12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2018

tal-11 ta' Novembru 2015

li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta' impenn offrut b'rabta mal-proċedimenti ta' anti-dumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' miżuri definittivi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”), u b'mod partikulari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament antisussidji bażiku”), u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu,

Infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   IMPENN U MIŻURI EŻISTENTI OĦRAJN

(1)

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 513/2013 (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) ta' moduli fotovoltajċi (“moduli”) tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jiġu kkunsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

(2)

Grupp ta' produtturi esportaturi ta mandat lill-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u għall-Esportazzjoni ta' Makkinarju u ta' Prodotti Elettroniċi (China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products, “CCCME”) sabiex tippreżenta impenn fuq il-prezz f'isimhom lill-Kummissjoni, kif fil-fatt għamlet. Huwa ċar mit-termini ta' dan l-impenn fuq il-prezz li huwa jikkostitwixxi ġabra ta' impenji individwali fuq il-prezz għal kull produttur esportatur, li hija, għal raġunijiet ta' prattiċità tal-amministrazzjoni, ikkoordinata mis-CCCME.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni 2013/423/UE (4), il-Kummissjoni aċċettat dan l-impenn fuq il-prezz fir-rigward tad-dazju antidumping provviżorju. Permezz tar-Regolament (UE) Nru 748/2013 (5), il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 sabiex tintroduċi l-bidliet tekniċi meħtieġa minħabba l-aċċettazzjoni tal-impenn fir-rigward tad-dazju antidumping provviżorju.

(4)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 (6), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' moduli u ta' ċelloli fl-Unjoni li joriġinaw jew li jiġu kkunsinjati mir-RPĊ (“il-prodotti kkonċernati”). Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 (7), il-Kunsill impona wkoll dazju antidumping kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

(5)

Wara n-notifika ta' verżjoni emendata tal-impenn fuq il-prezz minn grupp ta' produtturi esportaturi (“il-produtturi esportaturi”) flimkien mas-CCCME, il-Kummissjoni kkonfermat, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE (8), l-aċċettazzjoni tal-impenn fuq il-prezz kif emendat (“l-impenn”) għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' miżuri definittivi. L-Anness ta' din id-Deċiżjoni jelenka b'mod partikolari lista tal-produtturi esportaturi li għalihom ġie aċċettat l-impenn, fost l-oħrajn:

(a)

Chint Solar (Zhejiang) Co. Ltd flimkien mal-kumpaniji relatati tagħha fl-Unjoni Ewropea, b'mod konġunt koperti mill-kodiċi addizzjonali TARIC: B810 (“Chint Solar”); kif ukoll

(b)

Hangzhou Zhejiang University Sunny Energy Science and Technology Co. Ltd u Zhejiang Jinbest Energy Science and Technology Co. Ltd, b'mod konġunt koperti mill-kodiċi addizzjonali TARIC: B825 (“Sunny Energy”).

(6)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/657/UE (9), il-Kummissjoni aċċettat proposta mill-grupp tal-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME għal kjarifiki rigward l-implimentazzjoni tal-impenn għall-prodott ikkonċernat kopert mill-impenn, jiġifieri l-moduli u ċ-ċelloli li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-RPĊ u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8541 40 90 (il-kodiċijiet TARIC 8541 40 90 21, 8541 40 90 29, 8541 40 90 31 u 8541 40 90 39) magħmula mill-produtturi esportaturi (“il-prodott kopert”). Id-dazji antidumping u kumpensatorji msemmija fil-premessa (4) hawn fuq, flimkien mal-impenn, huma flimkien imsejħa “miżuri”.

(7)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/866 (10), il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn għal tliet produtturi esportaturi.

(8)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1403 (11), il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tal-impenn għal produttur esportatur ieħor.

B.   IT-TERMINI TAL-IMPENN LI ĠEW MIKSURA

(9)

Kull kumpanija li minnha ġie aċċettat l-impenn intrabtet li tbigħ biss il-prodott kopert manifatturat minn din il-kumpanija. Il-bejgħ ta' prodotti manifatturati minn kumpaniji oħra mhuwiex permess.

(10)

Il-produtturi esportaturi qablu li, fost l-oħrajn, ma jbigħux il-prodott ikkonċernat lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni taħt ċertu prezz minimu ta' importazzjoni (“l-MIP — minimum import price”), fil-livell annwali assoċjat mal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni stipulat fl-impenn.

(11)

L-impenn jikkjarifika wkoll, f'lista mhux eżawrjenti, dak li jikkostitwixxi ksur tal-impenn. Il-lista tinkludi, b'mod partikolari, li jsiru arranġamenti ta' kumpens mal-klijenti, li jsiru dikjarazzjonijiet qarrieqa rigward l-oriġini tal-prodott ikkonċernat jew l-identità tal-esportatur. Il-parteċipazzjoni f'sistema ta' kummerċ li tista' twassal għal riskju ta' evażjoni wkoll tikkostitwixxi ksur. Il-lista tinkludi wkoll li huwa ksur il-ħruġ ta' fattura kummerċjali, kif definita fl-impenn, li t-tranżazzjoni finanzjarja li tkun ibbażata fuqha ma tkunx skont il-valur nominali tagħha.

(12)

Minbarra dan, il-produtturi esportaturi impenjaw ruħhom li ma jbigħux prodotti ħlief il-prodott kopert, immanifatturat jew ikkummerċjalizzat minnhom aktar minn limitu perċentwali żgħir tal-valur totali tal-bejgħ tal-prodott kopert lill-istess klijenti li lilhom ibigħu l-prodott kopert. (“il-limitu parallel tal-bejgħ”).

(13)

Minbarra dan, l-impenn jobbliga lill-produtturi esportaturi sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni fuq bażi trimestrali u bi skadenzi speċifiċi, b'informazzjoni dettaljata dwar il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni tagħhom lejn l-Unjoni, u l-bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni (“ir-rapporti trimestrali”). Dan ifisser li d-dejta ppreżentata f'dawn ir-rapporti trimestrali trid tkun kompluta u korretta u li t-tranżazzjonijiet irrappurtati jkunu totalment konformi mat-termini tal-impenn. Bejgħ ta' prodotti oħra minbarra l-prodott kopert lill-istess klijenti wkoll għandu jiġi rrappurtat.

(14)

Bil-għan li jiżguraw konformità mal-impenn, il-produtturi esportaturi ntrabtu wkoll li jippermettu żjarat ta' verifika fil-post fil-proprjetà tagħhom biex tiġi vverifikata l-eżattezza u l-kompletezza tad-dejta ppreżentata lill-Kummissjoni fir-rapporti trimestrali msemmija u li jipprovdu t-tagħrif kollu meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni.

C.   IT-TERMINI TAL-IMPENN LI JIPPERMETTU L-IRTIRAR MILL-KUMMISSJONI FIN-NUQQAS TA' KSUR

(15)

L-impenn jistipula li l-Kummissjoni tista' tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn f'kull ħin matul il-perjodu ta' żmien ta' applikazzjoni tiegħu jekk il-monitoraġġ u l-infurzar jirriżultaw li ma jkunux prattikabbli.

D.   MONITORAĠĠ TAL-PRODUTTURI ESPORTATURI

(16)

Filwaqt li għamlet monitoraġġ tal-konformità mal-impenn, il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni ppreżentata miż-żewġ produtturi esportaturi msemmija fil-premessa (5) hawn fuq li kienet rilevanti għall-impenn. Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta' verifika fil-bini ta' dawn il-produtturi esportaturi. Is-sejbiet elenkati fil-premessi minn (17) sa (27) jindirizzaw il-problemi identifikati għal Chint Solar u Sunny Energy li jobbligaw lill-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi.

E.   RAĠUNIJIET GĦALL-IRTIRAR TAL-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN

(i)   Chint Solar

(17)

Il-kumpaniji relatati ta' Chint Solar fl-Unjoni msemmija fil-premessa (5) a) biegħu l-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti fl-Unjoni fl-2013 u fl-2014. Dan il-bejgħ ma kienx irrappurtat lill-Kummissjoni sal-iskadenza stipulata fl-impenn. Rapport inkomplut kien ippreżentat biss fil-bidu taż-żjara ta' verifika. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li Chint Solar kisret l-obbligi ta' rappurtar tagħha.

(18)

Chint Solar biegħet ukoll moduli lill-Unjoni li kienu manifatturati minn kumpanija relatata li mhijiex parti fl-impenn. Il-Kummissjoni analizzat din il-prattika u kkonkludiet li Chint Solar kisret l-obbligu li tbigħ biss dawk il-moduli li kienu prodotti mill-kumpanija li hija parti fl-impenn.

(19)

Barra minn hekk, produttur relatat tal-moduli fl-Unjoni biegħ dawn il-prodotti, inter alia, jew lil wieħed mill-klijenti ta' Chint Solar jew lil klijenti relatati ma' klijent ta' Chint Solar. Parti sostanzjali minn dan il-bejgħ saret bi prezzijiet taħt l-MIP. Il-Kummissjoni analizzat dan il-mudell ta' negozju. Il-Kummissjoni kkonkludiet li billi għamlet bejgħ bi prezzijiet taħt l-MIP lil klijent ta' Chint Solar jew lil xi klijent relatat ma' klijent ta' Chint Solar, kien seħħ arranġament ta' kumpens u li Chint Solar kienet kisret l-obbligu skont l-impenn li ma tidħolx f'arranġament ta' kumpens.

(20)

Barra minn hekk, Chint Solar parzjalment tipproduċi moduli bi ftehimiet ta' manifattur ta' tagħmir oriġinali (“OEM”). Għal grupp wieħed ta' klijenti OEM tagħha, l-arranġament kuntrattwali jippermetti l-bejgħ lil dan il-grupp ta' konsumaturi lejn destinazzjonijiet tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni. Chint Solar ma pprovdietx it-tagħrif kollu meqjus bħala meħtieġ mill-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-impenn. Għal grupp ieħor ta' klijenti OEM tagħha, il-verifika stabbiliet li tal-inqas f'każ minnhom moduli kienu kkunsinjati kemm lil membri ta' dan il-grupp li huma mill-Unjoni kif ukoll lil oħrajn li mhumiex.

(21)

Dan il-mudell ta' negozju jwassal għal riskju ta' evażjoni f'forma ta' kumpens trażversali tal-MIP. B'mod aktar speċifiku, dan ikun il-każ jekk il-moduli jinbiegħu lil gruppi ta' klijenti OEM permezz tal-kumpanija relatata ta' Chint Solar li mhijiex parti fl-impenn.

(22)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li x-xejra tal-kummerċ identifikata tagħmel il-monitoraġġ tal-impenn ta' Chint Solar imprattikabbli.

(ii)   Sunny Energy

(23)

Sunny Energy ħarġet diversi fatturi kummerċjali għall-moduli solari li l-valur nominali tagħhom kien skont l-MIP. Madankollu, spezzjoni tal-fatturi rilevanti li Sunny Energy ppreżentat lill-awtoritajiet tal-VAT Ċiniżi wriet li dawn it-tranżazzjonijiet ta' bejgħ kienu jinkludu wkoll prodotti li mhumiex koperti mill-impenn, pereżempju invertituri u kejbils definiti fl-impenn bħala “prodotti oħra”, li ma ġewx irrappurtati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-bejgħ ta' dawn il-“prodotti oħra” lill-istess klijenti jaqbeż il-limitu ta' bejgħ parallel awtorizzat mill-impenn. Dan huwa ksur tal-obbligi ta' rappurtar u tal-limitu għal bejgħ ta' “prodotti oħra” lill-istess klijenti.

(24)

Barra minn hekk, iż-żjara ta' verifika stabbiliet li l-prezz ta' bejgħ ta' moduli solari fuq il-fatturi li Sunny Energy ppreżentat lill-awtoritajiet tal-VAT Ċiniżi kien aktar baxx mill-prezz fil-fatturi tal-impenn. Il-Kummissjoni analizzat din il-prattika u kkonkludiet li Sunny Energy kisret l-impenn billi ħarġet fatturi kummerċjali li t-tranżazzjonijiet finanzjarji li huma bbażati fuqhom ma kinux skont il-valur nominali tagħhom.

(25)

Sunny Energy esportat ukoll “prodotti oħra” fuq perjodu ta' żmien sostanzjali f'maħżen doganali fl-Unjoni. L-ikklerjar doganali ta' dawk il-prodotti jseħħ ladarba l-klijent jordna dawk il-prodotti. Dan il-bejgħ huwa barra mill-ambitu tal-monitoraġġ mill-Kummissjoni.

(26)

Il-Kummissjoni analizzat l-implikazzjonijiet ta' dan ix-xejra ta' kummerċ u kkonkludiet li hemm riskju għoli ta' kumpens trażversali tal-MIP, jiġifieri jekk il-prodotti koperti u l-prodotti mhux koperti jiġu mibjugħa minn maħżen doganali lill-istess klijenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li x-xejra tal-kummerċ identifikata tagħmel il-monitoraġġ tal-impenn ta' Sunny Energy imprattikabbli.

(27)

Barra minn hekk, rekords tat-tranżazzjonijiet spezzjonati fuq il-post urew li klijent wieħed ma kienx ħallas l-ammont sħiħ għat-tranżazzjoni ta' bejgħ inkwistjoni. Analiżi ulterjuri stabbiliet li dan il-ħlas parzjali wassal għal prezz ta' bejgħ taħt l-MIP. Il-bejgħ bi prezz inqas mill-MIP jikkostitwixxi ksur tal-impenn.

(iii)   Konklużjonijiet

(28)

Is-sejbiet ta' ksur tal-impenn u l-imprattikabbiltà stabbiliti għal Chint Solar u Sunny Energy jiġġustifikaw l-irtirar tal-aċċettazzjonijiet tal-impenn għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi skont l-Artikoli 8(7) u 8(9) tar-Regolament antidumping bażiku, l-Artikoli 13(7) u 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku, u skont it-termini tal-impenn.

F.   VALUTAZZJONI ĠENERALI TA' PRATTIKABILITÀ TAL-IMPENN ĠENERALI

(29)

L-impenn jistipula li ksur minn produttur esportatur individwali ma jwassalx awtomatikament għal irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn għall-produtturi esportaturi kollha. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta' dak il-ksur partikolari fuq il-prattikabbiltà tal-impenn bl-effett għall-produtturi esportaturi kollha u s-CCCME.

(30)

Għalhekk il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-ksur minn Chint Solar u Sunny Energy fuq il-prattikabbiltà tal-impenn bl-effett għall-produtturi esportaturi kollha u s-CCCME.

(31)

Ir-responsabbiltà għall-ksur hija biss tal-produtturi esportaturi inkwistjoni; il-monitoraġġ ma żvela l-ebda ksur sistematiku minn għadd kbir ta' produtturi esportaturi jew mis-CCCME.

(32)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-funzjonament ġenerali tal-impenn mhuwiex affettwat u li ma hemm l-ebda raġuni għall-irtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn għall-produtturi esportaturi kollha u s-CCCME.

G.   SOTTOMISSJONIJIET BIL-MIKTUB U SEDUTI TA' SMIGĦ

(33)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu u li jressqu kummenti skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku. Kemm Chint Solar kif ukoll Sunny Energyressqu kummenti u ġew mismugħa. Parti interessata oħra ssottomettiet ukoll kummenti.

(34)

Matul is-smigħ, kemm Chint Solar kif ukoll Sunny Energy kkonfermaw li kien seħħ ċertu ksur iżda impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-impenn fil-futur u saħqu li kienu jqisu l-ksur bħala minuri.

(i)   Chint Solar

Il-bejgħ ta' moduli lill-Unjoni mmanifatturaati minn kumpanija relatata li mhijiex parti fl-impenn.

(35)

Chint Solar sostniet li minkejja r-risposti ppreżentati matul l-investigazzjoni oriġinali mill-produttur relatat imsemmi fil-premessa (18) hawn fuq, il-Kummissjoni la inkludiet dan il-produttur fil-proposta ta' kampjunar u lanqas fil-lista ta' produtturi li kkooperaw suġġett għad-determinazzjoni finali tal-investigazzjoni oriġinali. Fil-fehma tagħhom, minħabba dawn in-nuqqasijiet, Chint Solar ma kinitx f'pożizzjoni li tifhem l-istatus differenti tal-produtturi tagħha.

(36)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. L-ewwel nett, il-proposta ta' kampjunar kienet tirreferi kemm għall-produtturi individwali kif ukoll għall-gruppi ta' kumpaniji. Huwa ċar mill-kliem u mil-lista ta' kumpaniji marbuta mal-propota tal-kampjunar li kienet elenkata kumpanija waħda għal kull grupp ta' kumpaniji. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji proposti għall-kampjunar kellhom għadd ta' kumpaniji relatati fir-RPĊ iżda biss kumpanija waħda għal kull grupp ta' kumpaniji ġiet elenkata fil-proposta tal-kampjunar.

(37)

It-tieni nett, kuntrarjament għall-proposta ta' kampjunar, il-lista ta' produtturi esportaturi li kkooperaw imsemmija fir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni li jimponu dazji proviżorji u definittivi ta' antidumping u kumpensatorji fuq il-prodott ikkonċernat fiha l-kumpaniji kollha fil-grupp ta' kumpaniji. Il-Kummissjoni tqis li Chint Solar kienet ingħatat biżżejjed żmien biex tindika kull ineżattezza fil-lista ta' produtturi esportaturi li kkooperaw wara d-divulgazzjonijiet fl-istadji provviżorji u finali tal-investigazzjonijiet oriġinali. Ma wasal l-ebda kumment mingħand Chint Solar.

Obbligi ta' rappurtar mingħand l-importaturi relatati fl-Unjoni

(38)

Chint Solar sostniet ukoll li ma kenitx konxja mill-obbligi ta' rappurtar fuq il-kumpaniji relatati tagħha fl-Unjoni msemmija fil-premessa (5)(a) ta' hawn fuq, billi Chint Solar ma ġietx innotifikata dwar l-aċċettazzjoni tal-impenn offrut minn dawn il-kumpaniji relatati. Barra minn hekk, Chint Solar argumentat li ma ġie pprovdut l-ebda aċċess indipendenti għas-sistema ta' rappurtar lil dawn il-kumpaniji relatati fl-Unjoni, u dan għamel is-sottomissjoni tar-rapporti trimestrali tagħhom mhux prattikabbli.

(39)

Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti billi Chint Solar kienet obbligata li tirrapporta t-tranżazzjonijiet ta' bejgħ mill-ġdid lil klijenti indipendenti fl-Unjoni u naqset milli tagħmel dan. Dan kien għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

L-offerta ta' impenn li tinkludi waħda mill-kumpaniji relatati fl-Unjoni msemmija fil-premessa (5)(a) hawn fuq kienet diġà ġiet aċċettata bid-dazju provviżorju tal-anti-dumping (12). Id-dispożizzjonijiet tat-test tal-impenn jistipulaw b'mod ċar li l-bejgħ mill-ġdid lil klijenti indipendenti fl-Unjoni għandu jiġi rrappurtat.

(b)

L-offerta ta' impenn li tinkludi l-kumpanija relatata l-oħra fl-Unjoni msemmija fil-premessa (5)(a) hawn fuq ġiet aċċettata għall-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri definittivi (13). Madankollu, ma sar l-ebda bejgħ lil din il-kumpanija relatata wara l-aċċettazzjoni tal-impenn. Għalhekk, l-argumenti ta' Chint Solar huma irrelevanti fir-rigward ta' din il-kumpannija.

(c)

Is-CCCME tikkoordina t-tressiq tar-rapporti trimestrali kollha mill-kumpaniji soġġetti għall-impenn, inklużi r-rapporti trimestrali dwar tranżazzjonijiet ta' bejgħ mill-ġdid. Chint Solar kienet f'pożizzjoni li tikseb kull informazzjoni oħra dwar l-obbligi ta' rappurtar tagħha skont l-impenn.

(d)

Chint Solar ressqet rapport trimestrali mhux komplut fil-bidu taż-żjara ta' verifika. Dan jissostanzja li Chint Solar kienet konxja mill-obbligi ta' rappurtar tal-kumpaniji relatati tagħha fl-Unjoni.

L-ebda ksur sostanzjali

(40)

Chint Solar stqarret ukoll li ma seħħ l-ebda ksur sostanzjali billi t-tranżazzjonijiet mhux irrapportati kienu marġinali meta mqabbla man-numru totali ta' tranżazzjonijiet ta' bejgħ.

(41)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument. Chint Solar ma ppreżentat l-ebda rapport trimestrali dwar it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ mill-ġdid tal-kumpanija relatata tagħha msemmija fil-premessa (5)(a) sa mid-dħul fis-seħħ tal-impenn. Dan irrispettivament min-numru ta' tranżazzjonijiet mhux irrapportati. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni tagħha li Chint Solar kisret l-obbligu tagħha tar-rapportar skont l-impenn.

Bejgħ mill-produttur relatat fl-Unjoni

(42)

Chint Solar ikkontestat ukoll li hija kisret l-obbligu skont l-impenn li ma tidħolx f'arranġament ta' kumpens għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Chint Solar innotifikat lill-Kummissjoni dwar l-akkwist tal-modulu produttur fl-Unjoni msemmi fil-premessa (19) hawn fuq u l-Kummissjoni ma rreaġixxietx.

(b)

Il-kumplessità tal-impenn b'mod ġenerali, wasslet lill-Kummissjoni biex toħroġ tweġibiet differenti għall-istess xenarju matul il-perjodu. Għalhekk, huwa raġonevoli li Chint Solar ma qisitx ir-riskju ta' arranġamenti ta' kumpens sad-divulgazzjoni dwar l-intenzjoni li jiġi rtirat l-impenn mill-Kummissjoni.

(c)

Il-bejgħ tal-produttur relatat fl-Unjoni ma għandux ikun suġġett għat-termini tal-impenn li jkopri biss moduli u ċelloli li joriġinaw minn jew li ġew konsenjati mir-RPĊ.

(d)

Chint Solar ma kellha l-ebda intenzjoni għal xi kumpens trażversali permezz ta' bejgħ lill-istess klijent ta' Chint Solar mir-RPĊ u l-produttur relatat fl-Unjoni. Id-differenza fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u d-drawwa tan-negozju tal-klijent partikolari ta' Chint Solar tiġġustifika dan il-bejgħ parallel. Chint Solar stqarret ukoll li l-prezz tal-bejgħ tal-produttur relatat fl-Unjoni kien konformi mal-prezz tas-suq. Barra minn hekk, Chint Solar impenjat ruħha li tieqaf tbigħ il-prodott ikkonċernat lil dak il-klijent ta' Chint Solari mir-RPĊ, li tipprovdi rapporti trimestrali dwar il-bejgħ tal-produttur relatat tagħha fl-Unjoni u li tippermetti li tiġi vverifikata l-eżattezza ta' dawn ir-rapporti.

(43)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dawn l-argumenti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kkritikatx lil Chint Solar għaliex ma nnotifikatx l-akkwist iżda għall-bejgħ parallel deskritt fil-premessa (19) aktar 'il fuq.

(44)

It-tieni nett, Chint Solar tikkwota t-tweġibiet tas-servizzi tal-Kummissjoni, li fi kwalunkwe każ ġew ikkwalifikati bħala mhux vinkolanti, barra mill-kuntest tagħhom. It-tweġibiet imsemmija huma irrilevanti għall-obbligu li ma tidħolx f'arranġament ta' kumpens.

(45)

It-tielet nett, huwa ċar li l-bejgħ ta' produttur tal-Unjoni ma jistax ikun soġġett għall-impenn. Madankollu, l-arranġamenti kompensatorji misjuba mill-Kummissjoni seħħew minħabba l-bejgħ parallel minn dan il-produttur relatat tal-Unjoni lil klijent ta' Chint Solar jew lil klijenti relatati ma' klijent ta' Chint Solar. Id-differenza fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott hija irrilevanti, mill-aspett tal-kumpens trażversali. Barra minn hekk, hija wkoll irrilevanti jekk il-bejgħ sar bi prezzijiet tas-suq billi dawn il-prezzijiet kienu inqas mill-MIP.

(46)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll l-impenji addizzjonali mogħtija minn Chint Solar u kkonkludiet li huma jindirizzaw biss ir-riskju ta' arranġamenti ta' kumpens fir-rigward ta' klijent partikolari wieħed. Barra minn hekk, huma joħolqu piż addizzjonali fuq il-monitoraġġ tal-impenn, jiġifieri kontrolli ulterjuri ta' rapporti trimestrali addizzjonali.

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni tagħha li Chint Solar kisret l-obbligu tagħha skont l-impenn li ma tidħolx f'arranġament ta' kumpens.

Il-bejgħ OEM

(47)

Chint Solar sostniet ukoll li ma kenitx biegħet moduli lil destinazzjonijiet mhux tal-Unjoni tal-klijent tal-OEM imsemmi fil-premessa (20) ta' hawn fuq. Barra minn hekk, Chint Solar tenniet li kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-arranġament kuntrattwali partikolari tal-OEM.

(48)

Chint Solar iċċarat ukoll li f'każ wieħed kienet aċċidentalment ikkunsinjat lil membri tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni tal-grupp ta' kljenti OEM l-ieħor imsemmi fil-premessa (20) f'ċirkustanzi speċjali. Chint Solar offriet ukoll impenji li ma jkunx hemm inċidenti simili fil-futur.

(49)

Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta' tali mudell tan-negozju twassal għal riskju ta' evitar f'forma ta' kumpensar trażversali tal-MIP. Il-fatt li l-ebda bejgħ ma seħħ ma jtaffix ir-riskju identifikat ta' kumpens trażversali. Barra minn hekk, Chint Solar ma pprovdiet ebda dettall dwar kif jiġi żgurat li l-ebda bejgħ aċċidentali bħal dan ma jseħħ fil-futur.

Trattament mhux diskriminatorju u t-tibdiliet fis-suq solari tal-Unjoni

(50)

Chint Solar sostniet ukoll li għandha tingħata istruzzjonijiet f'waqthom u opportunitajiet indaqs biex tagħmel korrezzjonijiet waqt l-implimentazzjoni tal-impenn. Skont l-għarfien tagħhom, il-Kummissjoni sabet kwistjonijiet ta' nuqqas ta' rapportar u ksur ieħor minn kumpaniji oħra soġġetti għall-impenn li ma ġewx segwiti minn irtirar mill-impenn.

(51)

Il-Kummissjoni tirrifjuta dan l-argument għax ebda Kumpanija oħra ma nstabet li kisret l-impenn għall-istess raġunijiet bħal Chint Solar.

(52)

Il-Kummissjoni għalhekk tiċħad dawn l-allegazzjonijiet ta' Chint Solar bħala li mhumiex sostanzjati.

(53)

Chint Solar iddikjarat ukoll li l-Kummissjoni għandha tevalwa bidliet fis-suq solari tal-Unjoni, b'mod partikolari l-allegat impatt negattiv tal-miżuri antidumping u kumpensatorji fuq fis-settur solari tal-Unjoni meta tiddeċiedi dwar l-irtirar tal-impenn minn Chint Solar.

(54)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument billi huwa irrelevanti għall-valutazzjoni tal-ksur tal-impenn minn Chint Solar.

(ii)   Sunny Energy

Nuqqas ta' rappurtar

(55)

Sunny Energy kkontestat li hija kisret l-obbligu ta' rappurtar tagħha peress li mill-inqas xi bejgħ ta' “prodotti oħra” ġie rrappurtat lill-Kummissjoni f'wieħed mir-rapporti trimestrali u mill-inqas rapport ieħor ġie ppreparat mingħajr ma ġie ppreżentat lill-Kummissjoni.

(56)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta dan l-argument. Sunny Energy ppreżentat ir-rapport trimestrali ta' “prodotti oħra” fl-ewwel tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan l-impenn. Madankollu, Sunny Energy naqset milli tissottometti rapporti kull tliet xhur ta' “prodotti oħra” jew li tirrettifika t-tranżazzjonijiet maqbuża f'rapporti trimestrali sussegwenti.

Limitu ta' bejgħ

(57)

Sunny Energy sostniet ukoll li ma kienx hemm ksur sostanzjali tal-impenn fil-biċċa l-kbira tal-każijiet u li l-valur tal-bejgħ ta' “prodotti oħra” qabeż il-limitu ta' bejgħ parallel b'ammont marġinali.

(58)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. L-eċċess tal-limitu tal-bejgħ parallel huwa indipendenti mill-ammont inkwistjoni, ukoll jekk ikun marġinali. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni tagħha li Sunny Energy kisret l-obbligu tar-rappurtar tagħha skont l-impenn.

Is-sistema ta' fatturazzjoni doppja

(59)

Sunny Energy sostniet li l-valuri tal-fattura tal-impenn ipprovduta lill-klijenti ta' Sunny Energy huma preċiżi u huma użati biex jiġu rreġistrati t-tranżazzjonijiet fil-kontijiet ta' Sunny Energy. Il-ħlas għal tranżazzjoni partikolari huwa bbażatat ukoll fuq il-fattura tal-impenn. Fl-opinjoni tagħhom, huwa biss il-valur totali tal-fattura tal-VAT li huwa rilevanti għall-konformità mat-termini tal-impenn, mhux id-deskrizzjoni dettaljata ta' kif intlaħaq dak it-total. Għalhekk, it-tranżazzjonijiet finanzjarji sottostanti kienu konformi mal-valur nominali tagħhom. Barra minn hekk, id-differenza fil-valuri bejn il-fatturi tal-impenn u l-fatturi tal-VAT hija marġinali.

(60)

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument. L-ewwel nett, il-fattura tal-VAT kienet tinkludi l-prezz tal-prodott ikkonċernat u tal-“prodotti l-oħra” mhux irrapportati li għalihom il-prezz tal-bejgħ kien differenti minn dawk indikati fuq il-fattura tal-impenn. It-tieni nett, Sunny Energy ma pprovdiet l-ebda argument konvinċenti għad-differenza bejn id-diversi dokumenti finanzjarji u amministrattivi.

Pagament parzjali

(61)

Sunny Energy ssottomettiet ukoll li hija kienet ikkuntattjat lill-klijent imsemmi fil-premessa (27) hawn fuq u rċeviet il-ħlas sħiħ ta' dik il-fattura.

(62)

Il-Kummissjoni tinnota dawn il-passi meħuda minn Sunny Energy, li, madankollu, seħħew wara li l-Kummissjoni indunat bil-problema.

Bejgħ minn maħżen fl-Unjoni

(63)

Sunny Energy ssottomettiet ukoll li hija lesta biex twaqqaf il-bejgħ ta' “prodotti oħra” mill-maħżen doganali fl-Unjoni msemmi fil-premessa (25) hawn fuq biex tevita r-riskju potenzjali ta' kumpens trażversali.

(64)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li għalkemm dan l-impenn jindirizza r-riskju ta' kumpens trażversali, ma jkunx possibbli li jiġi mmonitorjat impenn bħal dan. Barra minn hekk, dawn l-impenji ma jindirizzawx ix-xejra identifikata tal-kummerċ li seħħet matul perjodu sostanzjali ta' żmien.

(iii)   Kummenti mill-parti interessata l-oħra

(65)

Parti interessata argumentat li Chint Solar u Sunny Energy sistematikament biegħu l-prodott ikkonċernat b'inqas mill-MIP jew inkella evitawh b'xi mod ieħor. Il-parti interessata ħeġġet għall-irtirar ta' dawn il-kumpaniji mill-impenn.

(66)

Barra minn hekk, il-parti interessata argumentat li n-numru ta' kumpaniji li rtiraw mill-impenn jikkonferma l-esperjenza tas-suq li l-impenn ġie miksur fuq skala wiesgħa.

(67)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-parti interessata għamlet suppożizzjonijiet infondati fis-sottomissjoni tagħha. il-monitoraġġ tal-Kummissjoni ma żvela l-ebda ksur sistematiku minn għadd kbir ta' produtturi esportaturi jew mis-CCCME.

(iv)   Konklużjoni

(68)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma s-sejbiet tagħha dwar ksur tal-impenn għal Chint Solar u Sunny Energy.

H.   L-IRTIRAR TAL-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN U IMPOŻIZZJONI TA' DAZJI DEFINITTIVI

(69)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(7) u 8(9) tar-Regolament antidumping bażiku, l-Artikolu 13(7) u 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku, u wkoll skont it-termini tal-impenn, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aċċettazzjoni tal-impenn għal Chint Solar u Sunny Energy tiġi rtirata.

(70)

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 13(9) tar-Regolament antisussidji bażiku, id-dazju antidumping definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 u d-dazju kumpensatorju definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2013 japplikaw awtomatikament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw jew jiġu kkunsinjati mir-RPĊ u li huma magħmula minn Chint Solar (kodiċi addizzjonali TARIC: B810) u Sunny Energy (kodiċi addizzjonali TARIC: B825) mill-ġurnata tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(71)

Għal skopijiet ta' informazzjoni, it-tabella fl-Anness ta' dan ir-Regolament telenka lill-produtturi esportaturi li għalihom l-aċċettazzjoni tal-impenn mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/657/UE mhijiex affettwata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aċċettazzjoni tal-impenn bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/707/UE tal-4 ta' Diċembru 2013 fir-rigward ta' (i) Chint Solar (Zhejiang) Co. Ltd flimkien mal-kumpaniji relatati tagħha fl-Unjoni Ewropea, b'mod konġunt koperti mill-kodiċi addizzjonali TARIC: B810, (ii) Hangzhou Zhejiang University Sunny Energy Science and Technology Co. Ltd u Zhejiang Jinbest Energy Science and Technology Co. Ltd, b'mod konġunt koperti mill-kodiċi addizzjonali TARIC: B825 hija b'dan irtirata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(3)   ĠU L 152, 5.6.2013, p. 5.

(4)   ĠU L 209, 3.8.2013, p. 26.

(5)   ĠU L 209, 3.8.2013, p. 1.

(6)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 1.

(7)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 66.

(8)   ĠU L 325, 5.12.2013, p. 214.

(9)   ĠU L 270, 11.9.2014, p. 6.

(10)   ĠU L 139, 5.6.2015, p. 30.

(11)   ĠU L 218, 19.8.2015, p. 1.

(12)  Id-Deċiżjoni 2013/423/UE.

(13)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE.


ANNESS

Lista ta' kumpaniji:

Isem il-kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Jiangsu Aide Solar Energy Technology Co. Ltd

B798

Alternative Energy (AE) Solar Co. Ltd

B799

Anhui Chaoqun Power Co. Ltd

B800

Anji DaSol Solar Energy Science & Technology Co. Ltd

B802

Anhui Schutten Solar Energy Co. Ltd

Quanjiao Jingkun Trade Co. Ltd

B801

Arhui Titan PV Co. Ltd

B803

Xi'an SunOasis (Prime) Company Limited

TBEA SOLAR CO. LTD

XINJIANG SANG'O SOLAR EQUIPMENT

B804

Changzhou NESL Solartech Co. Ltd

B806

Changzhou Shangyou Lianyi Electronic Co. Ltd

B807

Changzhou Trina Solar Energy Co. Ltd

Trina Solar (Changzhou) Science & Technology Co. Ltd

Changzhou Youze Technology Co. Ltd

Trina Solar Energy (Shanghai) Co. Ltd

Yancheng Trina Solar Energy Technology Co. Ltd

B791

CHINALAND SOLAR ENERGY CO. LTD

B808

ChangZhou EGing Photovoltaic Technology Co. Ltd

B811

CIXI CITY RIXING ELECTRONICS CO. LTD

ANHUI RINENG ZHONGTIAN SEMICONDUCTOR DEVELOPMENT CO. LTD

HUOSHAN KEBO ENERGY & TECHNOLOGY CO. LTD

B812

CNPV Dongying Solar Power Co. Ltd

B813

CSG PVtech Co. Ltd

B814

China Sunergy (Nanjing) Co. Ltd

CEEG Nanjing Renewable Energy Co. Ltd

CEEG (Shanghai) Solar Science Technology Co. Ltd

China Sunergy (Yangzhou) Co. Ltd

China Sunergy (Shanghai) Co. Ltd

B809

Delsolar (Wujiang) Ltd

B792

Dongfang Electric (Yixing) MAGI Solar Power Technology Co. Ltd

B816

EOPLLY New Energy Technology Co. Ltd

SHANGHAI EBEST SOLAR ENERGY TECHNOLOGY CO. LTD

JIANGSU EOPLLY IMPORT & EXPORT CO. LTD

B817

Era Solar Co. Ltd

B818

GD Solar Co. Ltd

B820

Greenway Solar-Tech (Shanghai) Co. Ltd

Greenway Solar-Tech (Huaian) Co. Ltd

B821

Konca Solar Cell Co. Ltd

Suzhou GCL Photovoltaic Technology Co. Ltd

Jiangsu GCL Silicon Material Technology Development Co. Ltd

Jiangsu Zhongneng Polysilicon Technology Development Co. Ltd

GCL-Poly (Suzhou) Energy Limited

GCL-Poly Solar Power System Integration (Taicang) Co. Ltd

GCL SOLAR POWER (SUZHOU) LIMITED

B850

Guodian Jintech Solar Energy Co. Ltd

B822

Hangzhou Bluesun New Material Co. Ltd

B824

Hanwha SolarOne (Qidong) Co. Ltd

B826

Hengdian Group DMEGC Magnetics Co. Ltd

B827

HENGJI PV-TECH ENERGY CO. LTD

B828

Himin Clean Energy Holdings Co. Ltd

B829

Jetion Solar (China) Co. Ltd

Junfeng Solar (Jiangsu) Co. Ltd

Jetion Solar (Jiangyin) Co. Ltd

B830

Jiangsu Green Power PV Co. Ltd

B831

Jiangsu Hosun Solar Power Co. Ltd

B832

Jiangsu Jiasheng Photovoltaic Technology Co. Ltd

B833

Jiangsu Runda PV Co. Ltd

B834

Jiangsu Sainty Photovoltaic Systems Co. Ltd

Jiangsu Sainty Machinery Imp. And Exp. Corp. Ltd

B835

Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd

B836

Jiangsu Shunfeng Photovoltaic Technology Co. Ltd

Changzhou Shunfeng Photovoltaic Materials Co. Ltd

Jiangsu Shunfeng Photovoltaic Electronic Power Co. Ltd

B837

Jiangsu Sinski PV Co. Ltd

B838

Jiangsu Sunlink PV Technology Co. Ltd

B839

Jiangsu Zhongchao Solar Technology Co. Ltd

B840

Jiangxi Risun Solar Energy Co. Ltd

B841

Jiangxi LDK Solar Hi-Tech Co. Ltd

LDK Solar Hi-Tech (Nanchang) Co. Ltd

LDK Solar Hi-Tech (Suzhou) Co. Ltd

B793

Jiangyin Hareon Power Co. Ltd

Hareon Solar Technology Co. Ltd

Taicang Hareon Solar Co. Ltd

Hefei Hareon Solar Technology Co. Ltd

Jiangyin Xinhui Solar Energy Co. Ltd

Altusvia Energy (Taicang) Co. Ltd

B842

Jiangyin Shine Science and Technology Co. Ltd

B843

JingAo Solar Co. Ltd

Shanghai JA Solar Technology Co. Ltd

JA Solar Technology Yangzhou Co. Ltd

Hefei JA Solar Technology Co. Ltd

Shanghai JA Solar PV Technology Co. Ltd

B794

Jinko Solar Co. Ltd

Jinko Solar Import and Export Co. Ltd

ZHEJIANG JINKO SOLAR CO. LTD

ZHEJIANG JINKO SOLAR TRADING CO. LTD

B845

Jinzhou Yangguang Energy Co. Ltd

Jinzhou Huachang Photovoltaic Technology Co. Ltd

Jinzhou Jinmao Photovoltaic Technology Co. Ltd

Jinzhou Rixin Silicon Materials Co. Ltd

Jinzhou Youhua Silicon Materials Co. Ltd

B795

Juli New Energy Co. Ltd

B846

Jumao Photonic (Xiamen) Co. Ltd

B847

King-PV Technology Co. Ltd

B848

Kinve Solar Power Co. Ltd (Maanshan)

B849

Lightway Green New Energy Co. Ltd

Lightway Green New Energy(Zhuozhou) Co. Ltd

B851

MOTECH (SUZHOU) RENEWABLE ENERGY CO. LTD

B852

Nanjing Daqo New Energy Co. Ltd

B853

NICE SUN PV CO. LTD

LEVO SOLAR TECHNOLOGY CO. LTD

B854

Ningbo Huashun Solar Energy Technology Co. Ltd

B856

Ningbo Jinshi Solar Electrical Science & Technology Co. Ltd

B857

Ningbo Komaes Solar Technology Co. Ltd

B858

Ningbo Osda Solar Co. Ltd

B859

Ningbo Qixin Solar Electrical Appliance Co. Ltd

B860

Ningbo South New Energy Technology Co. Ltd

B861

Ningbo Sunbe Electric Ind Co. Ltd

B862

Ningbo Ulica Solar Science & Technology Co. Ltd

B863

Perfectenergy (Shanghai) Co. Ltd

B864

Perlight Solar Co. Ltd

B865

Phono Solar Technology Co. Ltd

Sumec Hardware & Tools Co. Ltd

B866

RISEN ENERGY CO. LTD

B868

SHANDONG LINUO PHOTOVOLTAIC HI-TECH CO. LTD

B869

SHANGHAI ALEX SOLAR ENERGY SCIENCE & TECHNOLOGY CO. LTD

SHANGHAI ALEX NEW ENERGY CO. LTD

B870

Shanghai BYD Co. Ltd

BYD(Shangluo)Industrial Co. Ltd

B871

Shanghai Chaori Solar Energy Science & Technology Co. Ltd

Shanghai Chaori International Trading Co. Ltd

B872

Propsolar (Zhejiang) New Energy Technology Co. Ltd

Shanghai Propsolar New Energy Co. Ltd

B873

SHANGHAI SHANGHONG ENERGY TECHNOLOGY CO. LTD

B874

SHANGHAI SOLAR ENERGY S&T CO. LTD

Shanghai Shenzhou New Energy Development Co. Ltd

Lianyungang Shenzhou New Energy Co. Ltd

B875

Shanghai ST Solar Co. Ltd

Jiangsu ST Solar Co. Ltd

B876

Shenzhen Sacred Industry Co.Ltd

B878

Shenzhen Topray Solar Co. Ltd

Shanxi Topray Solar Co. Ltd

Leshan Topray Cell Co. Ltd

B880

Sopray Energy Co. Ltd

Shanghai Sopray New Energy Co. Ltd

B881

SUN EARTH SOLAR POWER CO. LTD

NINGBO SUN EARTH SOLAR POWER CO. LTD

Ningbo Sun Earth Solar Energy Co. Ltd

B882

SUZHOU SHENGLONG PV-TECH CO. LTD

B883

TDG Holding Co. Ltd

B884

Tianwei New Energy Holdings Co. Ltd

Tianwei New Energy (Chengdu) PV Module Co. Ltd

Tianwei New Energy (Yangzhou) Co. Ltd

B885

Wenzhou Jingri Electrical and Mechanical Co. Ltd

B886

Shanghai Topsolar Green Energy Co. Ltd

B877

Shenzhen Sungold Solar Co. Ltd

B879

Wuhu Zhongfu PV Co. Ltd

B889

Wuxi Saijing Solar Co. Ltd

B890

Wuxi Shangpin Solar Energy Science and Technology Co. Ltd

B891

Wuxi Solar Innova PV Co. Ltd

B892

Wuxi Suntech Power Co. Ltd

Suntech Power Co. Ltd

Wuxi Sunshine Power Co. Ltd

Luoyang Suntech Power Co. Ltd

Zhenjiang Rietech New Energy Science Technology Co. Ltd

Zhenjiang Ren De New Energy Science Technology Co. Ltd

B796

Wuxi Taichang Electronic Co. Ltd

Wuxi Machinery & Equipment Import & Export Co. Ltd

Wuxi Taichen Machinery & Equipment Co. Ltd

B893

Xi'an Huanghe Photovoltaic Technology Co. Ltd

State-run Huanghe Machine-Building Factory Import and Export Corporation

Shanghai Huanghe Fengjia Photovoltaic Technology Co. Ltd

B896

Xi'an LONGi Silicon Materials Corp.

Wuxi LONGi Silicon Materials Co. Ltd

B897

Years Solar Co. Ltd

B898

Yingli Energy (China) Co. Ltd

Baoding Tianwei Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Hainan Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Hengshui Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Tianjin Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Lixian Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Baoding Jiasheng Photovoltaic Technology Co. Ltd

Beijing Tianneng Yingli New Energy Resources Co. Ltd

Yingli Energy (Beijing) Co. Ltd

B797

Yuhuan BLD Solar Technology Co. Ltd

Zhejiang BLD Solar Technology Co. Ltd

B899

Yuhuan Sinosola Science & Technology Co.Ltd

B900

Zhangjiagang City SEG PV Co. Ltd

B902

Zhejiang Fengsheng Electrical Co. Ltd

B903

Zhejiang Global Photovoltaic Technology Co. Ltd

B904

Zhejiang Heda Solar Technology Co. Ltd

B905

Zhejiang Jiutai New Energy Co. Ltd

Zhejiang Topoint Photovoltaic Co. Ltd

B906

Zhejiang Kingdom Solar Energy Technic Co. Ltd

B907

Zhejiang Koly Energy Co. Ltd

B908

Zhejiang Mega Solar Energy Co. Ltd

Zhejiang Fortune Photovoltaic Co. Ltd

B910

Zhejiang Shuqimeng Photovoltaic Technology Co. Ltd

B911

Zhejiang Shinew Photoelectronic Technology Co. Ltd

B912

Zhejiang Sunflower Light Energy Science & Technology Limited Liability Company

Zhejiang Yauchong Light Energy Science & Technology Co. Ltd

B914

Zhejiang Sunrupu New Energy Co. Ltd

B915

Zhejiang Tianming Solar Technology Co. Ltd

B916

Zhejiang Trunsun Solar Co. Ltd

Zhejiang Beyondsun PV Co. Ltd

B917

Zhejiang Wanxiang Solar Co. Ltd

WANXIANG IMPORT & EXPORT CO LTD

B918

Zhejiang Xiongtai Photovoltaic Technology Co. Ltd

B919

ZHEJIANG YUANZHONG SOLAR CO. LTD

B920

Zhongli Talesun Solar Co. Ltd

B922