19.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/81


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2081

tat-18 ta' Novembru 2015

li jwassal għall-ftuħ u għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni ta' ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (1) (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (2), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra. It-Titolu IV tal-Ftehim jipprevedi b'mod partikolari t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali applikabbli għal merkanzija li toriġina mill-Ukrajna b'konformità mal-Anness I-A ta' dan il-Ftehim. L-Anness I-A tal-Ftehim jipprevedi b'mod partikolari għall-ftuħ tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni taċ-ċereali fl-UE. It-Titolu IV u l-Anness I-A tal-Ftehim jibda japplika b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2016.

(2)

Għalhekk, il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni taċ-ċereali għandhom jinfetħu mill-2016 'il quddiem. Barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tamministra xi wħud minn dawn il-kwoti tariffarji skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(3)

Sabiex iċ-ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna jkunu jistgħu jiġu impurtati b'mod regolari u mhux b'mod spekulattiv fil-kuntest tal-kwoti tariffarji, jeħtieġ li jkun previst li dawn l-importazzjonijiet ikunu suġġetti għall-ħruġ ta' liċenzja tal-importazzjoni. Għaldaqstant, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3), (KE) Nru 1342/2003 (4) u (KE) Nru 376/2008 (5) japplikaw mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti b'dan ir-Regolament.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta ta' dawn il-kwoti, għandhom jiġu stabbiliti d-dati ta' skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u għandha tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjonijiet u fil-liċenzji.

(5)

Biex l-amministrazzjoni tkun dejjem aktar effiċjenti, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sistemi ta' informazzjoni previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (6).

(6)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 (7) issostitwixxa l-kodiċijiet tan-NM taċ-ċereali msemmija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (8) b'kodiċijiet ġodda li issa huma differenti minn dawk imsemmija fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Għaldaqstant, l-Anness ta' dan ir-Regolament għandu jirrifletti l-kodiċijiet tan-NM l-ġodda.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji

1.   Il-kwoti tariffarji għal xi wħud mill-prodotti li joriġinaw fl-Ukrajna u li huma elenkati fl-Anness tar-Regolament għandhom jinfetħu fuq bażi annwali mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru, u dan mill-2016 'il quddiem.

2.   Ir-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji msemmija fil-paragrafu 1 hija ta' EUR 0 għal kull tunnellata.

3.   Il-kwoti tariffarji previsti fil-Paragrafu 1 huma amministrati skont il-metodu previst fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

4.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 376/2008, (KE) Nru 1301/2006 u (KE) Nru 1342/2003, u dan kemm-il darba ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u l-ħruġ tagħhom

1.   B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikant ma jistax iressaq aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja tal-importazzjoni għal kull numru tal-ordni u jista' jagħmel dan biss darba kull ġimgħa. F'każ li l-applikanti jressqu aktar minn applikazzjoni waħda, l-ebda waħda minnhom m'għandha tintlaqa' u l-garanziji li jkunu ġew iddepożitati meta jkunu tressqu l-applikazzjonijiet imorru għand l-Istat Membru kkonċernat.

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jitressqu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kull ġimgħa, sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa fis-13.00, ħin ta' Brussell.

Kull applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tirreferi għal numru tal-ordni wieħed biss. L-applikazzjoni tista' tikkonċerna diversi prodotti. Id-deskrizzjoni tal-prodotti u l-Kodiċi tan-NM tagħhom huma msemmija fit-Taqsimiet 15 u 16 tal-applikazzjoni tal-liċenzja u tal-liċenzja rispettivament.

2.   Kull applikazzjoni għal-liċenzja ta' importazzjoni trid tindika kwantità f'kilogrammi b'ċifri sħaħ għal kull kodiċi tan-NM. It-total tal-kwantitajiet indikati ma jistax jeċċedi l-kwantità totali tal-kwota inkwistjoni.

3.   Il-liċenzji ta' importazzjoni jinħarġu fir-raba' jum tax-xogħol wara dak tal-iskadenza prevista fl-Artikolu 4(1) għan-notifika dwar l-applikazzjonijiet tal-liċenzji tal-importazzjoni.

4.   Fil-kaxxa 8 tagħhom, l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni u l-liċenzja tal-importazzjoni għandhom juru l-isem “L-Ukrajna” u salib fil-kaxxa “iva”. Il-liċenzji huma validi biss għall-prodotti li joriġinaw mill-Ukrajna.

Artikolu 3

Il-validità tal-liċenzji tal-importazzjoni

It-tul tal-validità tal-liċenzji tal-importazzjoni jibda jiskorri mill-jum meta din effettivament tinħareġ, b'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, u jintemm fi tmiem it-tieni xahar ta' wara dan il-jum.

Artikolu 4

Komunikazzjonijiet

1.   Sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn fis-18.00 (ħin ta' Brussell) fil-ġimgħa ta' wara li fiha jkunu ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jibagħtu avviż lill-Kummissjoni li jinnotifika, skont in-numru tal-ordni, kull applikazzjoni bl-oriġini tal-prodott u l-kwantità mitluba, inklużi d-dikjarazzjonijiet “nulli”. Dan l-avviż irid isir skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

2.   Dakinhar tal-ħruġ tal-liċenzji tal-importazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b'mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-liċenzji maħruġa skont l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, bil-kwantitajiet totali skont il-Kodiċi tan-NM li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji tal-importazzjoni.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, minn naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 tat-28 ta' Lulju 2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ċereali u ross (ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12.).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas- 27 ta' Settembru 2011 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, 28.10.2011, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Maqgħuda, il-kliem li jintuża fid-deskrizzjoni tal-prodott irid jiġi kkunsidrat biss purament bħala indikazzjoni minħabba li fil-kuntest ta' dan l-Anness, l-applikabbiltà tal-arranġamenti preferenzjali hi stabbilita bis-saħħa tal-kodiċijiet tan-NM. Meta qabel il-kodiċi tan-NM jkun hemm “ex”, l-applikazzjoni tal-arranġamenti preferenzjali tiġi stabbilita abbażi tal-kodiċi tan-NM u tad-deskrizzjoni tal-prodott.

In-numru tal-ordni

Il-kodiċi tan-NM

Id-deskrizzjoni tal-prodotti

Il-perjodu

Il-kwantità f'tunnellati

09.4306

1001 99  (00)

qamħ spelt, qamħ komuni u meslin (wiċċ imħallat ta' qamħ u segala), minbarra ż-żerriegħa

Is-sena 2016

Is-sena 2017

Is-sena 2018

Is-sena 2019

Is-sena 2020

Is-sena 2021 u s-snin segwenti

950 000

960 000

970 000

980 000

990 000

1 000 000

1101 00  (15-90)

dqiq tal-qamħ komuni u spelt, dqiq tal-meslin

1102 90 (90)

dqiq taċ-ċereali ħlief il-qamħ, il-meslin, is-segala, il-qamħirrum, ix-xgħir, il-ħafur, ir-ross

1103 11 (90)

qamħ komuni u spelt mitħun oħxon u d-dqiq oħxon tagħhom

1103 20  (60)

gerbub tal-qamħ

09.4307

1003 90  (00)

xgħir, minbarra ż-żerriegħa

Is-sena 2016

Is-sena 2017

Is-sena 2018

Is-sena 2019

Is-sena 2020

Is-sena 2021 u s-snin segwenti

250 000

270 000

290 000

310 000

330 000

350 000

1102 90  (10)

dqiq tax-xgħir

ex 1103 20  (25)

gerbub tax-xgħir

09.4308

1005 90  (00)

qamħirrum minbarra ż-żerriegħa

Is-sena 2016

Is-sena 2017

Is-sena 2018

Is-sena 2019

Is-sena 2020

Is-sena 2021 u s-snin segwenti

400 000

450 000

500 000

550 000

600 000

650 000

1102 20  (10-90)

dqiq tal-qamħirrum

1103 13  (10-90)

qamħirrum mitħun oħxon u pasta tal-qamħirrum

1103 20  (40)

gerbub tal-qamħirrun

1104 23  (40-98)

ħbub oħrajn maħdumin tal-qamħirrum