' kontroll intern fil-konglomerat finanzjarju;

(f)

jippreżentaw jew itejbu pjanijiet biex jirrestawraw il-konformità mar-rekwiżiti superviżorji u biex jistabbilixxu skadenza għall-implimentazzjoni tagħha.

2.

jiddefinixxu limiti xierqa sabiex jidentifikaw u jissorveljaw konċentrazzjoni sinjifikanti ta' riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti;

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti ta' investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(6)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).