|
10.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/23 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1975
tat-8 ta' Lulju 2015
li jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(2)(c) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Istati Membri huma meħtieġa jirrappurtaw l-irregolaritajiet skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 (2). |
|
(2) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (3), (UE) Nru 223/2014 (4) u (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Biex jiġi żgurat li r-regoli identiċi japplikaw fir-rigward tal-fondi kollha regolati skont dawk ir-Regolamenti, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1974 (6), (UE) 2015/1976 (7) u (UE) 2015/1977 (8). |
|
(3) |
Sabiex ikun żgurat li ssir analiżi effiċjenti u jkun hemm ġestjoni kumplessiva ta' każijiet ta' irregolarità, l-Istati Membri huma meħtieġa jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi regolari u f'waqtha, l-informazzjoni rilevanti dwar l-irregolaritajiet misjuba. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-frekwenza u l-għamla tagħha. |
|
(4) |
Sabiex jiġi evitat li irregolarità jkollha riperkussjonijiet barra t-territorju tal-Istat Membru li jkun qed jirrapporta, dak l-Istat Membru għandu jirrapporta lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolarità ta' dak it-tip mingħajr dewmien. |
|
(5) |
Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu ta' mezzi elettroniċi għall-iskambju ta' informazzjoni filwaqt li l-iskambji jibqgħu jsiru b'sigurtà, l-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet (“IMS”) maħsuba apposta u prevista mill-pjattaforma tas-Sistema ta' Informazzjoni Kontra l-Frodi stabbilita mill-Kummissjoni. |
|
(6) |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li t-trasferiment tal-informazzjoni permezz tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet jitwettaq b'mod sigur li jiżgura d-disponibbiltà, l-integrità u l-awtentiċità tal-informazzjoni. |
|
(7) |
L-użu tal-euro bħala l-unika munita għar-rappurtar ta' irregolaritajiet huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-informazzjoni irrappurtata. Għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita tagħhom huwa meħtieġ li tiġi speċifikata r-rata tal-kambju li għandha tintuża biex l-ammonti kkonċernati jinqalbu f'euro u r-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-qlib tan-nefqa li ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f 'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli li ġie stabbilit bl-Artikolu 116 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1306/2013. |
|
(9) |
Minħabba li diġà saru l-pagamenti għall-fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu l-irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-frekwenza u l-għamla tal-ir-rappurtar ta' irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 2
Il-frekwenza tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet
1. Fi żmien xahrejn wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet xhur, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport inizjali dwar l-irregolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1971.
2. L-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni ir-rapport ta' segwitu msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 mill-aktar fis possibbli wara li jkunu kisbu l-informazzjoni rilevanti.
3. Stat Membru jirrapporta minnufih lill-Kummissjoni l-irregolaritajiet misjuba jew li suppost seħħew u jindika, fejn ikun meħtieġ, kull Stat Membru ieħor ikkonċernat, fejn l-irregolaritajiet jista' jkollhom riperkussjonijiet barra t-territorju tiegħu.
Artikolu 3
L-għamla tar-rapport
L-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1971 tintbagħat b'mezzi elettroniċi, bl-użu tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Irregolaritajiet.
Artikolu 4
Użu tal-euro
1. L-ammonti rrapportati mill-Istati Membri jiġu indikati f'euro.
2. L-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom sad-data li fiha jkun ippreżentat ir-rapport skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1971, jikkonvertu l-ammonti fil-munita nazzjonali għall-euro f'konformità mal-Artikolu 105 u l-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Fejn in-nefqa ma tkunx ġiet irreġistrata fil-kontijiet tal-aġenzija tal-pagamenti, tintuża l-aktar rata ta' skambju riċenti tal-kontabbiltà ta' kull xahar ippubblikata elettronikament mill-Kummissjoni fil-mument tal-irrappurtar inizjali.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(4) Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).
(5) Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).
(6) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1974 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi ll-frekwenza u l-format tar-rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill--Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 20 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1976 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ara l-paġna 26 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1977 tat-8 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi l-frekwenza u l-format ta' rappurtar ta' irregolaritajiet, skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward ta' pagamenti mill-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-kriżijiet (ara l-paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).