|
10.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 324/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2295
tad-9 ta' Diċembru 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward ta' listi ta' stabbilimenti tal-ikel approvati
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2)(f) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi regoli ġenerali dwar it-twettiq ta' kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw l-ikel u l-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali. Huwa jistipula li l-Istati Membri għandhom iżommu listi aġġornati ta' stabbilimenti approvati, u li dawn għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku. |
|
(2) |
B'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 (2), il-Kummissjoni trid tipprovdi sit web, fejn kull Stat Membru għandu jipprovdi link li jwassal għas-sit web nazzjonali tiegħu li jkun fih il-listi aġġornati ta' stabbilimenti approvati, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-pubbliku. Irriżulta li l-analiżi ta' dawk il-listi għal skopijiet bħalma huma l-valutazzjoni tal-impatt u l-ħolqien ta' links ma' għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni oħra tal-Kummissjoni jieħdu ħafna ħin, u huma kumplessi. |
|
(3) |
Sabiex tkun eħfef l-analiżi tal-elenkar tal-istabbilimenti tal-Istati Membri, u sabiex l-istabbiliment approvati tal-Unjoni jiġu inklużi mingħajr dewmien bla bżonn f'dawk il-listi, jidher li huwa xieraq li jiġi permess l-użu ta' TRACES. |
|
(4) |
Ir-rekwiżiti previsti f'dan ir-Regolament jinvolvu adattament ta' prattiki attwali kemm għall-operaturi tan-negozji tal-ikel kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant huwa xieraq li jkun permess dewmien fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
|
(5) |
Ir-Regolament (KE) Nru 2074/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 2074/2005 jinbidel bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2016.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni għal ċerti prodotti taħt ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jidderoga mir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 27).
ANNESS
“ANNESS V
Listi ta' stabbilimenti approvati
KAPITOLU I
AĊĊESS GĦAL LISTI TA' STABBILIMENTI TAL-IKEL APPROVATI
Biex tgħin lill-Istati Membri jagħmlu l-listi aġġornati ta' stabbilimenti tal-ikel approvati disponibbli għall-Istati Membri oħra u għall-pubbliku, il-Kummissjoni għandha tipprovdi websajt fejn kull Stat Membru għandu jipprovdi link li jwassal għall-websajt nazzjonali tiegħu jew jinforma f'każ li dawn il-listi jiġu ppubblikati permezz tas-sistema TRACES.
KAPITOLU II
FORMAT GĦAL WEBSAJTS NAZZJONALI
A. Indiċi
|
1. |
Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'indirizz ta' link li jwassal għall-websajt nazzjonali li fiha l-indiċi tal-listi tal-istabbilimenti tal-ikel approvati għall-prodotti ta' oriġini mill-annimali kif definit fil-punt 8.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004. |
|
2. |
L-indiċi msemmi fil-punt 1 għandu jikkonsisti minn paġna waħda u għandu jkun f'lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-Unjoni. |
B. Disinn operattiv
|
1. |
Il-websajt li fiha l-indiċi għandha tkun żviluppat mill-awtorità kompetenti jew, fejn ikun xieraq, minn waħda mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
|
2. |
L-indiċi għandu jinkludi links għal:
|
C. Elenkar permezz tas-sistema TRACES
B'deroga mill-Partijiet A u B, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-listi permezz tas-sistema TRACES.
KAPITOLU III
PREŻENTAZZJONI U KODIĊIJIET GĦALL-LISTI TAL-ISTABBILIMENTI APPROVATI
Għandhom jiġu stabbiliti preżentazzjonijiet, li jinkludu tagħrif u kodiċijiet rilevanti, biex tkun żgurata disponibbiltà wiesgħa tat-tagħrif li jikkonċerna l-istabbilimenti tal-ikel approvati, u biex il-listi jkunu jistgħu jinqraw aħjar.
KAPITOLU IV
SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI
Il-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fil-Kapitoli II u III jitwettqu skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ppubblikati mill-Kummissjoni.”