1.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2205

tas-6 ta' Awwissu 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) ġiet notifikata bil-klassijiet ta' derivattivi b'rati tal-imgħax barra l-Borża (OTC) li ċerti kontropartijiet ċentrali (CCPs) ingħataw awtorizzazzjoni li jikklerjaw. Għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, l-ESMA evalwat il-kriterji li huma essenzjali biex tissuġġettahom għall-obbligu tal-ikklerjar, inkluż il-livell ta' standardizzazzjoni, il-volum u l-likwidità, u d-disponibilità tal-informazzjoni dwar il-prezz. Bl-objettiv fuq kollox tat-tnaqqis ta' riskju sistemiku, l-ESMA stabbiliet il-klassijiet ta' derivattivi b'rata tal-imgħax OTC li għandhom jiġu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(2)

Il-kuntratti dwar derivattivi b'rata tal-imgħax OTC jista' jkollhom ammont nozzjonali kostanti, ammont nozzjonali varjabbli jew inkella ammont nozzjonali kondizzjonali. Kuntratti b'ammont nozzjonali kostanti jkollhom ammont nozzjonali li ma jvarjax matul iż-żmien li fih jibqa' validu l-kuntratt. Kuntratti b'ammont nozzjonali varjabbli jkollhom ammont nozzjonali li jvarja b'mod prevedibbli matul iż-żmien li fih jibqa' validu l-kuntratt. Kuntratti b'ammont nozzjonali kundizzjonali jkollhom ammont nozzjonali li jvarja b'mod mhux previdibbli matul iż-żmien li fih jibqa' validu l-kuntratt. Ammonti nozzjonali kondizzjonali jżidu mal-kumplessità tal-ipprezzar u l-ġestjoni tar-riskju, assoċjati ma' kuntratti dwar derivattivi b'rata tal-imgħax OTC u għalhekk mal-abilità tas-CCPs li jikklerjawhom. Dan il-fattur għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni meta jiġu definiti l-klassijiet ta' derivattivi b'rati tal-imgħax OTC li għandhom jkunu suġġett għall-obbligu ta' kklerjar.

(3)

Meta jkun qed jiġi ddeterminat liema klassijiet ta' kuntratti ta' derivattivi OTC għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li jiġu konklużi ma' min joħroġ bonds koperti jew ma' “cover pools” ta' bonds koperti. F'dan ir-rigward, il-klassijiet ta' derivattivi b'rati tal-imgħax OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar taħt dan ir-Regolament ma għandhomx jinkludu kuntratti konklużi ma' min joħroġ bonds koperti jew ma' “cover pools” ta' bonds koperti, sakemm huma jkunu jissodisfaw ċerti kundizzjonjiet.

(4)

Kontropartijiet differenti għandhom bżonn perjodu differenti ta' żmien biex jistabbilixxu l-arranġamenti neċessarji biex jikklerjaw id-derivattivi b'rati tal-imgħax OTC li jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni ordnata u f'ħinha ta' dak l-obbligu, il-kontropartijiet għandhom jiġu kklasifikati f'kategoriji li fihom kontropartijiet li jkollhom karatteristiċi suffiċjentement simili jkunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar mill-istess data.

(5)

L-ewwel kategorija għandha tinkludi kemm kontropartijiet finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji li, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, ikunu membri tal-ikklerjar ta' mill-anqas waħda mis-CCPs relevanti u li għall-anqas waħda mill-klassijiet ta' derivattivi b'rati tal-imgħax OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar, peress li dawk il-kontropartijiet diġà jkollhom esperjenza bl-ikklerjar volontarju u jkunu diġà stabbilew il-konnessjonijiet ma' dawk is-CCPs biex jikklerjaw mill-anqas waħda minn dawk il-klassijiet. kontropartijiet mhux finanzjarji li jkunu membri tal-ikklerjar għandhom ukoll jiġu inklużi f'din l-ewwel kategorija peress li l-esperjenza u l-preparazzjoni tagħhom lejn l-ikklerjar ċentrali hija kumparabbli ma' dik ta' kontropartijiet finanzjarji inklużi fiha.

(6)

It-tieni u t-tielet kategorija għandhom jinkludu kontropartijiet finanzjarji mhux inklużi fl-ewwel kategorija, miġbura skont il-livelli tagħhom ta' kapaċità ġuridika u operattiva rigward id-derivattivi OTC. Il-livell ta' attività f'derivattivi OTC għandu jservi ta' bażi għad-differenzjazzjoni tal-grad ta' kapaċità ġuridika u operattiva tal-kontropartijiet finanzjarji, u għatba kwantitattiva għandha tiġi għalhekk stabbilita għal diviżjoni bejn it-tieni u t-tielet kategorija abbażi tal-ammont nozzjonali medju aggregat fi tmiem ix-xahar ta' derivattivi kklerjati mhux ċentrali. Dik l-għatba għandha tiġi stabbilita f'livell xieraq biex jiġu differenzjati parteċipanti iżgħar fis-suq, filwaqt li xorta tkun taqbad livell sinifikanti ta' riskju taħt it-tieni kategorija. L-għatba għandha wkoll tkun allinjata mal-għatba maqbula f'livell internazzjonali marbuta mar-rekwiżiti ta' marġini għal derivattivi mhux ikklerjati ċentralment sabiex tittejjeb il-konverġenza regolatorja u jiġu limitati l-kosti ta' konformità għall-kontropartijiet. Bħal fil-każ ta' dawk l-istandards internazzjonali, filwaqt li l-għatba tapplika b'mod ġenerali fil-livell ta' grupp meta wieħed iqis ir-riskji potenzjali kondiviżi fi ħdan il-grupp, fil-każ ta' fondi ta' investiment l-għatba għandha tiġi applikata b'mod separat għal kull fond peress li r-responsabbilitajiet ta' fond mhumiex normalment affettwati mir-responsabbilitajiet ta' fondi oħra jew l-amministratur tal-investiment tagħhom. Għalhekk l-għatba għandha tiġi applikata b'mod separat għal kull fond sakemm, fil-każ ta' insolvenza jew falliment tal-fond, kull fond ta' investiment ikun jikkostitwixxi ġabra ta' assi kompletament separata u protetta li ma tkun kollateralizzata, garantita jew appoġġjata minn fondi oħra ta' investiment jew mill-amministratur tal-investiment innifsu.

(7)

Ċerti fondi ta' investiment alternattivi (“AIFs”) ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' kontropartijiet finanzjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalkemm għandhom grad ta' kapaċità operattiva fir-rigward ta' kuntratti ta' derivattivi OTC simili għal dak ta' AIFs li jaqgħu taħt dik id-definizzjoni. Għalhekk l-AIFs li jiġu kklassifikati bħala kontropartijiet mhux finanzjarji għandhom jiġu inklużi fl-istess kategoriji ta' kontropartijiet bħal AIFs ikklassifikati bħala kontropartijiet finanzjarji.

(8)

Ir-raba' kategorija għandha tinkludi kontropartijiet mhux finanzjarji mhux inklużi fil-kategoriji l-oħra, meta jitqiesu l-esperjenza u l-kapaċità aktar limitata tagħhom b'derivattivi OTC u b'ikklerjar ċentrali mill-kategoriji l-oħra ta' kontropartijiet.

(9)

Id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ fil-każ ta' kontropartijiet fl-ewwel kategorija għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li huma jista' ma jkollhomx il-konnessjonijiet neċessarji preeżistenti mas-CCPs għall-klassijiet kollha suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar. Barra minn dan, il-kontropartijiet f'din il-kategorija jikkostitwixxu l-punt ta' aċċess għall-ikklerjar għal kontropartijiet li ma humiex membri tal-ikklerjar, bl-istennija li l-ikljerjar tal-klijenti u ikklerjar indirett tal-klijenti jiżdied b'mod sostanzjali bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tal-obbligu tal-ikklerjar. Fl-aħħarnett, din l-ewwel kategorija ta' kontropartijiet tifforma parti sinifikanti mill-volum ta' derivattivi b'rata ta' imgħax OTC li diġà huma kklerjati, u l-volum tat-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu kklerjati se jiżdied b'mod sinifikanti wara d-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar stabbilit b'dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit perjodu ta' żmien raġjonevoli ta' sitt xhur għall-kontropartijiet fl-ewwel kategorija biex iħejju għall-ikklerjar ta' klassijiet addizzjonali, sabiex jittrattaw iż-żieda fl-ikklerjar tal-klijenti u l-ikklerjar indirett tal-klijenti u jadattaw għal volumi li jiżdiedu ta' tranżazzjonijiet li għandhom jiġu kklerjati.

(10)

Id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ fil-każ ta' kontropartijiet fit-tieni u t-tielet kategoriji għandh tieħu f'kunsiderazzjoni l-fatt li l-biċċa l-kbira minnhom jakkwistaw aċċess għal CCP billi jsiru klijent jew klijent indirett ta' membri tal-ikklerjar. Jista' jkun hemm bżonn ta' bejn 12 u 18-il xahar għal dan il-proċess, skont il-kapaċità ġuridika u operattiva tal-kontropartijiet u l-livell tagħhom ta' tħejjija rigward l-istabbiliment tal-arranġamenti ma membri tal-ikklerjar li jkunu neċessarji għall-ikklerjar tal-kuntratti.

(11)

Id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ fil-każ tal-kontropartijiet fir-raba' kategorija għandha tieħu f'kunsiderazzjoni l-kapaċità ġuridika u operattiva tagħhom, u l-esperjenza aktar limitata tagħhom b'derivattivi OTC u l-ikklerjar ċentrali minn kategoriji oħra ta' kontropartijiet.

(12)

Fil-każ ta' kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi bejn kontroparti stabbilita f'pajjiż terz u kontroparti oħra stabbilita fl-Unjoni li tkun tappartjeni għall-istess grupp u li jkunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa u li jkunu suġġetti għal evalwazzjoni ta' riskju xierqa u ċentralizzata, proċeduri ta' kejl u ta' kontroll, għandha tingħata data differita ta' applikazzjoni tal-obbligu tal-ikkljerjar. L-applikazzjoni differita għandha tiżgura li dawk il-kuntratti li ma jkunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar għal perjodu limitat ta' żmien fin-nuqqas ta' atti implimentattivi skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jkopri l-kuntratti ta' derivattivi OTC stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament u għar-rigward tal-ġurisdizzjoni fejn tkun stabbilita l-kontroparti mhux tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jivverifikaw minn qabel li l-kontropartijiet li jikkonkludu dawk il-kuntratti jkunu jappartjenu għall-istess grupp u jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra ta' tranżazzjonijiet intragrupp skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Għall-kuntrarju ta' derivattivi OTC li l-kontropartijiet tagħhom ikunu kontropartijiet mhux finanzjarji, meta l-kontropartijiet għal kuntratti ta' derivattivi OTC ikunu kontropartijiet finanzjarji, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jirrekjedi l-applikazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratti konklużi wara n-notifika lill-ESMA li ssegwi l-awtorizzazzjoni ta' CCP għall-ikklerjar ta' ċerta klassi ta' derivattivi OTC, iżda qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, sakemm dan ikun ġustifikat mill-maturità residwa tat-tali kuntratti fid-data li fiha l-obbligu jidħol fis-seħħ. L-applikazjoni tal-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-kuntratti għandha ssegwi l-objettiv li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għandha sservi biex tinkiseb l-istabilità finanzjarja u t-tnaqqis ta' riskju sistemiku, kif ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq meta tiġi dikjarata klassi ta' kuntratti ta' derivattivi OTC suġġett għall-obbligu ta' kklerjar. Il-maturità residwa minima għandha għalhekk tiġi ffissata fil-livell li jiżgura l-kisba ta' dawk l-objettivi.

(14)

Qabel ma jidħlu fis-seħħ standards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-kontropartijiet ma jistgħux jipprevedu jekk kuntratti ta' derivattivi OTC li jikkonkludu ikunux suġġetti għall-obbligu ta' kklerjar fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dak l-obbligu. Din l-inċertezza għandha impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jiffissaw b'mod preċiż prezz għall-kuntratti ta' derivattivi OTC li huma jidħlu fihom peress li kuntratti kklerjati b'mod ċentrali huma suġġetti għal reġim kollaterali differenti minn kuntratti kklerjati mhux ċentralment. L-impożizzjoni ta' kuntratti ta' derivattiti OTC ikklerjati b'mod antiċipat konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, irrispettivament mill-maturità residwa fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar, tista' tillimita l-abbiltà tal-kontropartijiet li jiħħeġġjaw b'mod xieraq ir-riskji tas-suq tagħhom u jew ikollha impatt fuq il-funzjonament tas-suq u l-istabbilità finanzjarja, jew ma tħallihomx jeżerċitaw l-attivitajiet tas-soltu tagħhom billi jiħħeġġjaw b'mezzi xierqa oħra.

(15)

Barra minn dan, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ u qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar ma għandhomx ikun suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar sakemm il-kontropartijiet ta' dawn il-kuntratti ma jkunux jistgħu jistabbilixxu l-kategorija li huma inklużi fiha, jekk ikunux suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar għal kuntratt partikolari, inklużi t-tranżazzjonijiet intergrupp tagħhom, u qabel ma jkunu jistgħu jimplimentaw l-arranġamenti neċessarji biex jikkonkludu dawk il-kuntratti fil-kunsiderazzjoni tal-obbligu tal-ikklerjar. Għalhekk, sabiex jinżamm il-funzjonament ordnat u l-istabbilità tas-suq, kif ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kontropartijiet, ikun xieraq li jiġi kkunsidrat li dawk il-kuntratti ma jkunux suġġett għall-obbligu tal-ikklerjar, irrispettivament mill-maturitajiet residwi tagħhom.

(16)

Il-kuntratti dwar derivattivi OTC konklużi wara n-notifika lill-ESMA li ssegwi l-awtorizzazzjoni ta' CCP li tiġi kklerjata ċerta klassi ta' derivattivi OTC, iżda qabel id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar ma għandhomx ikunu suġġett għall-obbligu tal-ikkjerjar meta ma jkunux relevanti b'mod sinifikanti għar-riskju sistemiku jew meta l-issuġġettar ta' dawn il-kuntratti għall-obbligu tal-ikklerjar altrimenti jipperikola l-applikazzjoni uniformi u koerenti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti assoċjata ma' kuntratti dwar derivattivi OTC b'maturitajiet aktar twal jibqa' fis-suq għal perjodu itwal minn dak assoċjat mad-derivattivi b'rati tal-imgħax OTC b'maturitajiet residwi baxxi. L-impożizzjoni ta' obbligu tal-ikklerjar fuq kuntratti b'maturijtajiet residwi qosra ikun jimplika piż fuq il-kontropartijiet li jkun sproporzjonat għal-livell ta' riskju mitigat. Barra minn dan, derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax b'maturitajiet residwi baxxi jirrappreżentaw porzjon relattivament baxx mis-suq totali u għalhekk porzjon relattivament żgħir mir-riskju sistemiku totali assoċjat ma' dan is-suq. Il-maturitajiet residwi minimi għandhom għalhekk jiġu ffissati f'livell li jiżgura li l-kuntratti ma' maturitajiet li jifdal ta' mhux aktar minn ftit xhur ma jkunux suġġett għall-obbligu tal-ikklerjar.

(17)

Il-kontropartijiet fit-tielet kategorija iġorru sehem relattivament limitat tar-riskju sistemiku ġenerali u għandhom grad aktar baxx ta' kapaċità ġuridika u operattiva għar-rigward tad-derivattivi OTC minn kontropartijiet fl-ewwel u t-tieni kategorija. Elementi essenzjali tal-kuntratti dwar derivattivi OTC, inkluż l-ipprezzar ta' derivattivi b'rata tal-imgħax OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar u konklużi qabel ma dak l-obbligu jkun daħal fis-seħħ se jkollhom jiġu adattati fi żmien perjodi qosra sabiex jinkorporaw l-ikkerjar li ma jseħħx qabel ma jkunu għaddew diversi xhur wara li jkun konkluż il-kuntratt. Dan il-proċess ta' ikklerjar antiċipat jinvolvi adattazzjonijiet importanti għall-mudell tal-ipprezzar u emendi għad-dokumentazzjoni ta' dawk il-kuntratti ta' derivattivi OTC. Il-kontropartijiet fit-tielet kategorija għandhom abilità limitata ħafna li jinkorporaw ikklerjar antiċipat fil-kuntratti tad-derivattivi OTC tagħhom. Għalhekk, l-impożizzjoni tal-ikklerjar ta' kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi qabel ma jkun ħa effett l-obbligu tal-ikklerjar għal dawk il-kontropartijiet jista' jillimita l-ħila tagħhom li jiħħeġġjaw ir-riskji tagħhom b'mod adegwat u jew ikollu impatt fuq il-funzjonament u l-istabilità tas-suq jew inkella ma jħallihomx jeżerċitaw l-attivitajiet normali tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jibqgħu jiħħeġġjaw. Għalhekk, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi minn kontropartijiet fit-tielet kategorija qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ ma għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(18)

Barra minn hekk, il-kuntratti ta' derivattivi OTC konklużi bejn il-kontropartijiet li jappartjenu għall-istess grupp jistgħu jiġu eżenti mill-ikklerjar, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, sabiex tiġi evitata l-limitazzjoni tal-effiċjenza tal-proċessi ta' ġestjoni tar-riskju intragrupp u b'hekk jimminaw il-kisba tal-għan suprem tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, it-tranżazzjonijiet intragrupp li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u li jkunu konklużi qabel id-data li fiha l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għal dawk it-tranżazzjonijiet ma għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

(19)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(20)

Il-Kummissjoni infurmat lill-ESMA bl-intenzjoni tagħha li tapprova b'emendi l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji proposti mill-ESMA, skont il-proċedura stabbilita fil-ħames u s-sitt subparagrafi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-ESMA adottat opinjoni formali dwar dawk l-emendi li hija ppreżentat lill-Kummissjoni.

(21)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa msejjes dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali, talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Klassijiet ta' derivattivi OTC suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar

1.   Il-klassijiet ta' derivattivi barra l-Borża (OTC) elenkati fl-Anness ikunu suġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar.

2.   Il-klassijiet ta' derivattivi OTC elenkati fl-Anness ma jinkludux kuntratti konklużi ma' min joħroġ bonds koperti jew ma' “cover pools” ta' bonds koperti, sakemm dawk il-kuntratti ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejin:

(a)

Jintużaw biss biex jiħħeġġjaw ir-rata tal-imgħax jew id-diskrepanzi fil-munita tal-pool ta' kopertura f'relazzjoni mal-bond koperti;

(b)

Ikunu rreġistrati jew irrekordjati fil-pool ta' kopertura tal-bond koperti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bond kopert;

(c)

Ma jiġux terminati fil-każ ta' riżoluzzjoni jew insolvenza ta' min joħroġ bonds koperti jew tal-pool ta' kopertura;

(d)

Il-kontroparti għad-derivattiva OTC konkluża ma' min joħroġ bonds koperti jew ma' “cover pools” ta' bonds koperti, tkun fil-livell mill-anqas identiku mad-detenturi ta' bonds koperti ħlief meta l-kontroparti tad-derivattivi OTC konklużi ma' min joħroġ bonds koperti jew ma' “cover pools” ta' bonds koperti tkun il-parti f'inadempjenza jew dik affettwata, jew iċċedi l-livell identiku;

(e)

Il-bond kopert ikun jissodisfa l-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u jkun suġġett għal obbligu ta' kollateralizzazzjoni regolatorja ta' mill-anqas 102 %.

Artikolu 2

1.   Għall-iskopjiet tal-Artikoli 3 u 4, il-kontropartijiet suġġetti għall-obbligi tal-ikklerjar ikunu maqsuma fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

Il-Kategorija 1, li tinkludi l-kontropartijiet li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ikunu membri li jikklerjaw, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għal mill-anqas klassi waħda ta' derivattivi OTC elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament, ta' mill-anqas waħda mis-CCPs awtorizzati jew rikonoxxuti qabel dik id-data li jikklerjaw tal-anqas waħda minn dawk il-klassijiet;

(b)

Il-kategoriji 2 tinkludi kontropartijiet li ma jappartjenux għall-Kategorija 1 li jappartjenu għal grupp li l-medja aggregata fi tmiem ix-xahar tiegħu ta' ammont nozzjoni gross pendenti ta' derivattivi kklerjati mhux ċentralment għal Jannar, Frar u Marzu 2016 tkun aktar minn EUR 8 biljun u li jkunu xi waħda mis-segwenti:

(i)

Kontropartijiet finanzjarji;

(ii)

Fondi alternattivi ta' investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jkunu kontropartijiet mhux finanzjarji.

(c)

Il-Kategorija 3 li tinkludi kontropartijiet li ma jappartjenux għall-Kategorija 1 jew Kategorija 2 li jkunu xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

Kontropartijiet finanzjarji;

(ii)

Fondi alternattivi ta' investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE li jkunu kontropartijiet mhux finanzjarji.

(d)

Il-Kategorija 4 li tinkludi kontropartijiet mhux finanzjarji li ma jappartjenux għall-Kategorija 1, il-Kategorija 2 jew il-Kategorija 3.

2.   Għall-iskop tal-kalkolu tal-medja aggregata fi tmiem ix-xahar tal-grupp ta' ammont nozzjonali pendenti gross imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, id-derivattivi kklerjati mhux ċentralment tal-grupp, inklużi antiċipi ta' skambju tal-munita, swaps u currency swaps, ikunu inklużi.

3.   Fejn il-kontropartijeti ikunu fondi alternattivi ta' investiment kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE jew impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli kif definiti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-għatba ta' EUR 8 biljun imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tapplika b'mod individwali fil-livell ta' fond.

Artikolu 3

Id-data li minnha jibda l-obbligu tal-ikklerjar.

1.   Għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC elenkati fl-Anness, l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ:

(a)

fil-21 ta' Ġunju 2016 fil-każ ta' kontropartijiet fil-Kategorija 1;

(b)

fil-21 ta' Diċembru 2016 fil-każ ta' kontropartijiet fil-Kategorija 2;

(c)

fil-21 ta' Ġunju 2017 fil-każ ta' kontropartijiet fil-Kategorija 3;

(d)

fil-21 ta' Diċembru 2018 fil-każ ta' kontropartijiet fil-Kategorija 4.

Meta kuntratt jiġi konkluż bejn żewġ kontropartijiet inklużi f'kategoriji differenti ta' kontropartijiet, id-data li minnha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar għal dak il-kuntratt tkun id-data tal-aħħar.

2.   B'deroga mill-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1, għar-rigward ta' kuntratti li jappartjenu għal klassi ta' derivattivi OTC elenkati fl-Anness u konklużi bejn kontropartijiet li ma jkunux il-kontropartijiet fil-Kategorija 4 li jkunu parti mill-istess grupp u meta kontroparti waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni, l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ:

(a)

fil-21 ta' Diċembru 2018 fil-każ li ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni ta' ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament li jkopri kuntratti ta' derivattivi OTC imsemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti; jew

(b)

L-aħħar fost id-dati segwenti fil-każ li tkun tkun ġiet adottata deċiżjoni ta' ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament li jkopri kuntratti ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(i)

60 ġurnata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament li jkopri kuntratti ta' derivattivi OTC msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament fejn jidħol il-pajjiz terz relevanti;

(ii)

Id-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar skont il-paragrafu 1.

Din id-deroga tapplika biss meta l-kontropartijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-kontroparti stabbilita f'pajjiż terz tkun jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja;

(b)

Il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun:

(i)

Kontroparti finanzjarja, kontroparti mhux finanzjarja, kumpanija finanzjarja possedenti, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi anċillari suġġetta għal rekwiżiti prudenzjali xierqa u l-kontroparti msemmija fil-punt (a) tkun kontroparti finanzjarja; jew

(ii)

Jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja u l-kontroparti msemmija fil-punt (a) tkun kontroparti mhux finanzjarja;

(c)

Iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazjoni fuq bażi sħiħa skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(d)

Iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri ċentralizzati ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju;

(e)

Il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tagħha bil-miktub li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) u (d) ikunu ssodisfati u, fi żmien 30 jum tal-kalendarju wara l-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti tkun ikkonfermat li dawk il-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati.

Artikolu 4

Maturità residwa minima

1.   Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 1, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar tkun:

(a)

50 sena fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati qabel il-21 ta' Frar 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 1 jew it-Tabella 2 kif tidher fl-Anness;

(b)

3 snin fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati qabel il-21 ta' Frar 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 3 jew it-Tabella 4 kif tidher fl-Anness;

(c)

6 xhur fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati fi jew wara l-21 ta' Frar 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 1 sat-Tabella 4 kif tidher fl-Anness;

2.   Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 2, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar tkun:

(a)

50 sena fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati qabel il-21 ta' Mejju 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 1 jew it-Tabella 2 kif tidher fl-Anness;

(b)

3 snin fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati qabel il-21 ta' Mejju 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 3 jew it-Tabella 4 kif tidher fl-Anness;

(c)

6 xhur fil-każ ta' kuntratti li jkunu daħlu fis-seħħ jew innovati fi jew wara l-21 ta' Mejju 2016 li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 1 sat-Tabella 4 kif tidher fl-Anness;

3.   Fil-każ ta' kontropartijiet finanzjarji fil-Kategorija 3, u ta' tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, konklużi bejn kontropartijiet finanzjarji, il-maturità residwa minima msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, fid-data li fiha jidħol fis-seħħ l-obbligu tal-ikklerjar tkun:

(a)

50 sena fil-każ ta' kuntratti li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 1 jew it-Tabella 2 tal-Anness;

(b)

3 snin fil-każ ta' kuntratti li jappartjenu għall-klassijiet fit-Tabella 3 jew it-Tabella 4 tal-Anness;

4.   Meta kuntratt jiġi konkluż bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li jkunu jappartjenu għal kategoriji differenti jew bejn żewġ kontropartijiet finanzjarji li jkunu involuti fi tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-maturità residwa minima li tittieħed f'kunsiderazzjoni għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu tkun l-itwal maturità residwa li jifdal applikabbli.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament ikun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).


ANNESSI

Klassijiet ta' derivattivi b'rata tal-imgħax OTC suġġetit għall-obbligu tal-ikklerjar

Tabella 1

Klassijiet bażiċi ta' swaps

id

Tip

Indiċi ta' Referenza

Munita ta' Saldu

Maturità

Tip ta' Munita ta' Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.1.1

Bażi

EURIBOR

EUR

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.1.2

Bażi

LIBOR

GBP

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.1.3

Bażi

LIBOR

JPY

28D-30Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.1.4

Bażi

LIBOR

USD

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 2

Klassijiet ta' Fixed-to-Float interest rate swap

id

Tip

Indiċi ta' Referenza

Munita ta' Saldu

Maturità

Tip ta' Munita ta' Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.2.1

Fixed- to-Float

EURIBOR

EUR

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.2.2

Fixed- to-Float

LIBOR

GBP

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.2.3

Fixed- to-Float

LIBOR

JPY

28D-30Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.2.4

Fixed- to-Float

LIBOR

USD

28D-50Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 3

Klassijiet ta' forward rate agreement

id

Tip

Indiċi ta' Referenza

Munita ta' Saldu

Maturità

Tip ta' Munita ta' Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.3.1

FRA

EURIBOR

EUR

3D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.3.2

FRA

LIBOR

GBP

3D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.3.3

FRA

LIBOR

USD

3D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli


Tabella 4

Klassijiet ta' overnight index swap

id

Tip

Indiċi ta' Referenza

Munita ta' Saldu

Maturità

Tip ta' Munita ta' Saldu

Opzjonalità

Tip Nozzjonali

A.4.1

OIS

EONIA

EUR

7D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.4.2

OIS

FedFunds

USD

7D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli

A.4.3

OIS

SONIA

GBP

7D-3Y

Munita unika

Le

Kostanti jew varjabbli