12.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 295/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2012
tal-11 ta' Novembru 2015
li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri għad-deċiżjonijiet biex jiġu stabbiliti, ikkalkolati u mneħħija s-supplimentazzjonijiet kapitali skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(8) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/138/KE tipprovdi għall-possibbiltà li l-awtoritajiet superviżorji jistabbilixxu supplimentazzjoni kapitali għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-rijassigurazzjoni. Huwa neċessarju li jiġu pprovduti proċeduri għad-deċiżjonijiet biex jiġu stabbiliti, ikkalkulati u mneħħija s-supplimentazzjonijiet kapitali. |
(2) |
Sabiex tippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tipprovdi tagħrif u ġustifikazzjonijiet li jistgħu jtaffu jew jikkontestaw il-ħtieġa għal supplimentazzjoni kapitali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-istabbiliment tas-supplimentazzjoni kapitali, l-awtorità superviżorja għandha tagħti l-possibilità lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tipprovdi raġunijiet kontra l-istabbiliment ta' supplimentazzjoni kapitali. |
(3) |
Il-kooperazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni mal-awtorità superviżorja hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-supplimentazzjoni kapitali bħala miżura superviżorja. Sabiex tippermetti lill-awtorità superviżorja li tibbaża s-supplimentazzjoni kapitali fuq informazzjoni eżatta u aġġornata, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tikkalkula s-supplimentazzjoni kapitali fuq talba tal-awtorità superviżorja. |
(4) |
Sabiex l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollha l-possibilità li tirrimedja n-nuqqasijiet li wasslu biex tiġi mposta s-supplimentazzjoni kapitali, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tad-deċiżjoni li tiġi stabbilita supplimentazzjoni kapitali. |
(5) |
L-awtorità superviżorja u l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni m'għandhomx joqogħdu biss fuq ir-reviżjoni annwali tas-supplimentazzjoni kapitali, iżda għandhom jissorveljaw b'mod proattiv iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istabbiliment ta' supplimentazzjoni kapitali sabiex jieħdu miżuri adatti. Għal dan l-iskop, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha għalhekk tipprovdi lill-awtorità superviżorja b'rapporti ta' progress dwar ir-rimedjar tan-nuqqasijiet li wasslu biex tiġi mposta s-supplimentazzjoni kapitali. Huwa wkoll neċessarju li tiġi pprovduta l-proċedura tar-rieżami tad-deċiżjonijiet dwar supplimentazzjoni kapitali jekk ikun hemm bidla materjali fiċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istabbiliment tas-supplimentazzjoni kapitali. |
(6) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni. |
(7) |
L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Notifika qabel ma tiġi stabbilita supplimentazzjoni kapitali
1. L-awtorità superviżorja tinnotifika lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata bl-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi supplimentazzjoni kapitali u r-raġunijiet għall-ħolqien tas-supplimentazzjoni kapitali.
2. L-awtorità superviżorja tistabbilixxi data ta' skadenza sa meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tirrispondi għan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja tikkunsidra kull informazzjoni pprovduta mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-rijassigurazzjoni qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha.
Artikolu 2
Kalkolu ta' supplimentazzjoni kapitali
Jekk mitluba mill-awtorità superviżorja, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq il-kalkolu tas-supplimentazzjoni kapitali f'konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-awtorità superviżorja.
Artikolu 3
L-għoti ta' informazzjoni
1. L-awtorità superviżorja tista' titlob lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għat-teħid ta' deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta' supplimentazzjoni kapitali sa data ta' skadenza ffissata mill-awtorità superviżorja.
2. Meta tistabbilixxi l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja tagħti attenzjoni partikolari lill-probabbiltà u s-severità ta' kull impatt negattiv fuq detenturi ta' polza u benefiċjarji.
3. L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinnotifika minnufih lill-awtorità superviżorja jekk ma tkunx tista' tilħaq id-data ta' skadenza msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 4
Deċiżjoni li tiġi stabbilita supplimentazzjoni kapitali
1. L-awtorità superviżorja tinnotifika bil-miktub id-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi supplimentazzjoni kapitali lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.
2. Id-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja tkun dettaljata biżżejjed biex tippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tifhem liema miżuri jeħtieġ li tieħu jew liema nuqqasijiet jeħtieġ li tirranġa sabiex titneħħa s-supplimentazzjoni kapitali.
3. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tinkludi:
(a) |
ir-raġunijiet għaliex qed tiġi stabbilita s-supplimentazzjoni kapitali; |
(b) |
il-metodoloġija għall-kalkolu tas-supplimentazzjonijiet kapitali u l-ammont tas-supplimentazzjoni kapitali; |
(c) |
id-data minn meta s-supplimentazzjoni kapitali hija applikabbli; |
(d) |
fejn ikun rilevanti, id-data ta' skadenza sa meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tirrimedja n-nuqqasijiet li wasslu biex tiġi stabbilita s-supplimentazzjoni kapitali; |
(e) |
fejn hu rilevanti, il-kontenut u l-frekwenza ta' kull rapport ta' progress li għandu jiġi pprovdut skont l-Artikolu 5. |
Artikolu 5
Rapport ta' progress
Fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 37(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2009/138/KE u jekk mitluba mill-awtorità superviżorja, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tavża lill-awtorità superviżorja dwar il-progress li tkun għamlet biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet li wasslu għall-istabbiliment tas-supplimentazzjoni kapitali u x'azzjonijiet rilevanti ħadet.
Artikolu 6
Rieżami tas-supplimentazzjoni kapitali
1. L-awtorità superviżorja tagħmel rieżami tas-supplimentazzjoni kapitali mposta jekk ikun hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istabbiliment tas-supplimentazzjoni kapitali.
2. Wara r-rieżami tas-supplimentazzjoni kapitali imposta, l-awtorità superviżorja żżomm, tibdel jew tneħħi s-supplimentazzjoni kapitali.
Artikolu 7
Iż-żamma, bdil jew tneħħija tas-supplimentazzjoni kapitali
Meta tkun qed tikkunsidra jekk għandhiex iżżomm, tibdel jew tneħħi s-supplimentazzjoni kapitali, l-awtorità superviżorja tqis kull waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
informazzjoni ppreżentata mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul il-proċess tal-istabbiliment u l-kalkolu tas-supplimentazzjoni kapitali; |
(b) |
informazzjoni miksuba mill-awtorità superviżorja permezz tal-proċess ta' rieżami superviżorju u permezz ta' kull attività ta' kontroll sussegwenti; |
(c) |
informazzjoni mogħtija fir-rapport ta' progress jekk mitlub mill-awtorità superviżorja b'konformità mal-Artikolu 5; |
(d) |
kull informazzjoni rilevanti oħra li tindika bidla materjali fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-istabbiliment tas-supplimentazzjoni kapitali. |
Artikolu 8
Deċiżjoni li tiġi mibdula jew imneħħija s-supplimentazzjoni kapitali
1. L-awtorità ta' superviżjoni tinnotifika bil-miktub mingħajr dewmien id-deċiżjoni tagħha li tibdel jew tneħħi s-supplimentazzjoni kapitali u d-data effettiva ta' dik id-deċiżjoni lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.
2. Meta l-awtorità superviżorja tiddeċiedi li tibdel iż-żieda kapitali, hi tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 4(2) u (3).
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).