6.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1991

tal-5 ta' Novembru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta' programmi ta' appoġġ, kummerċ ma' pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 u l-Artikolu 145(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli dwar it-tul ta' żmien, il-ġestjoni u l-kontroll tal-iskema ta' awtorizzazzjonijiet għat-taħwil ta' dwieli li jieħdu post ir-reġim tranżizzjonali tad-dritt għat-taħwil stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2). Dan jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar il-ġestjoni u l-kontroll ta' dik l-iskema. Madankollu, skont l-Artikolu 230(1)(b)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-reġim tranżizzjonali tad-dritt għat-taħwil stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jibqa' japplika sal-31 ta' Diċembru 2015.

(2)

Il-Kapitolu II tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (3) jinkludi regoli dwar ir-reġim tranżizzjonali tad-dritt għat-taħwil u jispeċifika l-obbligi tal-komunikazzjoni tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-reġim. Fid-dawl tal-applikazzjoni tal-iskema ta' awtorizzazzjonijiet għat-taħwil ta' dwieli li se tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2016 u l-obbligi ta' notifika dwar dik l-iskema l-ġdida stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (4), jenħtieġ li jiġi speċifikat liema huma l-obbligi ta' komunikazzjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 555/2008 li se jibqgħu japplikaw fl-2016. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni kollha dwar l-implimentazzjoni tar-reġim tranżizzjonali tad-dritt għat-taħwil bejn l-1 ta' Awwissu 2014 u l-31 ta' Diċembru 2015 u biex sal-31 ta' Diċembru 2015 tkun infurmata bl-inventarju tad-drittijiet għat-taħwil għall-kontrollabbiltà tal-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ ukoll li jiġu emendati d-dati ta' referenza u li tiġi stabbilita d-data finali għal ċerti obbligi ta' komunikazzjoni.

(3)

L-Artikolu 61 u 65(5) tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jistabbilixxu dettalji dwar l-obbligi annwali ta' komunikazzjoni relatati mad-drittijiet il-ġodda ta' taħwil u mad-drittijiet ta' taħwil fir-riżervi. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu emendati biex jistabbilixxu l-iskadenza sa meta jridu jsiru l-komunikazzjonijiet għall-aħħar darba u l-perjodu ta' referenza li jrid jitqies għal dawk il-komunikazzjonijiet finali.

(4)

Skont l-Artikolu 230(1)(b)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1234/2007 dwar it-taħwil illegali jibqgħu japplikaw sakemm jinqalgħu d-dwieli mill-erjas ikkonċernati. Għalhekk, anke l-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 dwar it-taħwil illegali għandu jibqa' japplika wara l-1 ta' Jannar 2016 għal dak it-taħwil illegali identifikat qabel il-31 ta' Diċembru 2015 ladarba sa dik id-data jkunu għadhom ma nqalgħux id-dwieli u sakemm jinqalgħu d-dwieli minn dawk l-erjas. Madankollu, biex jiġu eliminati l-obbligi ta' komunikazzjoni li ma għadhomx rilevanti, u biex jiġu kkjarifikati l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu ma jkunux aktar obbligati li jippreżentaw komunikazzjonijiet annwali dwar it-taħwil illegali, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 555/2008.

(5)

Il-Kapitolu IV tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 555/2008 jinkludi regoli dwar l-inventarju u l-kejl tal-erja mħawla. L-Artikolu 74 jistabbilixxi dettalji dwar l-obbligi annwali ta' komunikazzjoni relatati mal-inventarju tal-erjas tal-vinikultura u tad-drittijiet ta' taħwil. Din id-dispożizzjoni trid tiġi emendata biex tistabbilixxi l-iskadenza sa meta jridu jsiru għall-aħħar darba l-komunikazzjonijiet dwar l-inventarju tad-drittijiet ta' taħwil u l-inventarju tal-varjetajiet ewlenin tal-għeneb tal-inbid, u d-data ta' referenza li trid titqies għal dawk il-komunikazzjonijiet finali. Biex tinkiseb l-informazzjoni dwar it-total ta' drittijiet ta' taħwil li wara l-1 ta' Jannar 2016 jistgħu jinbidlu f'awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dik id-data ta' referenza għandha tkun l-aħħar data ta' tħaddim tar-reġim ta' dritt għat-taħwil, jiġifieri l-31 ta' Diċembru 2015. Barra minn hekk, dawn il-komunikazzjonijiet finali ma għandhomx jinkludu l-informazzjoni dwar l-inventarju tal-erjas tal-vinikultura, peress li l-komunikazzjoni dwar dak is-suġġett se tinbidel mill-1 ta' Jannar 2016 bil-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/561.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 555/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 58 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 58

Komunikazzjonijiet

1.   Sal-1 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-erjas li għalihom tkun tħallset penali u l-ammont tal-penali li attwalment kienet imposta fil-formola indikata fit-Tabella 1 tal-Anness XIII. Dawn għandhom jikkomunikaw ukoll lill-Kummissjoni l-liġijiet tagħhom relatati ma' dawn il-penalitajiet.

Dan l-obbligu ma għandux japplika aktar għal dawk l-Istati Membri fejn ikunu diġà nqalgħu d-dwieli mħawla b'mod illegali.

2.   Bla ħsara għal dak indikat mod ieħor fit-tabelli rilevanti tal-Anness XIII ta' dan ir-Regolament, il-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 85c(3), l-Artikolu 188a(1) u l-Artikolu 188a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jirreferu għas-sena tal-inbid preċedenti.

Il-komunikazzjonijiet annwali għandhom isiru skont il-formoli indikati fit-Tabelli 3 u 7 tal-Anness XIII ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk, fil-komunikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jinkludux jew le d-dettalji relatati mar-reġjuni.”

(2)

L-Artikolu 61 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 61

Obbligi ta' komunikazzjoni tal-Istati Membri relatati ma' drittijiet ġodda ta' taħwil

Sal-1 ta' Marzu 2016, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar il-perjodu ta' bejn l-1 ta' Awwissu 2014 u l-31 ta' Diċembru 2015:

(a)

l-erjas totali li għalihom ikunu ngħataw drittijiet ġodda ta' taħwil skont kull wieħed mill-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 60; u

(b)

l-erja totali li għaliha jkunu ngħataw drittijiet ġodda ta' taħwil b'mod kumulattiv skont l-Artikolu 85h tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007; jekk Stat Membru juża d-deroga stipulata fl-Artikolu 60(6) ta' dan ir-Regolament, dan minflok għandu jikkomunika stima tal-erja totali kkonċernata, li għandha tkun imsejsa fuq ir-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq.

Il-komunikazzjoni għandha ssir bil-formola stabbilita fit-Tabella 8 tal-Anness XIII ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk fil-komunikazzjoni jinkludux jew le d-dettalji relatati mar-reġjuni.”

(3)

Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 65 jinbidel b'dan li ġej:

“5.   Sal-1 ta' Marzu 2016, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, permezz tal-formola stabbilita fit-Tabella 9 tal-Anness XIII, l-informazzjoni li ġejja dwar il-perjodu ta' bejn l-1 ta' Awwissu 2014 u l-31 ta' Diċembru 2015:

(a)

id-drittijiet ta' taħwil allokati lir-riżervi;

(b)

id-drittijiet ta' taħwil mogħtija mir-riżerva bi ħlas jew mingħajr ħlas.”

(4)

L-Artikolu 74 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 74

Inventarju

Id-dejta kkomunikata fl-inventarju sal-1 ta' Marzu 2016 skont l-Artikolu 145(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tirreferi għall-31 ta' Diċembru 2015.

Din għandha tinkludi l-informazzjoni speċifikata fit-Tabelli 15 u 16 tal-Anness XIII ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk fil-komunikazzjoni jinkludux jew le d-dettalji relatati mar-reġjuni.”

(5)

Titħassar it-Tabella 14 tal-Anness XIII.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta' programmi ta' appoġġ, kummerċ ma' pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid (ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 tas-7 ta' April 2015 li jistipula regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-iskema ta' awtorizzazzjonijiet għat-taħwil ta' dwieli (ĠU L 93, 9.4.2015, p. 12).