12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2015

tal-11 ta' Novembru 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri biex jiġu eżaminati l-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbilità II) (1), u b'mod partikolari r-raba' sottoparagrafu tal-Artikolu 44(4a) tagħha,

Billi:

(1)

Il-valutazzjonijiet addizzjonali tal-adegwatezza tal-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 44(4a) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jikkostitwixxu attività kritika u importanti bħala parti mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju, peress li dawn inaqqsu r-riskji relatati mal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

(2)

L-aspetti proċedurali tal-valutazzjonijiet addizzjonali għandhom jiġu riflessi fil-politika dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, peress li l-valutazzjonijiet addizzjonali huma parti mis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju.

(3)

In-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-operat tal-impriżi ta' assigurazzjoni u ta' riassigurazzjoni għandhom jitqiesu meta dawn l-impriżi jinkludu l-aspetti proċedurali tal-valutazzjonijiet addizzjonali fil-politika tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riskju u jiddokumentaw ir-riżultati tal-valutazzjonijiet addizzjonali u l-mod li bih jitwettqu dawk il-valutazzjonijiet.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni.

(5)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1094/2010 (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Politika dwar il-ġestjoni tar-riskju

Għall-finijiet tal-eżami tal-adegwatezza tal-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu użati fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza permezz ta' valutazzjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 44(4a) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinkludu dawn li ġejjin fil-politika tagħhom dwar il-ġestjoni tar-riskju:

(a)

il-kamp ta' applikazzjoni u l-frekwenza tal-valutazzjonijiet addizzjonali;

(b)

il-mod li bih jitwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali, inklużi s-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati;

(c)

il-frekwenza tar-reviżjoni regolari tal-valutazzjonijiet addizzjonali u l-kundizzjonijiet li jeħtieġu analiżi ad hoc tal-valutazzjonijiet addizzjonali.

Artikolu 2

Kompiti tal-funzjoni ta' ġestjoni tar-riskju

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tkopri l-valutazzjonijiet addizzjonali f'konformità mal-politika tal-immaniġġjar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 1 u debitament iqisu r-riżultati tal-evalwazzjonijiet addizzjonali fil-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Artikolu 3

Informazzjoni użata għall-valutazzjonijiet addizzjonali

Meta jwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jużaw informazzjoni li tkun ġejja minn sorsi affidabbli li huma aġġornati.

Artikolu 4

Reviżjoni ta' valutazzjonijiet addizzjonali

1.   Skont l-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirrevedu l-valutazzjonijiet addizzjonali tagħhom mill-inqas kull sena.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jirrevedu wkoll il-valutazzjonijiet addizzjonali fuq bażi ad hoc, kull meta sseħħ xi waħda mill-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 1(c) jew jekk is-suppożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk l-evalwazzjonijiet ma jibqgħux validi.

Artikolu 5

Dokumentazzjoni

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiddokumentaw dawn li ġejjin:

(a)

il-mod li bih jitwettqu l-valutazzjonijiet addizzjonali u r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet;

(b)

kemm huma meqjusa r-riżultati tal-valutazzjonijiet addizzjonali fil-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).