30.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/109


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1953

tad-29 ta' Ottubru 2015

li jimponi dazju definittiv tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti bi grani orjentati irrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament Bażiku”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri provviżorji

(1)

Fit-13 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju provviżorju tal-anti-dumping fuq ċerti prodotti bi grani orjentati rrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon (“GOES”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”), il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”), il-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) u l-Istati Uniti tal-Amerka (“USA”) (flimken, imsejħa “il-pajjiżi kkonċernati”) permezz tar-Regolament (UE) Nru 2015/763 (“ir-Regolament provviżorju”) (2).

(2)

Il-proċediment beda fl-14 ta' Awwissu 2014 wara lment imressaq fit-30 ta' Ġunju 2014 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER” jew “l-ilmentatur”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produtturi totali ta' GOES fl-Unjoni.

(3)

Kif stipulat fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-danni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   Proċedura Sussegwenti

(4)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (“d-divulgazzjoni provviżorja”), għadd ta' partijiet interessati ressqu sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw l-opportunità li jinstemgħu. Is-seduti ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali saru ma' produtturi esportaturi Ġappuniżi, JFE Steel Corporation u Nippon Steel & Sumitoma Metal Corporation.

(5)

Kif stipulat fil-premessi (27), (224) u (239) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Twettqu ħames żjarat addizzjonali ta' verifika wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fl-istabbilimenti tal-utenti li ġejjin fl-Unjoni Ewropea:

Siemens Aktiengesellschaft, München, il-Ġermanja

ABB AB, Brussels, il-Belġju

SGB-Smit Group, Regensburg, il-Ġermanja

Končar — Distribution and Special Transformers, Inc., Zagreb, il-Kroazja

Schneider Electric S.A., Metz, Franza

(6)

Barra minn hekk, saru tliet żjarat addizzjonali ta' verifika fil-bini tal-produtturi tal-Unjoni li ġejjin:

ThyssenKrupp Electrical Steel UGO SAS, Isbergues, Franza

ThyssenKrupp Electrical Steel GmbH, Gelsenkirchen, il-Ġermanja

Tata Steel UK Limited (Orb Electrical Steels), Newport, ir-Renju Unit

(7)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kien fi ħsiebha timponi l-miżuri tal-anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara din id-divulgazzjoni. Saret seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali ma' assoċjazzjoni tal-utenti.

(8)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati, u fejn xieraq, immodifikat is-sejbiet skont dan.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(9)

Kif stipulat fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat huma prodotti bi grani orjentati rrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon, li għandhom ħxuna ta' iżjed minn 0,16 mm li joriġinaw mir-RPĊ, il-Ġappun, il-Korea, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerka, li attwalment jaqagħu taħt il-kodiċi NM ex 7225 11 00 u ex 7226 11 00 (“il-prodott ikkonċernat”).

(10)

Xi partijiet interessati sostnew li l-prodott ikkonċernat, kif stabbilit fil-premessa (16) tar-Regolament provviżorju, u l-prodott simili mhumiex l-istess kif iddikjarat fil-premessa (22) tar-Regolament provviżorju billi ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u ma jintużawx għall-istess għanijiet. Tliet produtturi esportaturi, assoċjazzjoni ta' utenti u żewġ utenti individwali sostnew li l-permeabilità għolja u/jew tipi raffinati skont il-qasam tal-prodott ikkonċernat għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-investigazzjoni peress li dawn it-tipi jew mhumiex prodotti fi kwantitajiet suffiċjenti jew ma ġewx prodotti assolutament fl-Unjoni. Wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi speċifika li għandu jkun hemm tipi tal-prodott ikkonċernat b'telf massimu fil-qalba ta' 0,90 W/kg u inqas b'polarizzazzjoni manjetika ta' aktar minn 1,88 T. Produttur esportatur ieħor talab l-esklużjoni ta' tipi b'telf massimu fil-qalba ta' 0,95 W/kg u inqas minħabba s-sovrapożizzjoni kompetittiva limitata ma' prodotti offruti mill-industrija tal-Unjoni. Produttur esportatur ieħor argumenta li tipi tal-prodott ikkonċernat b'telf massimu fil-qalba ta' 0,90 W/kg 1,7T/50 Hz jew inqas u b'permeabbiltà (induzzjoni) ta' 1,88 T jew aktar kif ukoll tipi b'telf massimu fil-qalba ta' 1,05 W/kg 1,7T/50 Hz jew inqas u b'permeabbiltà (induzzjoni) ta' 1,91 T jew aktar għandhom jiġu esklużi. Barra minn hekk, utent argumenta li t-tipi tal-prodott ikkonċernat b'telf massimu fil-qalba ta' 0,80 W/kg 1,7T/50 Hz jew inqas kif ukoll it-tipi ta' storbju baxx B 800 fattur ta' 1,9 T jew aktar għandhom ikunu esklużi. Uħud minnhom argumentaw li t-tipi ta' prodotti bit-telf fil-qalba l-aktar baxx għandhom karatteristiċi u użi aħħarin sinifikattivament differenti, u għalhekk ma jinxtrawx mill-istess konsumaturi u ma jikkompetux ma' tipi oħrajn tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, utent ieħor argumenta li għandhom jitwettqu żewġ analiżijiet separati tad-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, utent ieħor talab l-irtirar tal-miżuri provviżorji, u, jekk dan ma jkunx possibbli, li għall-inqas it-tipi b'permeabilità għolja (jiġifieri tipi b'telf massimu fil-qalba ta' 0,90 W/kg u anqas) għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(11)

Wara d-divulgazzjoni finali, diversi partijiet interessati tennew l-istess talba. Utent argumenta li l-fatt li l-Kummissjoni stabbiliet prezzijiet minimi separati ta' importazzjoni għal tliet kategoriji differenti ta' GOES wera r-rilevanza li jiġu kkunsidrati l-kategoriji differenti separatament u għalhekk l-esklużjoni tkun ġustifikata.

(12)

Il-Kummissjoni qieset li l-prodott ikkonċernat, irrispettivament mit-telf fil-qalba jew mil-livelli ta' storbju, kemm jekk prodotti konvenzjonali jew b'permeabbiltà għolja, huma prodotti tal-azzar illigat irrumblati ċatti bi struttura bi grani orjentati li tippermetti li l-prodott jikkonduċi kamp manjetiku. Dan l-orjentament tal-grani jdejjaq il-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi tal-azzar sa stat ta' prodott uniku li jkollu struttura ta' grani kbira b'mod straordinarju. Għaldaqstant, id-definizzjoni tal-prodott tinkludi prodott definit sew. Instab ukoll li t-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat għandhom l-istess kimika u għandhom użu prinċipali wieħed, jiġifieri fil-produzzjoni ta' transformers. Barra minn hekk, hemm grad ta' interkambjabbiltà bejn it-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat.

(13)

Dwar l-argument li l-esklużjoni tkun iġġustifikata minħabba produzzjoni insuffiċjenti ta' xi tip partikolari tal-prodott ikkonċernat minn prodotturi tal-Unjoni, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li xejn fir-Regolament bażiku ma jirrikjedi li t-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat jiġu prodotti mill-industrija tal-Unjoni fuq skala kummerċjali. Barra minn hekk, diversi tipi ta' prodott b'permeabilità għolja ġew prodotti mill-industrija tal-Unjoni fl-IP. Kif imsemmi fil-premessa (131) hawn taħt, il-verifika wriet ukoll li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed jinvestu fil-produzzjoni tat-tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat li tippermettilhom iżidu l-produzzjoni ta' GOES b'permeabilità għolja. Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa (12), id-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott li qed jiġi investigat hija rregolata mill-karatteristiċi tekniċi ta' GOES. L-esklużjoni mitluba tista' tnaqqas il-livell ta' protezzjoni kontra dumping inġurjuż ulterjuri fir-rigward tat-tipi partikolari b'permeabilità għolja u b'hekk jipperpetwaw ir-rati ta' produzzjoni preżenti mill-industrija tal-Unjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li ċerti tipi ta' prodotti ta' GOES b'permeabilità għolja mhumiex prodotti mill-industrija tal-Unjoni mhuwiex biżżejjed bħala raġuni biex jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(14)

Dwar l-allegazzjoni li s-separazzjoni fi tliet kategoriji differenti ta' GOES (ara l-premessa (11)) uriet li l-esklużjoni hija ġġustifikata, huwa mfakkar li l-investigazzjoni tkopri l-prodott ikkonċernat kif definit fil-premessa (9) u għalhekk, saret analiżi komprensiva ta' dannu, analiżi tal-kawżalità u analiżi tal-interess tal-Unjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet id-differenzi fil-kwalità bejn it-tipi differenti ta' prodotti u li dawn id-differenzi fil-kwalità ġew ikkunsidrati fid-deċiżjoni dwar il-forma tal-miżuri fil-qafas tat-test tal-interess tal-Unjoni, kif spjegat hawn taħt fil-premessa (172), ma jistax ikun raġuni li jinbidel l-ambitu tal-miżuri.

(15)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ma laqgħetx it-talbiet intiżi sabiex jiġu esklużi dawn it-tipi ta' prodotti mill-ambitu tal-prodott. Madankollu, il-Kummissjoni qieset id-differenzi fil-kwalità għall-forma tal-miżura (ara l-premessa (172)).

(16)

Produttur esportatur Russu argumenta li minn naħa it-tipi esportati “tal-ewwel għażla” tal-prodott ikkonċernat (li kienu aktar ċatti u kellhom anqas truf iwweldjati) u min-naħa l-oħra it-tipi esportati tagħhom “tat-tieni” u “t-tielet” għażla (b'diversi difetti, għadd ta' truf iwweldjati u anqas ċatti) huma, skont il-prattika tal-Industrija Russa, mhux interkambjabbli bl-ebda mod (miż-żewġ naħat) u jikkostitwixxu prodotti differenti. Għalhekk, huma argumentaw li l-materjal “tat-tieni” u “tat-tielet għażla” tagħhom għandu jkun eskluż mill-ambitu tal-prodott.

(17)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Russu rrepeta d-dikjarazzjoni tiegħu u allega li t-tipi esportati “tat-tieni” u “t-tielet” għażla jistgħu jintużaw biss fl-industrija tat-transformers f'ċerti applikazzjonijiet limitati jekk ikunu pproċessati aktar fiċ-ċentri ta' servizzi tal-azzar u għalhekk għandhom jiġu esklużi.

(18)

Id-deskrizzjoni attwali u l-kodiċi NM tal-prodott ikkonċernat jinkludu potenzjalment varjetà wiesgħa ta' tipi mill-perspettiva tal-kwalità. Madankollu l-produzzjoni ta' prodott ta' kwalità aktar baxxa kemm mill-produtturi tal-Unjoni kif ukoll dawk esportaturi hija inerenti għall-proċess tal-produzzjoni u t-tipi ta' kwalità aktar baxxa huma magħmulin mill-istess materjal bażiku u fuq l-istess tagħmir tal-produzzjoni. It-tipi esportati hekk imsejħa “tat-tieni” u “t-tielet” għażla jinbiegħu wkoll għall-użu fin-negozju tat-transformers, u jissodisfaw bis-sħiħ id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Il-fatt li jkun hemm bżonn ipproċessar ulterjuri mhuwiex insolitu u ma jistax ikun raġuni biex jiġi eskluż tip ta' prodott. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

(19)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodott ikkonċernat prodott u mibjugħ fil-pajjiżi kkonċernati u dak prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni huma simili, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Il-premessi minn (16) sa (21) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

C.   ID-DUMPING

1.   Metodoloġija ġenerali

(20)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fuq il-metodoloġija ġenerali tal-Kummissjoni użata għall-kalkolu tad-dumping, il-premessi (33) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

2.   Ir-Repubblika tal-Korea

2.1.   Il-valur normali

(21)

Wara id-divulgazzjoni provviżorja, l-uniku produttur esportatur indika li l-imposti tal-kumpanija tal-merkanzija interna u l-immaniġġar kellhom jitnaqqsu mill-valur normali. Barra minn hekk, il-kost tal-konverżjoni minn koljaturi sħaħ għal koljaturi mifruqa kellu jiġi aġġustat bi ftit. Skont il-metodoloġija ġenerali kif stabbilit fil-premessa (56) tar-Regolament provviżorju, din it-talba ġiet aċċettata u l-kalkoli ġew emendati skont il-każ. Konsegwentement, is-sejbiet fil-premessa (46) tar-Regolament provviżorju huma emendati fir-rigward tal-produttur esportatur.

2.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(22)

Il-produttur esportatur sostna li kien jifforma entità ekonomika waħda mal-kumpaniji tal-kummerċ tiegħu u l-kumpaniji relatati tiegħu fl-Unjoni u għalhekk ma kien meħtieġ l-ebda aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku biex jiġi ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni.

(23)

Ma hemmx dubju li l-produttur esportatur u l-importaturi relatati jappartjenu għall-istess grupp ta' kumpaniji. Għalhekk, hu meqjus li teżisti assoċjazzjoni bejniethom. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-Kummissjoni trid taħdem il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. It-talba hija għalhekk irrifjutata u l-premessi (50) sa (54) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

2.3.   Paragun

(24)

Il-produttur esportatur iddikjara wkoll aġġustament kummerċjali taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku bl-argument li l-bejgħ domestiku sar min-negozjanti relatati lill-utenti finali filwaqt li l-bejgħ għall-esportazzjoni kien de facto kostruwit bħala prezz għad-distributuri minħabba li l-Kummissjoni naqqset l-SG&A u l-marġini tal-profitt għan-negozjanti relatati fl-Unjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(25)

Il-fatt li l-prezz tal-esportazzjoni ġie kostruwit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jfissirx li nbidel il-livell tal-kummerċ li fih ġie ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni. Il-bażi għall-prezz tal-esportazzjoni kostruwit jibqa' l-prezz iċċarġjat lill-utenti finali. F'dal każ ma hemmx bżonn livell ta' aġġustament tal-kummerċ peress li l-produttur esportatur kien qed ibigħ fl-istess livell ta' kummerċ kemm fis-suq domestiku u kemm fis-suq tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-produttur esportatur ma pprovda ebda evidenza li l-allegata differenza fil-livell tal-kummerċ affettwat il-kumparabbiltà tal-prezzijiet, kif muri bid-differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għad-diversi livelli tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. Pjuttost, huwa sempliċement allega li l-aġġustament għandu jkun daqs l-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku biex jiġi kostruwit il-prezz tal-esportazzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument ma ġiex aċċettat.

2.4.   Marġinijiet tad-dumping

(26)

Bħala riżultat tal-emendi li saru għall-valur normali skont il-premessa (21) ta' hawn fuq, il-marġnijiet definittivi ta' dumping għall-Korea huma emendati kif ġej:

Pajjiż

Il-kumpanija

Marġni ta' dumping definittiva

Ir-Repubblika tal-Korea

POSCO, Seoul

22,5 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

22,5 %

3.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

3.1.   Pajjiż analogu

(27)

Ma waslu l-ebda kummenti oħra dwar l-użu tar-Repubblika tal-Korea bħala pajjiż analogu. Il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet fil-premessi (65) sa (71) tar-Regolament Provviżorju.

3.2.   Il-valur normali

(28)

Il-valur normali għaż-żewġ produtturi esportaturi fir-RPĊ kien determinat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur normali maħdum fil-pajjiż analogu, f'dan il-każ fil-Korea, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bBażiku.

(29)

Il-valur normali tal-kumpaniji Ċiniżi ġie emendat skont l-emenda tal-valur normali stabbilit għall-Korea, kif spjegat fil-premessa (21) ta' hawn fuq.

3.3.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(30)

Fl-assenza ta' kummenti oħra dwar il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (73) u (74) tar-Regolament provviżorju, qegħdin jiġu kkonfermati.

3.4.   Paragun

(31)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-premessi minn (75) sa (78) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.5.   Marġinijiet tad-dumping

(32)

Fuq il-bażi tat-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni stabbiliet fil-premessa (80) tar-Regolament provviżorju li ż-żewġ produtturi esportaturi kienu relatati permezz ta' sjieda komuni. Għalhekk kien stabbilit b'mod provviżorju marġni tad-dumping uniku għaż-żewġ kumpaniji fuq il-bażi tal-medja ponderata tal-marġnijiet tad-dumping individwali tagħhom.

(33)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw (Baosteel u WISCO) ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittrattahom bħala kumpaniji relatati u li għalhekk għandhom dazju tad-dumping medju ponderat wieħed. Huma argumentaw li jikkompetu kemm fis-suq domestiku kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni.

(34)

Il-Kummissjoni ttenni li ż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw huma relatati permezz ta' sjieda statali komuni. Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ, dawn il-kumpaniji ftit għandhom interess li jikkoordinaw l-attivitajiet tal-esportazzjoni tagħhom wara l-impożizzjoni tal-miżuri minħabba l-fatt li, kif spjegat fid-dettall fil-premessi (175) u (176) hawn taħt, il-miżuri jikkonsistu f'dazju li jvarja bbażat fuq l-istess prezz minimu tal-importazzjoni għall-produtturi esportaturi kollha. Għaldaqstant fl-istadju definittiv il-Kummissjoni kkunsidrat li mhuwiex meħtieġ li wieħed jikkonkludi jekk iż-żewġ kumpaniji għandhomx jiġu ttrattati bħala entità waħda skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni, ġew stabbiliti għalhekk żewġ marġnijiet separati tad-dumping.

(35)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur argumenta li żewġ rati ta' dazju individwali għaż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jwasslu biex jiġu kkoordinati l-attivitajiet ta' esportazzjoni meta l-prezzijiet jaqgħu taħt il-prezz minimu tal-importazzjoni (PMI). Huma sostnew li għandha tiġi stabbilita rata waħda ta' dazju għat-tnejn. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta' dan il-każ, il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li l-prezzijiet x'aktarx jibqgħu 'l fuq mill-PMI fuq il-medda medja sa twila ta' żmien. Għaldaqstant, hija tqis ir-riskju ta' koordinazzjoni bejn iż-żewġ produtturi esportaturi bħala insinifikanti, u li l-possibbiltà ta' rieżami interim f'każ ta' bidla fiċ-ċirkustanzi hija mod aktar proporzjonat biex tindirizza dan ir-riskju. Għaldaqstant, dan l-argument ma ġiex aċċettat.

(36)

Il-livell ta' kooperazzjoni kien għoli peress li l-importazzjonijiet taż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxi 100 % tal-esportazzjoni totali mir-RPĊ lejn l-Unjoni matul il-PI. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi marġini tad-dumping madwar il-pajjiż kollu fil-livell tal-kumpoanija li kkooperat bl-ogħla marġini tad-dumping.

(37)

Fuq din il-bażi, il-marġini ta' dumping definittiv għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huma emendati kif ġej:

Pajjiż

Il-kumpanija

Marġni ta' dumping definittiva

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd., Shanghai

21,5 %

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan

54,9 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

54,9 %

4.   Il-Ġappun

4.1.   Il-valur normali

(38)

Fl-assenza ta' kummenti, id-determinazzjonali tal-valur normali kif stabbilit fil-premessi (84) u (85) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata.

4.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(39)

Fl-assenza ta' ċerti kummenti, id-determinazzjonali tal-prezz tal-esportazzjoni kif stabbilit fil-premessi (86) sa (88) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata.

4.3.   Paragun

(40)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-premessi minn (89) sa (92) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.4.   Marġinijiet tad-dumping

(41)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (93) sa (95) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.   Il-Federazzjoni Russa

5.1.   Il-valur normali

(42)

Il-produzzjoni kollha tal-prodott ikkonċernat fir-Russja kienet tinkludi GOES konvenzjonali u fis-suq tal-Unjoni kien jinbiegħu kwalitajiet kemm primi kif ukoll mhux primi. Il-produttur esportatur Russu sostna li aġġustament għall-valur normali għandu jsir biex jittieħed kont tal-fatt li kienu esportati gradi mhux primarji lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-gradi primarji.

(43)

Il-Kummissjoni kkonsidrat il-possibbiltà ta' aġġustamenti għall-valur normali tal-gradi mhux primarji. Għandu jiġi osservat li, kif mitlub mill-produttur esportatur, saret differenzjazzjoni fl-istadju provviżorju bejn il-gradi primarji u dawk mhux primarji ta' gradi fejn il-prezzijiet u l-ispejjeż ta' kull grad kienu separati sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust. Din id-differenzjazzjoni għall-iskop li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni għandha tibqa'.

(44)

Madankollu, mhuwiex iġġustifikat aġġustament tal-valur normali nnifsu f'termini ta' tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni ta' gradi mhux primarji. Aġġustament bħal dan ikun ifisser li proporzjon sostanzjali tal-ispejjeż ma għandux ikun allokat għall-prodott ikkonċernat waqt li kienu mġarrba b'rabta ma' dak il-prodott. Il-valur normali tat-tipi kollha tal-prodotti kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-dejta attwali sottomessa mill-produttur esportatur u verifikata fuq il-post. Il-Kummissjoni vverifikat it-tqassim tal-ispejjeż u ma hemm l-ebda raġuni biex tiġġustifika d-distribuzzjoni artifiċjali ta' dawn l-ispejjeż jew aġġustamenti oħra. Xi differenzi fil-prezzijiet bejn it-tipi ta' prodotti differenti huma neċessarjament meqjusa bħala valur normali huma ddeterminati skont it-tip ta' prodott. Għalhekk din id-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi milqugħha.

(45)

Il-kumpanija sostniet li d-differenzi f'marġni ta' dumping ta' bejn il-gradi primarji u mhux primarji juru dan il-punt. Madankollu, huwa pjuttost normali għal gruppi differenti ta' tipi ta' prodotti li jkollhom marġni differenti tad-dumping minn oħrajn. Differenza fil-marġni ta' dumping ma tistax tiġġustifika aġġustament tal-valur normali. Din id-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi milqugħha.

(46)

L-industrija tal-Unjoni ddikkjarat li l-Kummissjoni wettqet żball li ma għamlet l-ebda aġġustament fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Russi skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Hija sostniet ukoll li, anki jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-produtturi Russi jitolbu prezzijiet simili fi ħdan il-grupp meta mqabbla ma' dawk tal-bejgħ estern, il-mistoqsija hija jekk il-prezzijiet ta' tranżazzjoni fi ħdan il-grupp jirriflettux b'mod raġonevoli l-ispejjeż kollha assoċjati mal-prodott inkwistjoni. Il-Kummissjoni qabblet dawn il-prezzijiet mal-prezzijiet għal partijiet terzi u, fuq din il-bażi, stabbiliet li l-prezzijiet tax-xiri tal-materja prima miż-żewġ produtturi Russi relatati saru bil-prezzijiet tas-suq matul il-perjodu ta' investigazzjoni u għalhekk jirriflettu l-kostijiet normali tax-xiri. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelat ebda indikazzjoni li l-ispejjeż globali ma kinux riflessi fl-iffissar tal-prezzijiet. L-ebda aġġustament għalhekk ma kien meqjus neċessarju.

(47)

Fl-assenza ta' kummenti oħra dwar il-valur normali, il-premessi (98) u (99) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(48)

Produttur esportatur Russu sostna li l-esportazzjonijiet ta' materjal tat-tielet grad għandha tiġi eskluża mill-kalkolu tad-dumping. Madankollu, il-materjal tat-tielet grad huwa wkoll il-prodott ikkonċernat, ma hemmx bażi biex teskludi dawn il-prodotti. Għalhekk din id-dikjarazzjoni m'għandhiex tiġi milqugħha.

(49)

Il-produttur Russu ddikjara li l-aġġustamenti tal-qligħ u l-SGA tal-importatur relatat (Novex) mhumiex ġustifikati u indika li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikoli 2(8) u 2(9) tar-Regolament bażiku f'dan ir-rigward.

(50)

Il-produttur esportatur Russu argumenta li aġġustament għall-SGA u l-qligħ skont l-Artikolu 2(9) hu meħtieġ biss meta t-termini tal-bejgħ jirrikjedu li prodott ikun fornut bi ħlas tad-dazji. Min-naħa l-oħra, meta jinbiegħu l-prodotti bid-dazju mhux imħallas, japplika l-Artikolu 2(8), jiġifieri ma jkun ġustifikat ebda tnaqqis tal-SGA u l-profitt. Il-produttur esportatur iddikjara wkoll li Novex aġixxiet bħala “fergħa tal-esportazzjoni” tal-Grupp NLMK, Novex ma wettqitx funzjonijiet ta' importazzjoni u ma ġarrbitx spejjeż li “normalment jintrefgħu minn importatur”.

(51)

Madankollu, kif spjegat fir-Regolament provviżorju u kuntrarju għat-talbiet, l-investigazzjoni stabbiliet li Novex wettqet l-istess funzjonijiet tal-importazzjoni tal-bejgħ kollu tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Fil-fatt, Novex wettaq tali funzjonijiet għal firxa akbar ta' prodotti tal-azzar minn sempliċiment il-prodott ikkonċernat. L-inkotermi differenti (DDP, DAP jew CIF) ma jbiddlux il-fatt li Novex kienet qed topera bħala importatur relatat fis-suq tal-Unjoni għal kull tranżazzjoni. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li tista' tinvalida din il-konstatazzjoni. Huwa għalhekk ikkonfermat li l-aġġustamenti għall-SGA u l-profitt għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku.

(52)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Russu sostna t-talba tiegħu li l-aġġustament skont l-Artikolu 2(9) mhuwiex iġġustifikat għal bejgħ li sar fuq il-bażi DDU/DAP. Madankollu, ma tressqet l-ebda evidenza ġdida biex issostni din id-dikjarazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni l-fehma tagħha li l-bejgħ kollu għandu jiġi aġġustat skont l-Artikolu 2(9) minħabba li, kif spjegat fir-Regolament provviżorju, Novex kienet topera bħala importatur għat-tranżazzjonijiet kollha u l-prezzijiet minn produtturi esportaturi Russi lil Novex ma kinux affidabbli minħabba r-relazzjoni bejniethom.

(53)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (100) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

5.3.   Paragun

(54)

Fl-assenza ta' kummenti oħra dwar it-tqabbil, il-premessi (101) u (102) tar-Regolament provviżorju, qegħdin jiġu kkonfermati.

5.4.   Marġinijiet tad-dumping

(55)

Billi ma kien hemm l-ebda kumment ieħor fir-rigward tal-marġni tad-dumping, il-premessi (103)-(105) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.   L-Istati Uniti tal-Amerka

6.1.   Il-valur normali

(56)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tal-valur normali fl-Istati Uniti tal-Amerika, is-sejbiet fil-premessa (107) tar-Regolament provviżorju huma b'dan ikkonfermati.

6.2.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(57)

Fl-assenza ta' ċerti kummenti, id-determinazzjonali tal-prezz tal-esportazzjoni kif stabbilit fil-premessi (108) sa (111) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata.

6.3.   Paragun

(58)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tat-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (112) u (113) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.4.   Marġinijiet tad-dumping

(59)

Ma sar l-ebda kumment dwar is-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni fir-rigward tal-produttur esportatur li kkoopera. Għalhekk, il-marġni ta' dumping, kif stipulat fil-premessi (114) sa (116) tar-Regolament provviżorju huwa kkonfermat.

7.   Il-marġnijiet ta' dumping rigward il-pajjiżi kollha kkonċernati

(60)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-marġni ta' dumping definittivi espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera tal-Unjoni CIF, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Pajjiż

Il-kumpanija

Marġni ta' dumping definittiva

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd., Shanghai

21,5 %

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan

54,9 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

54,9 %

Il-Ġappun

JFE Steel Corporation, Tokyo

47,1 %

Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo

52,2 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

52,2 %

Ir-Repubblika tal-Korea

POSCO, Seoul

22,5 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

22,5 %

Il-Federazzjoni Russa

OJSC Novolipetsk Steel, Lipetsk; VIZ STAL, Ekaterinburg

29,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

29,0 %

L-Istati Uniti

AK Steel Corporation, Ohio

60,1 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

60,1 %

D.   DANNU

1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(61)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi (117) sa (118) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

2.   Konsum tal-Unjoni

(62)

Produttur esportatur Ġappuniż sostna li l-użu ta' meded għad-dejta tal-konsum tal-Unjoni mhux addattat għaliex id-dejta tal-konsum tal-Unjoni m'għandhiex tinżamm kunfidenzjali bħala kwistjoni ta' prinċipju.

(63)

Kif stabbilit fil-premessa (134) tar-Regolament provviżorju, l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat Ġappuniż fin-Netherlands kienu rrapportati taħt Kodiċi NM kunfidenzjali matul il-perjodu kunsidrat. Kienu użati firxiet biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-dejta pprovduta mill-partijiet interessati. Kieku ġew provduti ċifri preċiżi minflok firxiet għad-dejta tal-konsum tal-Unjoni dan kien jippermetti lil produttur esportatur Ġappuniż li jikkalkula bl-eżatt l-importazzjonijiet mill-produttur esportatur Ġappuniż l-ieħor. Barra minn hekk, il-meded li ntużaw fir-Regolament provviżorju pprovdew lill-partijiet b'informazzjoni utli. Barra minn hekk, l-indiċijiet għall-firxiet tal-konsum tal-Unjoni jippermettu fehim tajjeb tax-xejriet tal-konsum tal-Unjoni.

(64)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stipulati fil-premessi (119) sa (124) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

3.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(65)

Żewġ produtturi esportaturi argumentaw li l-valutazzjonikumulattiva tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi rispettivi tagħhom meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi kkonċernati oħra ma kinetx iġġustifikata: Wieħed mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi argumenta li huma qed jesportaw biss tipi ta' kwalità għolja tal-prodott ikkonċernat u minħabba li l-esportazzjonijiet qed jonqsu, mhumiex qed jeżerċitaw xi tip ta' pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. Produttur esportatur Amerikan argumenta li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti naqsu b'400 % matul il-perjodu kkunsidrat u li hu minn dejjem iffissa l-prezzijiet f'livelli ferm ogħla minn dawk ta' produtturi oħrajn. Barra minn hekk, utent argumenta li tali valutazzjoni kumulattiva mhix addattata minħabba t-tnaqqis fl-importazzjonijiet u d-differenza fl-imġiba tal-prezz, apparti l-fatt li xi produttur esportatur partikolari qed ibigħ tipi tal-prodott ikkonċernat li l-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi oħra tal-pajjiżi kkonċernati ma jbigħux.

(66)

Kif stabbilit fil-premessa (132) tar-Regolament provviżorju, ġie rikonoxxut li kien hemm tnaqqis ta' importazzjonijiet mill-Ġappun u l-Istati Uniti matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, dawn l-importazzjonijiet ikkontribwixxew ukoll pressjoni fuq il-prezzijiet għall-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-Ġappun u l-Istati Uniti nstab li kienu soġġetti għal dumping u l-prodotti tagħhom jidher ċar li kienu f'kompetizzjoni diretta mal-prodotti tal-Unjoni u l-prodotti minn produtturi esportaturi oħra. It-tipi kollha tal-prodott ikkonċernat, inklużi t-tipi mibjugħin mill-produtturi esportaturi Ġappuniżi u Amerkani, jinbiegħu għall-użu fil-produzzjoni tal-qalba tat-transformers u jinbiegħu lill-istess grupp ta' konsumaturi relattivament limitat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għal dekumulazzjoni.

(67)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Amerikan tenna t-talba tiegħu għad-dekumulazzjoni u allega li t-tipi tal-prodott ikkonċernat tiegħu ma jikkompetux mal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni minħabba li dawn huma mibjugħa fis-suq tal-Unjoni biss bħala riżultat tal-kwalità għolja tagħhom meta mqabbla mat-tipi ta' prodotti tal-industrija tal-Unjoni.

(68)

Minbarra l-argumenti mressqa fil-premessa (66) ta' hawn fuq dwar l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti b'mod ġenerali, għandu jissemma' li xorta waħda ssir valutazzjoni kumulattiva fuq il-bażi tal-pajjiż kollu fir-rigward tal-ambitu sħiħ tal-prodott ikkonċernat aktar milli fuq bażi ta' kumpaniji speċifiċi u din tieħu biss inkunsiderazzjoni ċerti tipi tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk it-talba kienet miċħuda.

(69)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(4) intlaħqu u għalhekk l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienu eżaminati b'mod kumulattiv għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-dannu. B'hekk, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (125) sa (132) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.2.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(70)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (133) sa (136) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqigħ tal-prezz

(71)

Fid-dawl tan-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (137) sa (148) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.1.   Rimarki ġenerali

(72)

Produttur esportatur Korean qal li l-indikaturi ta' dannu ewlenin huma distorti, peress li dawn ma jqisux biżżejjed it-taħlita tal-prodott li qed jevolvi, li jwassal għat-tnaqqis tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili matul il-perjodu kkunsidrat. Dan il-produttur esportatur argumenta li, sabiex ikun hemm stampa vera u ġusta, dejta għandha tiġi mitluba mill-industrija tal-Unjoni li tipprovdi l-produzzjoni fit-tul, jew f'termini reali jew għall-inqas billi jinbnew it-tulijiet manifatturati bbażati fuq it-taħlita tal-prodott.

(73)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-produttur esportatur ma pprovdiex dejta li turi li l-approċċ ibbażat fuq it-tul kien jibdel xi fatturi tad-dannu. Barra minn hekk, it-tunnellaġġ huwa kejl standard tal-kwantità li jintuża għall-prodott ikkonċernat u għall-prodott simili b'rabta mal-produzzjoni, l-akkwist u l-bejgħ tiegħu. Id-dejta tal-Eurostat fuq il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili hija wkoll espressa f'tunnellaġġ. Għaldaqstant, l-analiżi tat-tunnellaġġ kien meqjus bħala metodu preċiż u l-argument ta' din il-parti interessata huwa miċħud.

(74)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ġiet ippreżentata istampa indikattiva ġusta permezz tal-użu tal-indikaturi tad-dannu tagħha.

4.2.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(75)

L-istess parti interessata u utent argumentaw li xi sejbiet tal-Kummissjoni fir-Regolament provviżorju kienu kontradittorji. Kif stipulat fil-premessi (220) u (222) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat, minn naħa waħda, li l-industrija tal-Unjoni qed tmexxi l-produzzjoni tagħha minn tipi tal-prodott simili konvenzjonali għal wieħed b'permeabilità għolja. Min-naħa l-oħra, kif muri fit-tabella fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju, il-kapaċità ta' produzzjoni żdiedet matul il-perjodu kkunsidrat (minn 486 600 tunnellata għal 492 650 tunnellata). Skont dawn il-partijiet interessati, huwa ġeneralment magħruf li żieda fl-enfasi fuq prodotti irqaq (permeabilità għolja) awtomatikament twassal għal tnaqqis fil-kapaċità tal-produzzjoni.

(76)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-argumenti. L-ewwel nett, iż-żieda fil-kapaċità kienet prinċipalment ir-riżultat ta' żieda fil-kapaċità minn wieħed mill-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Dan il-produttur tal-Unjoni kien qed jipproduċi biss tipi konvenzjonali tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-premessa (222) tar-Regolament provviżorju tirreferi prinċipalment għall-futur, mhux biss għall-perijodu kkunsidrat. Din id-dikjarazzjoni hija sostnuta b'referenza fil-premessa (196) tar-Regolament provviżorju, fejn hemm iddikjarat li “il-produtturi tal-Unjoni se jaqilbu għal taħlita tal-prodott li jitlef anqas fil-qalba.”

(77)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (150) sa (154) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.3.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(78)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (155) sa (158) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.4.   Indikaturi oħra tad-dannu

(79)

Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu l-oħrajn, li jkopru l-perjodu kkunsidrat, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi (159) sa (174) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(80)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjoni dwar id-dannu t'hawn taħt intlaħqet fuq il-bażi tad-dejta tal-PI. Il-ġbir u l-verifika tad-dejta ta' wara l-IP, min-naħa l-oħra, saret fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni (ara wkoll il-premessi (110) sa (111)). It-tabella fil-premessa (170) tar-Regolament provviżorju wriet rekord ta' telf kbir u flussi ta' flus negattivi mis-sena 2012 'il quddiem. Il-konklużjoni ta' hawn taħt li l-industrija tal-Unjoni kienet f'sitwazzjoni ta' dannu matul il-PI, hija għalhekk ikkonfermata.

(81)

Anki jekk id-dejta ta' wara l-IP kienet ikkunsidrata għal xi fatturi ta' dannu, b'mod partikolari l-profitti żgħar li saru fil-perjodu Jannar — Mejju 2015, dan ma jaffettwax il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni tinsab f'qagħda ta' dannu.

(82)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi (175) sa (179) tar-Regolament provviżorju li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali matul il-perjodu kkunsidrat skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku kienu kkonfermati.

E.   KAWŻALITÀ

5.   Effett tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping

(83)

Bosta partijiet iddikjaraw li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma setgħux ikkawżaw id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, prinċipalment minħabba li hemm nuqqas ta' twaqqigħ tal-prezz. Barra minn hekk, ġie sostnut li l-produtturi tal-Unjoni f'bosta każijiet huma stess kienu qed jibdew u jkunu minn ta' quddiem fit-tnaqqis fil-prezzijiet, kemm fl-Unjoni u fi swieq oħra kbar. Produttur esportatur Ġappuniż żied li ma jkun hemm ebda żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-importazzjonijiet ma jiddeprimux jew ma jrażżnux il-prezzijiet sa grad sinifikanti. Bħala riżultat, dawn l-importazzjonijiet ma setgħux ikkawżaw id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba li ma setax kellhom pressjoni fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. Wara d-divulgazzjoni finali, produttur esportatur Ġappuniż sostna li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li dawn l-importazzjonijiet iddeprimew il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni sa livell sinjifikanti m'huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-importazzjonijiet ikkawżaw tnaqqis fil-prezz. Il-konklużjoni li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet sempliċement turi tendenza globali, li ma timplikax li l-importazzjonijiet ikkawżaw tnaqqis fil-prezz fis-suq tal-Unjoni.

(84)

Kien argumentat ukoll li l-Kummissjoni għandha tikkwantifika d-dannu attwali kkawżat mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping u d-dannu kkawżat minn fatturi magħrufa oħra, u l-livell ta' dazju ma jistax ikun ogħla minn dak meħtieġ biex ikun eliminat id-dannu esklużivament ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Dawn il-kummenti kienu rripetuti wara d-divulgazzjoni finali.

(85)

L-allegazzjonijiet li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ma setgħux ikkawżaw id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ma kinux sostnuti mill-fatti tal-investigazzjoni. Kif deskritt fil-premessi (137) sa (164) tar-Regolament provviżorju, it-tnaqqis fil-prezz medju ta' unità ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping kien madwar 30 % matul il-perjodu kkunsidrat. Bħala riżultat, dawn l-importazzjonijiet baxxew il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni sa grad sinifikanti, li anki ġiegħel lill-produtturi tal-Unjoni sabiex inaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom ferm taħt il-kost sabiex jiġu allinjati mal-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, hemm koinċidenza stabbilita b'mod ċar fiż-żmien bejn, minn naħa waħda, il-livell tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet dejjem jonqsu u, min-naħa l-oħra, it-telf tal-volum tal-bejgħ u d-dipressjoni fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni li rriżultaw f'sitwazzjoni ta' telf, kif stabbilit fil-premessi (181) sa (183) tar-Regolament Provviżorju.

(86)

L-allegazzjoni li t-tnaqqis fil-prezzijiet sempliċement juri tendenza globali hija miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin: L-ewwel nett, ma jeżistix prezz tas-suq dinji wieħed għall-prodott ikkonċernat, kif huwa l-każ ta' ċerti prodotti. It-tieni, is-sejbiet dwar id-dumping wera marġnijiet ta' dumping differenti li juru li l-livelli tal-prezzijiet huma differenti fi swieq differenti. It-tielet, l-investigazzjoni wriet li l-livelli tal-prezzijiet u ż-żidiet stmati fil-prezzijiet f'reġjuni differenti tad-dinja (għal 2014 sal-ewwel kwart tal- 2015), mhux qed jimxu bl-istess pass. Ir-raba', anki jekk ikun hemm indikazzjonijiet li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet f'diversi reġjuni tad-dinja matul il-perjodu ta' investigazzjoni, tnaqqis bħal dan ivarja minn reġjun għal ieħor, fejn b'mod partikolari l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, li huwa suq miftuħ, kif stabbilit fil-premessa (85) hawn taħt, naqsu b'mod drastiku.

(87)

Anki fin-nuqqas ta' twaqqigħ, li ġie rikonoxxut fir-Regolament provviżorju, il-produtturi tal-Unjoni ma kinux f'pożizzjoni li jistabbilixxu l-prezzijiet tagħhom 'il fuq mill-ispejjeż tagħhom li wassal għal telf kbir matul il-perjodu kkunsidrat. In-nuqqas tat-twaqqigħ, li hu biss wieħed mill-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi tad-dannu, ma jfissirx li l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping ma setgħux ikkawżaw dannu. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu r-riżultat ta' dipressjoni qawwija fil-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet baxxi. Mingħajr tali pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet, ma kien hemm l-ebda raġuni għall-industrija tal-Unjoni biex tbaxxi l-prezzijiet tagħha għal livelli baxxi bħal dawn. Il-produtturi tal-Unjoni ma kellhomx għażla ħlief li jbigħu bi prezzijiet iżjed baxxi mill-ispejjeż tagħhom sabiex jiddefendu s-sehem tas-suq tagħhom u jżommu livell ta' produzzjoni ekonomiku minħabba l-pressjoni kbira eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Għalhekk, dawn l-argumenti mhumiex milqugħa. Barra minn hekk, dwar l-argument li l-Kummissjoni għandha tikkwantifika d-dannu reali kkawżat mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping u d-dannu kkawżat minn fatturi magħrufa oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li, kif diġà stipulat fil-premessa (201) tar-Regolament provviżorju, il-fatturi l-oħra kollha, anke jekk jiġi kkunsidrat l-effett magħqud tagħhom, ma nstabux li jiksru r-rabta kawżali bejn id-dannu u l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping.

(88)

Rigward il-prezzijiet u l-iffissar tal-prezzijiet matul il-perjodu kkunsidrat, produttur esportatur Ċiniż sostna li l-industrija tal-Unjoni bdiet it-tnaqqis fil-prezzijiet fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Utent argumenta wkoll li kompetizzjoni intensiva fil-prezzijiet kienet pjuttost l-effett dirett tal-fatt li l-Unjoni u l-produtturi esportaturi ippruvaw iżommu jew iżidu l-volumi quddiem domanda li dejjem qed tiċkien.

(89)

Kif stipulat fil-premessa (158) tar-Regolament provviżorju, dawn l-argumenti huma miċħuda. L-ewwel nett, ma hemm l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni bdiet it-tnaqqis fil-prezzijiet. It-tieni, ma kienx jagħmel sens ekonomiku għall-industrija tal-Unjoni li tibda tbigħ il-prodotti b'telf kbir sakemm ma kinetx sfurzata tagħmel hekk. Fl-aħħar ta' min wieħed jiftakar li hemm koinċidenza ċara fiż-żmien bejn il-livell tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping bi prezzijiet dejjem jonqsu u t-telf tal-volum tal-bejgħ u d-dipressjoni fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni li rriżultaw f'sitwazzjoni ta' telf għall-produtturi tal-Unjoni.

(90)

Barra minn hekk, l-esportatur produttur Ċiniż sostna li huwa diffiċli li wieħed jara kif prezzijiet ogħla, mitluba mill-produtturi esportaturi, jistgħu jikkawżaw dipressjoni fil-prezzijiet. Produttur Ġappuniż argumenta li l-Kummissjoni ma turi l-ebda korrelazzjoni bejn it-tnaqqis fil-prezz fl-Unjoni u l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiżi kkonċernati. Utent qajjem dubju dwar il-validità tal-argumenti prinċipali tal-Kummissjoni peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' twaqqigħ tal-prezz. Fl-istess kuntest, utent għamel kumment li l-kapaċità ta' produttur li jsostni ġlieda tal-prezzijiet fuq perjodu twil ta' żmien tiddependi minn numru ta' fatturi, bħalma huma l-effiċjenza, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità tal-prodott, minbarra d-daqs, is-saħħa u l-istrateġija tal-grupp li l-produttur jappartjeni għalih.

(91)

L-argumenti tal-partijiet interessati huma miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin. Minbarra l-kummenti magħmula fil-premessa (87), l-istrateġiji aggressivi tal-prezzijiet b'mod partikolari fis-suq tal-Unjoni jistgħu jiġu sostnuti aktar mill-produtturi esportaturi milli mill-produtturi tal-Unjoni għar-raġuni li ġejja: is-sehem mis-suq tal-produtturi esportaturi fis-swieq domestiċi tagħhom huwa ħafna ogħla mis-sehem tas-suq tal-produtturi tal-Unjoni fl-Unjoni. Is-suq tal-Unjoni huwa wkoll suq miftuħ filwaqt li s-swieq domestiċi tal-produtturi esportaturi tal-pajjiżi kkonċernati ma jistgħux jiġu ppenetrati faċilment minn kompetituri oħra, inklużi produtturi mill-Unjoni. Bħala riżultat tal-kapaċità żejda fuq is-suq dinji minħabba n-negozju li kien qiegħed jiffjorixxi matul is-snin 2003-2010, ix-xena aggressiva tal-prezzijiet bejn il-produtturi tal-Unjoni u dawk esportaturi f'kompetizzjoni bdiet matul il-perjodu kkunsidrat. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnutat li l-produtturi esportaturi kollha minbarra wieħed irrappurtaw kapaċità ta' produzzjoni ogħla mill-produzzjoni attwali fil-PI. Fl-aħħar, dwar il-korrelazzjoni bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet fl-Unjoni u l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat, hemm korrelazzjoni diretta fir-rigward tat-tnaqqis fil-prezzijiet, għalkemm mhux sal-istess punt f'dak li jirrigwarda l-volum.

(92)

Għar-raġunijiet kollha ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li, kif diġà stipulat fil-premessa (145) tar-Regolament provviżorju, id-dannu huwa partikolarment muri bil-limitazzjonijiet esperjenzati mill-produtturi tal-Unjoni minħabba l-pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet eżerċitata fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom. Din il-pressjoni sfurzathom ibigħu bi prezzijiet inqas mill-kostijiet biex jiddefendu s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni, li ppermettielhom li jżommu livell sostenibbli ta' produzzjoni.

(93)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra fir-rigward tal-effetti tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi (181) sa (183) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.   Effett ta' fatturi oħrajn

6.1.   Il-kriżi finanzjarja

(94)

Parti interessata allegat li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa (185) tar-Regolament provviżorju, l-industrija tal-Unjoni kellha prestazzjoni dgħajfa matul il-perjodu kkunsidrat, b'mod partikolari minn tnaqqis fid-domanda għal tipi konvenzjonali tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Parti interessata oħra ddikjarat li t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni b'madwar 11 % huwa element kruċjali għaliex l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali minħabba l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi. Din il-parti interessata argumentat li t-tendenza fil-mudell tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni f'termini ta' volum ta' bejgħ issegwi preċiżament l-istess triq bħat-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni u għalhekk huwa l-aktar element kruċjali għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(95)

Kif rikonoxxut fil-premessi (121) u (156) tar-Regolament provviżorju, fil-fatt kien hemm żvilupp simili tal-konsum tal-Unjoni u l-prestazzjoni tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, anke jekk it-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ftit ogħla mit-tnaqqis fil-konsum. Madankollu, kif imsemmi qabel, il-fattur kruċjali għad-determinazzjoni tad-dannu huwa li l-produtturi tal-Unjoni kienu mġiegħla jbigħu bi prezzijiet anqas mill-kostijiet. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tal-parti interessata f'dan ir-rigward m'għandhomx jintlaqgħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kriżi ekonomika kkawżat tnaqqis tad-domanda fl-Unjoni kif rikonoxxut fil-premessa (184) tar-Regolament provviżorju iżda dan mhuwiex il-kawża tad-dannu. F'dan ir-rigward, filwaqt li l-konsum fl-Unjoni waqa' bejn l-2011 u l-2012, il-konsum fl-2012 kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħal dak fl-2010. Madankollu, fl-2010, l-industrija tal-Unjoni kellha profitt ta' 14 %, filwaqt li rreġistrat telf ta' kważi 10 % fl-2012. Bħala riżultat, anke jekk il-kriżi ekonomika tat kontribut għad-dannu, ma setax jiġi konkluż li kienet se tinkser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(96)

Il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi (184) u (185) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.2.   Il-produtturi tal-Unjoni mhumiex kompetittivi biżżejjed

(97)

Il-produttur esportatur Ċiniż allega li hemm ħafna fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping li jispjegaw l-isfidi tal-produtturi tal-Unjoni, bħal prezzijiet għoljin tal-materja prima, kummerċ tal-kwoti tas-CO2 u, forsi l-aktar importanti, l-inċertezzi ekonomiċi u l-livelli tal-konsum imnaqqsa drastikament, b'mod partikulari fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

(98)

Jista' jkun hemm żvantaġġ komparattiv għall-produtturi tal-Unjoni jekk ħafna fatturi oħrajn (inklużi prezzijiet għoljin tal-materja prima, eċċ) jitqabblu ma' dawk ta' ċertu produtturi esportaturi, bħal fir-Russja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerka.

(99)

Madankollu, dawn l-argumenti ma jagħtux spjegazzjoni suffiċjenti għaliex l-industrija tal-Unjoni xorta rnexxielha tikseb profitti ta' madwar 14 % fl-2010 u fis-snin ta' qabel, meta wieħed iqis li dan l-iżvantaġġ komparattiv f'termini ta' spejjeż kien l-istess fl-2010 u fis-snin ta' qabel.

(100)

Għalhekk, din id-dikjarazzjoni mhix qed tiġi aċċettata.

6.3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(101)

Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi (189) u (190) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.4.   Il-prestazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(102)

Żewġ produtturi esportaturi sostnew li d-dejta dwar l-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni tikkostitwixxi evidenza tal-politika aggressiva tagħhom ta' pprezzar, peress li dawn il-prezzijiet huma, b'mod sinifikanti taħt il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u saħansitra inqas mill-prezz tal-kost. Produttur esportatur ieħor argumenta li l-Kummissjoni suppost tissepara u tiddistingwi l-effetti dannużi tal-kriżi ekonomika u l-prestazzjoni tal-bejgħ tal-esportazzjoni batuta tal-industrija tal-Unjoni. Utent ieħor argumenta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni ġiet miżmuma f'livell għoli, u ma kenitx deċiżiva għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni, ma hijex sostnuta mid-dejta minħabba li l-bejgħ għall-esportazzjoni naqas bi 22,7 % filwaqt il-bejgħ domestiku żdied bi 11 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(103)

Dawn id-dikjarazzjonijiet kienu miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin. L-inqas prezz tal-esportazzjoni tal-bejgħ għal kull unità mitlub mill-produtturi tal-Unjoni meta mqabbel ma' dik fis-suq tal-Unjoni għandu jitqies fid-dawl tal-fatt li dan jinkludi proporzjon kbir ta' GOES tat-tieni kwalità li huwa prinċipalment esportat u mibjugħ bi skont. Barra minn hekk, diġà ġie rikonoxxut fil-premessa (193) tar-Regolament provviżorju li l-andament tal-esportazzjoni kkontribwixxa għad-dannu, iżda ma kisirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(104)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward l-effett tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijet stabbiliti fil-premessi (191) sa (193) huma kkonfermati.

6.5.   Il-kapaċità żejda tal-industrija tal-Unjoni

(105)

Parti oħra interessata semmiet li l-industrija tal-Unjoni ssofri minn kapaċità żejda massiva, u li t-tnaqqis fil-volumi tal-produzzjoni mill-produtturi tal-Unjoni huwa dovut l-aktar għat-tnaqqis fil-livelli tal-konsum fl-Unjoni u t-tnaqqis qawwi fil-volumi tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni, b'mod partikolari bejn l-2012 u l-2013.

(106)

Din it-talba ġiet irrifjutata minħabba li l-allegata kapaċità eċċessiva hija aktar riżultat tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping milli kawża tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, kif stabbilit fil-premessi (194) sa (197) tar-Regolament provviżorju.

(107)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn rigward dan ta' hawn fuq, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa (194) sa (197) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

6.6.   L-Importazzjonijiet Russi huma ta' Grad Konvenzjonali

(108)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn rigward dan ta' hawn fuq, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessa (198) sa (199) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

7.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(109)

Fl-assenza ta' kull kumment ieħor rigward il-kawżalità, il-konklużjonijiet milħuqa fi premessi (200) sa (202) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Kummenti preliminari

(110)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni relatata ma' perjodu sussegwenti għall-perjodu ta' investigazzjoni normalment ma għandhiex titqies. Madankollu, fil-kuntest tad-determinazzjoni jekk hemmx interess tal-Unjoni kif kkontemplat fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni relatata ma' perjodu sussegwenti għall-perjodu tal-investigazzjoni tista' tiġi kkunsidrata għal dawn l-għanijiet (3).

(111)

Kummenti marbuta mal-ħtieġa li jitqiesu żviluppi importanti wara l-perijodu ta' investigazzjoni (“post-IP”) waslu kemm mingħand l-utenti kif ukoll mill-produtturi esportaturi. Il-biċċa l-kbira tal-kummenti u l-allegazzjonijiet li waslu wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kienu dwar l-iżviluppi li ġejjin wara l-perjodu ta' investigazzjoni. Tipi tal-prodott ikkonċernat b'permeabilità għolja qed ikunu dejjem aktar skarsi fis-suq tal-Unjoni, prinċipalment minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn (kif diġà msemmi fil-premessa (233) tar-Regolament provviżorju), iżda wkoll minħabba li l-produtturi tal-Unjoni allegatament mhumiex kapaċi jfornu s-suq bil-kwalità meħtieġa ta' dawn it-tipi ta' prodotti b'permeabbiltà għolja. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili żdiedu b'mod sinjifikanti wara l-PI. Il-Partijiet argumentaw ukoll li l-impatt tal-miżuri provviżorji fuq l-industrija tat-transformers kien issottovalutat mill-Kummissjoni, b'mod partikolari billi s-sehem tal-prodott ikkonċernat fil-kost totali tal-produzzjioni tal-utenti kien issottovalutat. Fl-aħħar nett, kien argumentat li l-produtturi tal-Unjoni reġgħu lura għall-profittabilità, b'tali mod li ma kinux jeħtieġu l-ebda protezzjoni aktar.

(112)

Dawn l-allegati żviluppi wara l-PI, b'mod partikolari l-kombinazzjoni ta' bidla fil-qafas legali, żieda qawwija tal-prezzijiet u l-iskarsezza fis-suq ta' ċerti tipi ta' prodotti, jekk jiġu kkonfermati, huma, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, rilevanti għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni fl-impożizzjoni ta' miżuri xierqa. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet, b'mod eċċezzjonali, li tinvestiga dawn l-iżviluppi ta' wara l-PI fil-perjodu bejn Lulju 2014 u Mejju 2015. Kif stabbilit fil-premessa (5) ta' hawn fuq, u fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-premessi (27), (224) u (239) tar-Regolament provviżorju, inġabret informazzjoni addizzjonali dwar żviluppi wara l-PI u saru żjarat għand għadd ta' utenti u produtturi tal-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji

2.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(113)

Xi partijiet interessati ddikjaraw li l-impożizzjoni tal-miżuri kienet bla bżonn peress li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni laħqet livelli għolja wara l-PI minħabba ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet u li s-suq kien irregola lilu nnifsu. Bħala riżultat ta' dan, l-industrija tal-Unjoni allegatament ma kinetx għadha qed iġġarrab ebda dannu wara l-PI.

(114)

Kif stabbilit fil-premessa (5) hawn fuq, tmien verifiki addizzjonali fuq il-post ġew imwettqa sabiex jivverifikaw dawn l-allegazzjonijiet. Dawn il-verifiki wrew li l-profitabbiltà ta' kull produttur individwali tvarja, iżda bħala medja, il-produtturi tal-Unjoni kienu qegħdin jirreġistraw telf li jammonta għal – 16,6 % matul il-perjodu Lulju-Diċembru 2014 u reġgħu lura għal profitt ta' 1,1 % matul il-perjodu Jannar — Mejju 2015. Għalhekk, ġie konkluż li l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni kien modest wara l-PI. Dawn il-persentaġġi huma l-medja taċ-ċifri tal-profittabilità ponderati qabel it-taxxa għall-produtturi kollha tal-Unjoni, kif muri fid-dikjarazzjonijiet rispettivi tal-introjtu tagħhom għall-perjodu Jannar — Mejju 2015, espressi bħala persentaġġi b'rabta mal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati.

(115)

Wara d-divulgazzjoni finali, assoċjazzjoni tal-utenti ddikjarat li l-produtturi tal-Unjoni ma għadhomx jiffaċċjaw sitwazzjoni dannuża, peress li dawn ikunu qed joperaw bil-potenzjal kollu tagħhom u bilkemm jistgħu jsegwu d-domanda. Utent għamel kumment simili, jiġifieri li minħabba l-persistenza ta' żidiet fil-prezzijiet kienu qed jistennew li jaraw marġni ta' profitt ogħla minn 5 % diġà matul ir-rebbiegħa tal-2015.

(116)

Madankollu, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, il-konklużjoni dwar id-dannu ntlaħqet fuq il-bażi tad-dejta tal-PI. Il-ġbir u l-verifika tad-dejta ta' wara l-IP, min-naħa l-oħra, saret fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni. It-tabella fil-premessa (170) tar-Regolament provviżorju wriet rekord ta' telf kbir u flussi ta' flus negattivi mis-sena 2012 'il quddiem.

Anki b'kunsiderazzjoni tad-dejta ta' wara l-PI, l-industrija tal-Unjoni għadha f'sitwazzjoni ta' dannu: il-profitti ż-żgħar matul il-perjodu Jannar — Mejju 2015 ma jistgħux jikkumpensaw għal erba' snin konsekuttivi ta' telf ta' livell għoli. Barra minn hekk, l-analiżi tad-dannu hija bbażata fuq numru ta' fatturi, li minnhom il-profitt huwa biss wieħed minn ħafna.

(117)

Il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni kienet f'sitwazzjoni ta' dannu matul il-PI, hija għalhekk ikkonfermata. Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar l-interess tal-industrija tal-Unjoni, huwa konkluż li l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping ikun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni peress li jkun jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tirkupra mill-effetti ta' dumping dannuż misjuba.

3.   Interess ta' importaturi mhux relatati

(118)

Fin-nuqqas ta' xi kummenti rigward l-interess ta' importaturi u operaturi tas-suq mhux relatati, il-premessi minn (208) sa (212) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

4.   Interess tal-utenti

4.1.   Introduzzjoni

(119)

Kif spjegat fid-dettall fil-premessi (5) u (6), l-informazzjoni addizzjonali dwar żviluppi wara l-PI kienet miġbura mingħand l-utenti u saru żjarat għand ħames utenti ewlenin, li pprovdew informazzjoni estensiva wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji.

(120)

Parti waħda interessata argumentat li tirrappreżenta sehem kbir ħafna tal-industrija tat-transformers tal-Unjoni, li tikkonsisti minn kumpaniji żgħar, medji u kbar li jipproduċu f'ħafna Stati Membri tal-Unjoni. Din il-parti interessata sostniet li hemm ħafna kumpaniji ta' daqs żgħir u medju, li se jintlaqtu bl-aktar mod qawwi mill-miżuri. F'dan il-kuntest, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-kumpaniji Taljani tat-transformers stqarret li 60 % tal-bejgħ kollu fl-Italja huwa magħmul minn kumpaniji ta' daqs żgħir u medju tat-transformers.

(121)

Id-dikjarazzjoni li hemm ħafna kumpaniji tat-transformer ta' daqs żgħir u medju (SME) li se jintlaqtu l-aktar mill-miżuri ma setgħetx tiġi vvalutata b'mod sistematiku minħabba nuqqas ta' provi. Madankollu, l-allegazzjoni tidher plawżibbli fid-dawl tal-informazzjoni miġbura mill-ħames utenti vverifikati, li wieħed minnhom huwa SME.

4.2.   Nuqqasijiet fil-provvista u differenzi fil-kwalità

(122)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, bosta utenti ddikjaraw li d-disponibbiltà ta' tipi b'permeabilità għolha fl-Unjoni hija limitata u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara l-PI. Huma allegaw li din id-dosponibbiltà limitata hi dovuta għal żbilanċ dejjem jikber bejn in-nata tal-foriniment u d-domanda dejjem tikber ta' utenti għal dawn it-tipi partikolari tal-prodott ikkonċernat. F'dan il-kuntest, huma argumentaw ukoll li l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni ma tkunx suffiċjenti biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber fis-suq tal-Unjoni u li l-ebda sorsi alternattivi oħra ma huma disponibbli, apparti mill-produtturi esportaturi. Barra minn hekk, huma sostnew li, minkejja d-deċiżjoni strateġika tal-produtturi tal-Unjoni li jibdew jipproduċu proporzjonalment iktar tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat milli dawk konvenzjonali, tali bidla se tieħu ż-żmien minħabba l-ħtieġa li jinbena u jiġi approfondit l-għarfien espert tekniku meħtieġ. Barra minn hekk, xi utenti stqarrew li kull miżura anti-dumping li tiġi adottata kontra importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati se jkollha impatt negattiv ulterjuri fuq id-disponibbiltà ta' tipi b'permeabilità għolja fl-Unjoni, minħabba d-distakk fil-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità teknika ta' livell għoli tal-produtturi tal-Unjoni. F'dan il-kuntest, l-industrija tal-Unjoni argumentat li m'hemm l-ebda rekwiżit legali biex ifornu d-domanda sħiħa tal-Unjoni għal tipi partikolari.

(123)

Id-dejta ta' wara l-PI uriet li l-produtturi tal-Unjoni għadhom mhumiex kapaċi jfornu d-domanda totali għal kull tip ta' GOES b'permeabilità għolja, b'mod partikolari t-tipi ta' prodott b'telf massimu fil-qalba ta' 0,90 W/kg u iktar baxx. Barra minn hekk, ġe nnutat dewmien li akkumula fil-produzzjoni u dewmien fil-kunsinni għal dawn it-tipi minkejja li qabel ġew miftiehma t-termini dwar il-kunsinni, b'mod partikolari wara l-PI. Produttur esportatur Korean, li waqt il-PI kien qed jesporta tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat, waqqaf l-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni wara l-PI. Ir-raġunijiet għal dan il-waqfien mhumiex magħrufa. Ir-raba', huwa mistenni li d-domanda ta' fuq nett għat-tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat se tkompli tiżdied minħabba l-implimentazzjoni tal-ewwel grad tar-Regolament tal-Ekodisinn li daħal fis-seħħ f'Lulju 2015, kif stabbilit lil hinn mill-premessa (140) 'il quddiem.

(124)

Fir-rigward tal-għarfien espert tekniku u kwistjonijiet ta' kwalità, diversi utenti kkummentaw li, anke f'każijiet fejn l-industrija tal-Unjoni pproduċiet GOES b'telf massimu fil-qalba garantit li kien mitlub, il-prodott bl-istess telf fil-qalba li nxtara mill-produtturi esportaturi huwa ġeneralment ta' kwalità ogħla f'termini ta' telf fil-qalba u l-prestazzjoni tal-istorbju.

(125)

L-evidenza ppreżentata mill-utenti, relatata mal-perjodu ta' wara l-PI, ġibdet l-attenzjoni għal kwistjonijiet ta' kwalità li ltaqgħu magħhom, l-aktar mal-produtturi tal-Unjoni. Dawk l-utenti setgħu jsostnu l-argumenti tagħhom b'evidenza, fuq il-bażi ta' statistika interna u verifiki tekniċi.

(126)

Wara d-divulgazzjoni finali, utent argumenta li n-nuqqas ta' tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat huwa r-riżultat dirett ta' nuqqas ta' investiment min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni. Dan l-utent allega li huwa purament spekulazzjoni jekk l-industrija tal-GOES tal-UE hux se tinvesti fil-produzzjoni ta' GOES ta' grad għoli jew le. Utent ieħor allega li mhuwiex kredibbli li l-produtturi tal-UE issa se jiksbu l-kwalità u l-kapaċità li jaqdu l-ħtiġijiet tal-utenti tal-UE fuq terminu qasir jew medju ta' żmien.

(127)

Wara d-divulgazzjoni finali, utent allega li l-kwistjoni tal-iskarsezza — kuntrarjament għall-proċediment attwali — kienet waħda mill-aktar raġunijiet konvinċenti biex ma jiġux introdotti miżuri fil-valutazzjonmi tal-interess tal-Unjoni fil-każ tal-Fibri Interrotti tal-Poliester peress li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tagħmel l-isforzi meħtieġa biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni (4).

(128)

Il-każ tal-Fibri Interrotti tal-Poliester u l-każ preżenti ma jistgħux jitqabblu għal żewġ raġunijiet. Għall-kuntrarju ta' dan il-proċediment, l-ilment ġie rtirat fil-każ tal-Fibri Interrotti tal-Poliester. Konsegwentement, it-test tal-interess tal-Unjoni kien differenti. Fejn l-ilment hu irtirat, l-Artikolu 9(1) jipprovdi li l-proċediment jista' jiġi terminat sakemm din it-terminazzjoni ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, japplika l-Artikolu 21(1) li jipprovdi li ma jistgħux jiġu applikati miżuri, […] meta l-awtoritajiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha ppreżentata, jistgħu jikkonkludu b'mod ċar li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li dawn il-miżuri jiġu applikati.

(129)

Differenza oħra fil-konfront tal-Fibri Interrotti tal-Poliester kienet li l-produtturi tal-Unjoni fil-każ tal-Fibri Interrotti tal-Poliester kienu qed ibiddlu l-prodott ikkonċernat (5) fi prodotti oħra (mhux il-prodott konċernat). F'dan il-każ, għall-kuntrarju, il-produtturi tal-Unjoni qed jippruvaw ilaħħqu billi jipproduċu aktar u aktar it-tipi għolja ta' permeabilità.

(130)

Il-Kummissjoni ma tistax tipprevedi jekk il-produtturi tal-UE hux se jiksbu l-kwalità u l-kapaċità biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-utenti tal-UE fil-futur prevedibbli, b'mod partikolari rigward id-disponibilità ta' xi tipi ta' GOES b'permeabilità għolja. Imma l-investigazzjoni dwar anti-dumping m'għandhiex l-objettiv li trawwem politika industrijali; l-għan tagħha hu biss li ġġib lura l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni u produtturi esportaturi.

(131)

Madankollu, il-verifika wriet li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed jinvestu fil-produzzjoni ta' tipi ta' prodott ikkonċernati b'permeabilità għolja, għalkemm dan kien diffiċli minħabba s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Produttur wera evidenza dwar linja ta' produzzjoni ġdida ta' GOES ta' livell għoli f'Awwissu tal-2015.

(132)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa konkluż li d-disponibbiltà ta' tipi ta' permeabbiltà għolja fl-Unjoni kien limitat matul il-PI, u li s-sitwazzjoni marret għall-agħar wara l-PI prinċipalment minħabba ż-żieda fid-domanda bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Grad 1 tar-Regolament tal-Ekodisinn.

4.3.   Żidiet fil-prezz

(133)

Produttur esportatur allega li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat wara l-PI żdied fil-medda ta' 50 sa 70 % meta mqabbel mal-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu kkunsidrat. Produttur esportatur ieħor allega li l-prezzijiet żdiedu bejn Marzu 2014 u Marzu 2015 b'madwar 30 %, ibbażat fuq l-indiċi pubbliċi. Waslu kummenti simili minn ħafna utenti. Pereżempju, utent minnhom qal li l-prezzijiet żdiedu b'madwar 8 u 25 % meta mqabbla mal-prezzijiet għat-tieni nofs tal-2014 u l-ewwel nofs tal-2015 mal-prezzijiet matul il-perjodu kkunsidrat. Utent ieħor argumenta pereżempju li ż-żidiet fil-prezz għal April 2015 kienu aktar minn 45 % għat-tipi tal-prodott ikkonċernat b'permeabilità għolja u aktar minn 25 % għat-tipi konvenzjonali, meta mqabbla ma' Ġunju tal-2014. Dan l-utent allega wkoll li din it-tendenza tal-prezz hija u se tibqa' sostenibbli fuq il-medda qasira, medja u twila ta' żmien. Ħafna utenti allegaw ukoll li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għall-għeluq tal-impjanti, it-telf tal-impjiegi fi ħdan l-Unjoni u r-rilokazzjoni ta' ċerti operazzjonijiet barra l-Unjoni.

(134)

Min-naħa l-oħra, parti interessata, għalkemm ammettiet iż-żidiet fil-prezzijiet wara l-perjodu ta' investigazzjoni, allegat li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet wara l-perjodu ta' investigazzjoni kienu għadhom mhux ogħla mil-livelli tal-prezzijiet tal-2010 u l-2011.

(135)

L-investigazzjoni żvelat li l-allegati żidiet fil-prezzijiet wara l-perjodu tal-PI fil-fatt seħħew. L-ewwel nett, fuq il-bażi ta' dejta mill-produtturi tal-Unjoni, bħala medja, iż-żidiet fil-prezz tal-prodott simili kienu jammontaw għal 3 % għall-perjodu Lulju — Diċembru 2014 u 14 % għall-perjodu Jannar — Mejju 2015, meta mqabbla mal-prezzijiet medji attwali matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli mill-utenti li kkooperaw, ġew osservati żidiet fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat ta' madwar 30 %, u għal xi tipi ta' prodotti saħansitra ogħla, matul il-perjodu ta' wara l-PI sa Mejju tal-2015.

(136)

Instab li l-prezzijiet bdew jiżdiedu fit-tieni nofs tal-2014, u komplew jiżdiedu matul l-ewwel nofs tal-2015. Dawn iż-żidiet fil-prezzijiet ġew innutati kemm għat-tipi tal-prodott ikkonċernat b'permabilità għolja u kemm għat-tipi konvenzjonali u l-prodott simili. Barra minn hekk, fuq il-bażi ta' kontrolli fuq il-post fuq ċerti kuntratti konklużi bejn l-utenti u l-produtturi għat-tieni nofs tal-2015, il-prezzijiet għal dawn l-ordnijiet huma mistennija li jkunu bejn 22 % u 53,5 % ogħla milli matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(137)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa konkluż li ż-żidiet fil-prezzijiet ġew innutati fil-perjodu ta' wara l-PI (sa Mejju tal-2015), kemm għal tipi tal-prodott ikkonċernat b'permabilità għolja u kemm għat-tipi konvenzjonali u l-prodott simili. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (133) hawn fuq, il-prezzijiet huma mistennija li jkomplu jiżdiedu matul it-tieni nofs tal-2015.

4.4.   Il-kompetittività tal-utenti tal-Unjoni

(138)

Kif stabbilit fil-premessa (228) tar-Regolament provviżorju, il-GOES bħala materjal tal-produzzjoni hu responsabbli għal madwar 6-13 % tal-kost kollu biex jinbena transformer, fuq il-bażi tal-livelli tad-dejta u tal-prezzijiet fil-PI. Produttur esportatur u diversi utenti qajmu dubju fuq dawn il-persentaġġi meta ddikjaraw li dawn kienu jidhru ssottovalutati ħafna, anke għall-PI fejn il-prezzijiet tal-GOES kienu ferm aktar baxxi mill-perjodu ta' wara l-PI. Barra minn hekk, l-utenti kollha allegaw li l-prezzijiet bdew jiżdiedu b'mod sinifikanti wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-persentaġġ ta' 6-13 % kien ibbażat fuq dejta pprovduta mill-utenti li kkooperaw, li sussegwentement ġiet verifikata u għalhekk ġustament imsemmija fir-Regolament provviżorju. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, anki jekk il-persentaġġ preċiż tal-kost tal-GOES jiddependi fuq it-tip ta' transformer, iż-żieda fil-prezzijiet tal-GOES wara l-PI loġikament tirriżulta f'żieda tal-kostijiet biex jinbena t-transformer, li se jaffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi tat-transformers tal-Unjoni. Madankollu, il-kompetittività tal-produtturi ta' transformers barra l-Unjoni qed tiġi affettwata wkoll minħabba l-istess xejra ta' żidiet tal-prezzijiet mit-tieni nofs tal-2014 'il quddiem għall-GOES fi swieq bħal dawk tar-RPĊ, l-Indja u l-Amerika ta' Fuq,'il quddiem, kif inhu l-każ fis-suq tal-Unjoni.

4.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-utenti

(139)

Il-Kummissjoni taċċetta d-dikjarazzjonijiet li l-impożizzjoni ta' miżuri se twassal għal żieda ulterjuri fil-prezzijiet tal-GOES, għad-detriment tal-utenti. Hija tikkonkludi wkoll li l-kompetittività tal-industrija tal-utenti kienu tkun affettwata b'mod aktar negattiv jekk il-miżuri kellhom jiġu imposti fil-forma ta' dazju ad valorem, fid-dawl taż-żidiet sinifikanti fil-prezzijiet li seħħew wara l-perjodu tal-investigazzjoni.

4.6.   Fatturi oħra

(140)

Kif stabbilit fil-premessa (233) tar-Regolament provviżorju, il-Grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn sar applikabbli mill-1 ta' Lulju 2015 u jkopri r-rekwiżiti l-ġodda tal-ekodisinn f'dak li għandu x'jaqsam ma' transformers tal-elettriku żgħar, medji u kbar li għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom.

(141)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, diversi utenti kkummentaw kif ġej. L-ewwel nett, l-implimentazzjoni tal-Grad 1 twassal għal domanda akbar ta' tipi ta' GOES b'permeabilità għolja fi ħdan l-Unjoni, b'mod partikolari ta' tipi ta' GOES b'telf fil-qalba ta' 0,90W/kg u 'l isfel minn hekk. It-tieni, it-tendenza li jiġu akkwistati tipi b'permeabilità għolja bl-inqas telf fil-qalba, x'aktarx li hija irriversibbli peress li Grad 2 (b'aktar rekwiżiti stretti mill-2021) se jwassal għal aktar domanda għal tipi b'permeabilità għolja. It-tielet, pajjiżi oħra madwar id-dinja (bħar-RPĊ, l-Indja, eċċ.) huma wkoll qed jimplimentaw rekwiżiti ta' effiċjenza ta' enerġija simili, li jwassal għal domanda kbira ta' tipi ta' GOES b'permeabilità għolja fuq livell globali. Ir-raba', anki jekk huwa minnu li l-Grad 1 jista', sa ċertu punt, jiġi ssodisfat bl-użu ta' tipi konvenzjonali ta' GOES, dan jista' jwassal għal spejjeż addizzjonali għad-detriment tal-utenti, peress li jkollu jiġi ddisinjat transformer aktar voluminużi, li jirrikjedi input sostanzjalment akbar ta' inġinerija, xogħol u materjal. F'xi każijiet, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal tip ta' transformer ma jippermettu bl-ebda mod l-użu tat-tipi konvenzjonali ta' GOES.

(142)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li din id-domanda li dejjem tiżdied, mhux biss fi ħdan l-Unjoni iżda wkoll madwar id-dinja, x'aktarx li se tkompli jkollha impatt negattiv fuq id-disponibilità ta' tipi b'permeabilità għolja, b'mod partikolari b'telf fil-qalba ta' 0,90 W/kg jew inqas, li x'aktarx se twassal għal żidiet oħra fil-prezz. Huwa għalhekk fl-interess pubbliku tal-Unjoni Ewropea, kif rifless fil-leġiżlazzjoni vinkolanti tal-istandards tal-prodotti, li tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta' tipi b'permeabilità għolja għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tat-transformers fl-Unjoni, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

(143)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, huwa konkluż li l-miżuri se jwasslu għal żieda oħra sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjoni lil hinn minn dawk li diġà rajna fil-perjodu ta' wara l-PI.

5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(144)

Huwa konkluż li miżuri definittivi jippermettu lill-produtturi tal-Unjoni biex jerġgħu lura għal livelli ta' profitt sostenibbli. Jekk ma jiġu imposti ebda miżuri, ma jkunx ċert jekk l-industrija tal-Unjoni tkunx tista' tagħmel l-investimenti meħtieġa biex tiżviluppa ulterjorment it-tipi ta' permeabbiltà għolja tal-prodott simili li t-tnejn li huma jintalbu mill-utenti u verament huma meħtieġa biex jagħmlu t-transformers konformi mal-EkoDisinn.

(145)

Fir-rigward tal-interess tal-utenti, l-impożizzjoni ta' miżuri fil-livell propost jista' jkollhom effett negattiv fuq il-prezzijiet ta' transformers u l-impjiegi tal-industrija tal-utent, iżda dan l-effett jista', taħt iċ-ċirkostanzi tas-suq kif osservat fil-PI, ma jiġix ikkunsidrat bħala sproporzjonat.

(146)

Għalhekk, abbażi tal-kunsiderazzjoni tal-interessi varji meħuda kollha flimkien, huwa konkluż li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni ta' dazji definittivi tal-anti-dumping kontra l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fil-ħames pajjiżi kkonċernati.

(147)

Wara d-divulgazzjoni finali, diversi partijiet interessati nnutaw li l-Kummissjoni rreferiet fost l-oħrajn għaż-żidiet kostanti u sinjifikanti fil-prezzijiet tat-tipi kollha matul il-perjodu ta' wara l-PI u li l-produtturi tal-Unjoni reġgħu lura għal profittabilità ta' 1,1 % matul il-perijodu Jannar-Mejju 2015. Għaldaqstant, kien allegat li l-impożizzjoni ta' dazji tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Utent ieħor allega li minħabba ż-żieda fil-prezzijiet, partijiet kbar tal-produzzjoni tat-transformers tal-UE bħalissa qed jagħmlu t-telf, u b'mod partikolari l-SMEs, filwaqt li l-industrija tal-UE tal-GOES qed tagħmel profitti tajbin.

(148)

Rigward il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni, qed issir referenza għall-premessa (116). Kif stabbilit fid-dettall fil-premessi (149) u (169) hawn taħt, iż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet fost l-oħrajn wasslet lill-Kummissjoni biex tibdel il-forma tal-miżuri biex tibbilanċja l-interessi tal-partijiet kollha. Barra minn hekk, kif diġà ssemma iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li d-dannu jiġi vvalutat fuq il-bażi tad-dejta tal-PI, filwaqt li d-dejta ta' wara l-IP kienet użata biss fil-qafas tal-analiżi tal-interess tal-Unjoni.

(149)

Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi ta' wara l-PI, biex ikun limitat kwalunkwe impatt serju possibbli fuq l-utenti li huma dipendenti ħafna fuq il-provvista tal-prodott ikkonċernat, b'mod partikolari t-tipi b'permeabilità għolja l-aktar avvanzati, il-Kummissjoni tqis li huwa konformi mal-interess tal-Unjoni li tbiddel il-forma tal-miżuri u li ma jiġux imposti dazji ad valorem iżda minflok dazji varjabbli. Jekk xi dazju fil-forma ta' dazju ad valorem għandu jiġi impost addizjonalment fuq iż-żidiet fil-prezz wara l-PI, l-utenti se jiġu milquta ħażin b'mod sproporzjonat, ħaġa li jkollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tagħhom meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom barra l-Unjoni minħabba żieda fid-domanda u l-iskarsezza fis-suq b'mod partikolari tat-tipi b'permeabilità għolja. Barra minn hekk, jista' jiġi mminat l-objettiv stabbilit fir-Regolament tal-EkoDisinn biex tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta' tipi ta' prodott b'permeabilità għolja, minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri fil-forma ta' dazju ad valorem minħabba b'mod partikolari ż-żieda fid-domanda għal tipi ta' prodott b'permeabilità għolja.

G.   IL-MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (Marġini tad-dannu)

(150)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja u finali l-industrija tal-Unjoni kkontestat il-profitt fil-mira użat sabiex jiġi stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu kif stabbilit fil-premessa (245) tar-Regolament provviżorju. Din il-parti reġgħet argumentat li marġni ta' profitt ta' 14 % jkun livell ta' profitt raġonevoli u relatat mas-suq fuq il-bażi tal-marġni ta' profitt nett miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2010.

(151)

Kif spjegat fil-premessa (243) tar-Regolament provviżorju, il-marġini ta' profitt użat biex jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu jikkorrispondi mal-marġni ta' profitt li l-industrija tal-Unjoni setgħet b'mod raġonevoli tistenna li tikseb f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Dan kien il-perċentwali użat matul l-investigazzjoni preċedenti meta l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien profittabbli. Kif imsemmi fil-premessa (242) tar-Regolament provviżorju, il-profitt medju miksub fl-2010 kien meqjus bħala eċċezzjonalment għoli, meta jitqies it-telf imġarrab mill-2011 u l-prezzijiet tal-GOES fis-suq dinji li kienu qed jogħlew ħafna, anke fl-2010. Għalhekk, huwa meqjus raġonevoli li jiġi stabbilit marġni ta' profitt fil-mira f'livell ta' 5 %.

(152)

Produttur esportatur Ġappuniż talab li jinstema' mill-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. Il-parti kkontestat l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(9) għall-kalkoli tad-dannu, fejn stqarret li l-Artikolu 2(9) jidher taħt id-dsipożizzjonijiet tad-dumping tar-Regolament bażiku u ma jistax jintuza b'analoġija għall-kalkolu tad-dannu. Din il-parti interessata argumentat ukoll li l-ispejjeż tal-ipproċessar bħala riżultat tal-qtugħ ta' koljatura sħiħ minn parti relatata fis-suq tal-Unjoni ma kellhomx jiġu mnaqqsa u li l-ispejjeż li saru wara l-importazzjoni ġew sottovalutati. Dan il-kumment kien imtenni wara d-divulgazzjoni finali. Produttur esportatur Korean kellu talba simili, fejn argumenta li ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prezz għandha tkun ibbażata fuq il-prezz realment impost mill-importaturi relatati fl-Unjoni għall-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni.

(153)

L-iskop tal-kalkolu ta' marġini ta' dannu huwa li jiddetermina jekk l-applikazzjoni għall-prezz tal-esportazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, ta' rata ta' dazju iktar baxxa minn dik ibbażata fuq il-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li hu meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ ta' esportazzjoni permezz ta' importaturi relatati, b'analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping, il-prezz tal-esportazzjoni hu mibni fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Peress li l-prezz tal-esportazzjoni huwa element indispensabbli għall-kalkolu tal-marġni ta' dannu u peress li dan l-Artikolu huwa l-uniku Artikolu fir-Regolament bażiku li jagħti gwida dwar kif jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu b'analoġija hija ġġustifikata. L-Artikolu 2(9) jipprovdi wkoll il-bażi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ipproċessar peress li għandhom isiru aġġustamenti għall-ispejjeż kollha, imġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-approċċ segwit kien preċiż u ċaħdet dawn it-talbiet.

(154)

Produttur esportatur Ġappuniż ieħor allega li l-informazzjoni divulgata fid-divulgazzjoni provviżorja ma tippermettix li jsiru kummenti dwar il-korrettezza u r-relevanza tas-sejbiet tal-Kummissjoni ta' dannu. F'dan il-kuntest, fis-27 ta' Mejju 2015, il-produttur esportatur Ġappuniż talab kjarifiki u divulgazzjoni ta' ċerta informazzjoni li tħalliet barra. Huwa argumenta wkoll li r-risposta tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2015, naqset milli tindirizza b'mod adegwat it-talba u ma ppermettietx lill-kumpanija li tikkummenta fuq l-eżattezza u r-rilevanza tas-sejbiet dwar id-dannu. Wara d-divulgazzjoni finali, dan il-produttur esportatur Ġappuniż tenna l-argumenti tiegħu u allega li l-Uffiċjal tas-Smigħ irrakkomanda li tiġi divulgata aktar informazzjoni. It-tieni, il-kumpanija qalet li għal uħud mill-prodotti esportati tagħha f'forma ta' koljatura sħiħa u mhux mirquma li għalihom il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu jirrappreżentaw il-valur tal-koljatura sħiħa bit-trufijiet mirquma, li l-aġġustamenti għad-differenzi fiżiċi għall-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni ta' dannu ma kkunsidrawx b'mod sħiħ il-valur tas-suq tal-koljatura mirquma (meta mqabbel mal-koljaturi mhux mirquma) u għalhekk mhumiex konformi mar-regoli applikabbli u l-ġurisprudenza korrispondenti. Produttur esportatur Korean argumenta wkoll li nkisru d-drittijiet tad-difiża tiegħu minħabba li ġiet ipprovduta spjegazzjoni insuffiċjenti fuq il-paragun bejn it-tipi differenti tal-prodott fid-divulgazzjoni provviżorja.

(155)

Fir-rigward tal-ewwel talba biex tiġi divulgata informazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ma setgħetx tiġi aċċettata peress li hija marbuta li tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-partijiet interessati oħra, f'dan il-każ il-produtturi tal-Unjoni. Peress li ma hemm l-ebda mod ieħor sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità u, fl-istess ħin, il-partijiet jiġu pprovduti b'informazzjoni utli, il-firxiet kif kienu użati fid-divulgazzjoni provviżorja huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala korretti. Id-divulgazzjoni konsegwentament kienet qed tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa kollha, b'bilanċ bejn id-dritt għal informazzjoni sinifikanti, fuq naħa, u l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità min-naħa l-oħra.

(156)

Rigward il-kummenti speċifiċi mill-produttur esportatur Ġappuniż, wara d-divulgazzjoni finali, il-minuti tas-seduta quddiem l-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali pjuttost jirreferu għal opinjonijiet diverġenti bejn il-produttur esportatur Ġappuniż u s-servizzi tal-Kummissjoni, li wasslu għar-rakkomandazzjoni tiegħu biex ikomplu d-diskussjonijiet. L-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali ssuġġerixxa wkoll li jiġu vverifikati l-kalkoli tal-Kummissjoni bħala alternattiva għad-divulgazzjoni tad-dejta kunfidenzjali. Kienet saret laqgħa ta' segwitu mal-produttur esportatur Ġappuniż fit-30 ta' Lulju 2015 bil-għan li tiċċara u tipprovdi xi informazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, fid-divulgazzjoni finali kien ġiet divulgata xi informazzjoni addizzjonali (bħal pereżempju l-prezz indikattiv ta' ċertu tip ta' prodott, il-valuri u l-volumi totali tal-bejgħ tal-Unjoni) għal dan il-produttur esportatur Ġappuniż. Fl-aħħar nett, l-Uffiċjal tas-Seduta vverifika wkoll il-kalkoli tad-dannu u ma sab l-ebda irregolaritajiet jew żbalji. Dan kien ikkomunikat permezz tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali tal-produttur esportatur Ġappuniż.

(157)

Rigward it-tieni l-aġġustament għal tirqim, seta' jsir aġġustament raġonevoli bbażat fuq l-aġġustament tal-piż (Koljaturi sħaħ mhux mirquma kontra koljatura bit-trufijiet mirquma). Wara l-impozizzjoni ta' miżuri provviżorji anti-dumping, il-livell ta' dan l-aġġustament xorta ġie kkoreġut, peress li fl-istadju provviżorju l-perċentwali użati biex jiġi aġġustat il-piż ma kinux eżatti għal kollox. Il-persentaġġ tat-telf tar-rendiment li kien użat biex isir l-aġġustament kien ibbażat fuq l-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni fuq il-post tal-produttur esportatur Ġappuniż. Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Ġappuniż tenna l-kummenti tiegħu.

(158)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan l-aġġustament kien jirrifletti b'mod preċiż id-differenza fil-valur tas-suq bejn koljaturi mirquma u koljaturi li mhumiex. Il-kalkolu ppreżentat mill-produttur esportatur Ġappuniż ma kienx meqjus bħala preċiż, peress li ma ġiex ikkunsidrat il-piż nett tal-prodotti mirquma fil-kalkolu tad-differenza bejn il-medja tal-prezzijiet tal-koljaturi mirquma u mhux mirquma.

(159)

L-istess produttur esportatur Ġappuniż sostna wkoll li d-divulgazzjoni provviżorja kien fiha xi żbalji. Fil-fatt, xi żbalji minuri fil-kalkoli ġew identifikati fid-divulgazzjoni provviżorja li ġew ikkoreġuti. Bħala riżultat ta' dawn il-korrezzjonijiet u l-korrezzjoni spjegata fil-premessa preċedenti, il-marġini ta' dannu għal din il-kumpanija Ġappuniża ġie emendat għal 39,0 %. Kif stabbilit hawn fuq, il-kalkoli ġew riveduti mill-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċeduri kummerċjali.

(160)

Il-produttur u esportatur Russu argumenta li l-valuri tal-ispiża ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni li ntużaw għall-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz kienu għal xi tipi ta' prodotti li kienu għoljin iżżejjed, meta wieħed iqabbel ma' tipi ta' prodotti kważi identiċi. Wara d-divulgazzjoni finali, ittenna dan l-argument, li allega irregolaritajiet fil-kalkoli tal-Kummissjoni ta' twaqqigħ tal-prezzijiet u ta' bejgħ taħt il-prezz, u li ġibed l-attenzjoni għal kost ta' produzzjoni differenti b'mod sinifikanti għal żewġ tipi simili tal-prodott ikkonċernat.

(161)

Madankollu l-Kummissjoni stabbiliet li d-dejta tal-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kienet preċiża. B'mod partikolari, iż-żewġ tipi simili, li kien qed jirreferi għalihom il-produttur esportatur Russu, ġew analizzati u mqabbla mal-kost tal-produzzjoni ta' tipi oħra. Kwalunkwe differenza fil-kost tal-valuri tal-produzzjoni ta' xi tipi ta' prodotti meta mqabbla ma' tipi ta' prodotti kważi identiċi tista' tiġi spjegata permezz ta' taħlita differenti ta' produtturi tal-Unjoni li jipproduċu dawn it-tipi.

(162)

Barra minn hekk, il-produttur esportatur Russu iddikjara li hemm nuqqas ta' simetrija bejn il-kalkoli ta' dumping u ta' dannu f'termini tat-trattament ta' gradi mhux primarji. Id-dikjarazzjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li, kif stabbilit fil-premessa (147) tar-Regolament provviżorju, il-prodott ikkonċernat Russu “tat-tieni u t-tielet għażla” ma kienx imqabbel mal-“ewwel u t-tieni għażla” ta' prodotti tal-industrija tal-Unjoni.

(163)

Il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li, għall-finijiet ta' paragun ġust tat-tipi ta' prodotti, il-gradi mhux primarji ma kinux imqabbla mal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni, la affettwa l-eżattezza tal-kalkoli tad-dumping u lanqas l-eżattezza tal-kalkoli tad-dannu. Għall-kuntrarju, f'din tal-aħħar it-tipi simili ta' prodotti biss kienu mqabbla sabiex jiġi assigurat tqabbil ġust. Għaldaqstant, dan l-argument ma ġiex aċċettat.

(164)

Il-produtturi esportaturi Ċiniżi iddikjaraw li l-kalkoli tas-sottokwotazzjoni fid-divulgazzjoni provviżorja kienu żbaljati, b'mod partikolari għaliex il-kalkoli kienu allegatament abbażi tal-prezzijiet medji tal-Unjoni li ġew ipprovduti fir-Regolament provviżorju.

(165)

Din it-talba ma ntlaqgħetx. Il-produttur esportatur Ċiniż ipproduċa u biegħ fl-Unjoni parti biss mit-tipi ta' prodotti, li kienu mbagħad imqabbla mal-istess tipi ta' prodott, prodotti u mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni għal skopijiet ta' kalkoli tas-sottokwotazzjoni. L-ebda prezz medju tal-Unjoni ma ntuża f'dawn il-kalkoli.

(166)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn dwar il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu, u minbarra l-bidla fil-marġni tad-dannu għal produttur Ġappuniż minn 34,2 % għal 39 %, kif stabbilit fil-premessa (159), il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (241) sa (246) tar-Regolament provviżorju kienu kkonfermati.

Pajjiż

Il-kumpanija

Il-marġni ta' dannu definittiv

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd., Shanghai;

32,9 %

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan

36,6 %

Il-Ġappun

JFE Steel Corporation, Tokyo

39,0 %

Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo

35,9 %

Ir-Repubblika tal-Korea

POSCO, Seoul

37,2 %

Il-Federazzjoni Russa

OJSC Novolipetsk Steel, Lipetsk; VIZ STAL, Ekaterinburg

21,6 %

L-Istati Uniti

AK Steel Corporation, Ohio

22,0 %

2.   Miżuri definittivi

(167)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward ta' dumping, dannu, kawżalità u interess tal-Unjoni, miżuri definittivi anti-dumping għandhom jiġu imposti sabiex jipprevjenu milli jiġi kkaġunat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni li jirriżulta minn esportazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(168)

Il-miżuri anti-dumping jistgħu jieħdu forom differenti. Filwaqt li l-Kummissjoni tuża diskrezzjoni kbira meta tagħżel il-forom tal-miżuri, l-iskop jibqa' li jiġu eliminati l-effetti ta' dannu tad-dumping. Dazju ad valorem stabbilit skont ir-regola ta' dazju anqas, bejn 21,5 % u 39 % kien stabbilit, kif ġej:

Pajjiż

Il-kumpanija

Il-marġini tad-dumping

Il-marġni ta' dannu

Dazju anti-dumping ad valorem

RPĊ

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd, Shanghai

21,5 %

32,9 %

21,5 %

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan

54,9 %

36,6 %

36,6 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

 

36,6 %

36,6 %

Il-Ġappun

JFE Steel Corporation, Tokyo

47,1 %

39,0 %

39,0 %

Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo

52,2 %

35,9 %

35,9 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

 

39,0 %

39,0 %

Il-Korea

POSCO, Seoul

22,5 %

37,2 %

22,5 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

 

37,2 %

22,5 %

Ir-Russja

OJSC Novolipetsk Steel, Lipetsk,

VIZ STAL, Ekaterinburg

29,0 %

21,6 %

21,6 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

 

21,6 %

21,6 %

L-Istati Uniti tal-Amerka

AK Steel Corporation, Ohio

60,1 %

22,0 %

22,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

 

22,0 %

22,0 %

(169)

Kif stipulat hawn fuq fil-premessa (149), huwa xieraq li tinbidel il-forma tal-miżuri. Fuq il-bażi tal-fatti speċifiċi tal-każ, il-Kummissjoni tqis li dazju varjabbli fil-forma ta' prezz minimu ta' importazzjoni (PMI) huwa l-aktar forma xierqa ta' miżuri f'dan il-każ. Fuq naħa PMI bħal dan jippermetti lill-produtturi tal-Unjoni li jirkupraw mill-effetti tad-dumping dannuż. Tkun xibka ta' protezzjoni għalihom jekk jitpoġġew f'pożizzjoni li jerġgħu lura għal profittabilità sostenibbli u jiġu inċentivati biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jipproduċu proporzjonalment aktar tipi ta' prodotti tal-prodott simili b'permeabbiltà għolja. Min-naħa l-oħra, PMI bħal dan għandu jipprevjeni wkoll kull effett negattiv ta' żidiet mhux dovuti fil-prezzijiet wara l-perjodu ta' investigazzjoni li jista' jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq in-negozju tal-utenti. Għandu wkoll jindirizza t-tħassib tal-utenti li qed jibżgħu li jkun hemm skarsezza tal-prodott ikkonċernat, f'tipi partikolari b'telf massimu fil-qalba ta' 0,90 W/kg u taħt li huma meħtieġa ħafna biex jintlaħqu l-miri għall-effiċjenza tal-grad 1 tar-Regolament dwar l-Ekodisinn. B'mod aktar ġenerali, jipprevjeni disturbi serji fil-provvista tas-suq tal-Unjoni.

(170)

Fejn l-importazzjonijiet isiru bil-prezz tal-fruntiera tal-Unjoni CIF daqs jew akbar mill-PMI stabbilit, m'għandu jitħallas l-ebda dazju. Jekk l-importazzjonijiet isiru bi prezz taħt il-PMI, id-dazju definittiv għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-PMI applikabbli u l-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju. Fl-ebda każ l-ammont ta' dazju ma għandu jkun ogħla mir-rati ta' dazju ad valorem stabbiliti fil-premessa (168) u fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

(171)

Għalhekk, jekk l-importazzjonijiet isiru bi prezz taħt il-PMI, l-anqas mid-differenza bejn il-PMI applikabbli u l-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju u r-rati ta' dazju ad valorem kif indikat fl-aħħar kolonna tat-tabella fil-premessa (168) ikun irid jitħallas.

(172)

Kif stabbilit fid-dettall fil-premessa (19) hawn fuq, l-investigazzjoni kopriet il-prodott ikkonċernat, kif iddefinit fil-premessa (9) u għalhekk saret analiżi komprensiva tad-dannu, analiżi tal-kawżalità u analiżi tal-interess tal-Unjoni. Fl-istess ħin, meta kienet qed tiddeċiedi dwar il-forma tal-miżura, il-Kummissjoni kkunsidrat id-differenzi fil-kwalità kif ġej: Għall-finijiet tal-applikazzjoni effettiva tal-PMI, u fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi tliet kategoriji differenti tal-prodott ikkonċernat li huma distinti abbażi tat-telf massimu fil-qalba tagħhom. Ġiet ikkalkulata PMI separata għal kull waħda mit-tliet kategoriji. It-tliet kategoriji huma kif ġej:

Tipi b'massimu tat-telf fil-qalba mhux ogħla minn 0,90 W/kg;

Tipi b'massimu tat-telf fil-qalba għola minn 0,90 W/kg imma mhux ogħla minn 1,05 W/kg

Tipi b'massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg;

(173)

Tipi b'massimu tat-telf fil-qalba ta' 0,90 W/kg u anqas huma s-sottotaqsima ta' fuq tat-tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat. Tipi b'telf fil-qalba ogħla minn 0,90 W/kg sa u inkluż 1,05 W/kg mhumiex fis-saff ta' fuq nett imma xorta huma tipi tal-prodott ikkonċernat b'permeabilità għolja, li huma prinċipalment prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba ta' 1,05 W/kg. Tinkludi wkoll xi kwalitajiet mill-aħjar tat-tipi konvenzjonali tal-prodott ikkonċernat. Tipi b'massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg huma prinċipalment it-tipi konvenzjonali tal-prodott ikkonċernat. It-telf fil-qalba għandu jitkejjel f'Watts għal kull kilogramm bi frekwenza ta' 50 Hz u induzzjoni manjetika ta' 1,7 Tesla.

(174)

Kellu jiġi stabbilit prezz li ma jagħmilx dannu jew PMI li ma jagħmilx dannu sabiex tiġi applikata din ir-regola. Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-prezz li ma jagħmilx dannu, tqiesu kemm il-marġnijiet tad-dumping misjuba kif ukoll l-ammonti ta' dazji meħtieġa biex jeliminaw id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament provviżorju.

(175)

L-PMI huma ugwali għall-medja ponderata ta':

Fejn id-dazji huma bbażati fuq il-livell ta' eliminazzjoni ta' dannu: l-ispiża tal-produzzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni u profitt (5 %) fir-rigward tal-produttur(i) esportatur(i) tal-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja u wieħed miċ-Ċina u;

Fejn id-dazji huma bbażati fuq il-marġini tad-dumping: il-valur normali, inkluż it-trasport (li jintlaħaq il-prezz tal-fruntiera CIF tal-Unjoni) fir-rigward tal-produttur esportatur Korean u wieħed miċ-Ċina.

(176)

Fuq il-bażi ta' din il-metodoloġija, il-PMI huma ffissati fil-livelli li ġejjin:

Pajjiżi kkonċernati

Firxa tal-prodotti

Prezzijiet minimi tal-importazzjoni

(EUR/tunnellata ta' piż nett tal-prodott)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Korea

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba mhux ogħla minn 0,9W/kg

EUR 2 043

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba għola minn 0,9W/kg imma mhux ogħla minn 1,05 W/kg

EUR 1 873

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg

EUR 1 536

(177)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati għamlu l-kummenti li ġejjin.

(178)

L-ewwel, assoċjazzjoni tal-utenti allegat li l-proposta tal-PMI toħloq distorsjoni tas-suq, bid-diżakkoppjament tal-livelli tal-prezzijiet fl-Unjoni mill-prezzijiet dinjija. Din l-assoċjazzjoni tal-utenti qalet li l-Kummissjoni kienet qed tiffissa l-prezzijiet għat-tipi kollha ta' GOES f'livell ogħla b'mod sinifikanti mil-livelli medji tal-prezz li l-Kummissjoni kienet ikkalkulat għall-PI flimkien mal-livelli tad-dazji stabbiliti fir-Regolament provviżorju. Din l-assoċjazzjoni ma tara l-ebda ħtieġa leġittima għall-miżuri. L-assoċjazzjoni allegat ukoll li l-PMI kienu għoljin wisq, u għalhekk għandhom jiġu adattati billi jitnaqqsu fuq bażi annwali b'5 %.

(179)

It-tieni, il-produttur esportatur Korean kien sodisfatt ukoll bil-proposta ta' PMI li kienet meqjusa bħala aktar xierqa minn dazji ad valorem. Madankollu, dan il-produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-metodoloġija tagħha u timponi, għal kull produttur esportatur PMI li huma stabbiliti f'livell li ma jkunx ogħla minn dak meħtieġ biex jitneħħa d-dumping dannuż ikkawżat mill-produttur esportatur (Korean).

(180)

It-tielet, utent ieħor allega li l-PMI proposti huma għoljin wisq u f'kull każ ogħla mill-prezzijiet ta' importazzjoni matul il-perjodu tal-PI b'żieda mar-rati ta' dazju ad valorem stabbiliti fid-divulgazzjoni finali, mill-inqas għal żewġ pajjiżi (il-Korea u r-Russja) ikkonċernati. Barra minn hekk, dan l-utent allega li l-Kummissjoni ma għandhiex taċċetta l-ispejjeż kollha tal-produzzjoni bħala bażi biex jiġi kkalkolat il-livell li ma jikkawżax dannu iżda minflok taċċetta l-ispejjeż kollha li jistgħu jitħallsu minn produttur effettiv u kompetittiv GOES.

(181)

Ir-raba', utent ieħor ikkummenta li hu apprezza l-għażla tal-prezz minimu ta' importazzjoni minflok dazji ad valorem. Madankollu, huwa talab lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistabbilixxi livell jew tnejn tal-PMI. Fil-każ ta' żewġ livelli, is-separazzjoni għandha b'mod raġjonevoli tkun fil-punt ta' qtugħ approssimattiv bejn il-GOES konvenzjonali u t-tipi b'permeabilità għolja.

(182)

Il-ħames, l-Industrija tal-Unjoni appoġġjat sistema ta' PMI imsejsa fuq tliet kategoriji ta' prodotti. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni opponiet il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati dawn l-PMI, peress li r-riżultat tal-metodu medju ponderat tal-Kummissjoni kien li l-PMI proposti jkunu taħt il-livell sħiħ tal-eliminazzjoni tad-dannu u bħala tali stabbiliti f'livell baxx wisq. Stqarret ukoll li l-PMI attwalment proposti bħalissa huma ferm taħt il-prezzijiet tas-suq attwali fl-UE u f'pajjiżi terzi. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-kalkoli tal-PMI tagħha u tibbażahom għal kollox fuq il-livelli tal-eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi kollha biż-żieda ta' profitt raġonevoli (għal kull tip tal-prodott ikkonċernat li jaqa' fi ħdan il-prodott relevanti). Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni tenniet il-kumment tagħha li l-Kummissjoni għandha tuża mira ta' profitt ta' 14 % li kien il-qligħ mis-sena 2010.

(183)

Is-sitta, il-produttur esportatur Amerikan esprima dubji serji dwar l-utilità u l-adegwatezza tal-proposta tal-PMI tal-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet tas-suq tal-prodott rilevanti huma attwalment ħafna ogħla mill-PMI.

(184)

Is-seba', utent ieħor iddikjara li huwa pjuttost jappoġġja l-impożizzjoni ta' prezz minimu ta' importazzjoni (PMI) fuq l-ambitu kollu tal-prodott bħala soluzzjoni ta' kompromess sabiex jiġi akkomodati domandi konfliġġenti tal-GOES u l-industiji tat-trasformers. Dan l-utent qal li l-PMI huma għoljin wisq (b'mod partikolari għat-tieni u t-tielet kategorija, meta jsir tqabbil mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-IP, li fuqhom ġew miżjuda d-dazji ad valorem) u jinħoloq periklu konkret għall-industrija tal-Unjoni tat-transformers li se jkollha tħallas id-dazji qabel l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tipprovdi l-ħtiġijiet tagħha.

(185)

Tmienja, il-produttur esportatur Russu kien sodisfatt bil-proposta tal-Kummissjoni li tadotta dazju anti-dumping varjabbli fil-forma ta' PMI, minflok dazji ad valorem. Madankollu, dan il-produttur esportatur allega li l-metodoloġija attwalment proposta tal-kalkolu ta' tliet PMI differenti (ibbażata biss fuq firxiet differenti ta' telf massimu fil-qalba) mingħajr ma ssir distinzjoni la bejn il-produtturi esportaturi individwali u lanqas bejn il-pajjiżi differenti ta' oriġini, qed tikser l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, dan il-produttur esportatur allega li dan il-metodu ma jivvalutax dazji tal-anti-dumping f'“ammont xieraq”, u ddiskrimina kontra importazzjonijiet mir-Russja. Bl-istess mod, il-produttur esportatur Russu talab ukoll li l-Kummissjoni għandha toħloq ir-raba' kategorija tal-prodott għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz minimu tal-importazzjoni, li għandu jkun fih esklussivament tipi tal-prodott ikkonċernat inferjuri jew subgrade b'karatteristiċi fiżiċi komparabbli ma' dawk tat-tipi esportati' tat-“tieni” u “t-tielet għażla”. Il-produttur esportatur Russu allega li l-PMI — ibbażati esklussivament fuq telf massimu fil-qalba jħallu l-produttur Russu, u fl-aħħar mill-aħħar ir-Russja bħala l-uniku sors ta' provvisti tat-tipi esportati' tat-“tieni” u “t-tielet għażla”, f'pożizzjoni sostanzjalment differenti minn ta' xi pajjiżi esportaturi kkonċernati.

(186)

Il-Kummissjoni analizzat fid-dettall il-kummenti kollha li saru, ser tispjega aktar taħt il-metodoloġija użata fid-dawl ta' dawn il-kummenti, u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(187)

Il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikkalkula t-tliet PMI, kienet din li ġejja. Bħal fi kwalunkwe investigazzjoni ta' anti-dumping, il-Kummissjoni ġabret dejta għall-PI, li kienet ivverifikata, sabiex jiġu stabbiliti l-valuri normali għal kull tip ta' prodott u l-prezzijiet indikattivi mhux dannużi għall-industrija tal-Unjoni, anki hawn għal kull tip ta' prodott. Il-prezzijiet indikattivi għall-industrija tal-Unjoni kienu jikkonsistu fl-ispiża tal-produzzjoni li magħhom ġie miżjud profitt raġonevoli. Fuq il-bażi ta' din id-dejta, ġiet applikata l-metodoloġija kif stabbilita fil-premessi (169) u ta' wara. Għalhekk, ġie konkluż li l-irkupru tal-industrija tal-Unjoni kien modest wara l-PI. Barra minn hekk, ġiet ikkunsidrata r-regola tad-dazju inferjuri. Fejn id-dazji ad valorem kienu bbażati fuq il-marġini ta' dumping, il-valuri normali, li maghħom ġew miżjuda l-ispejjeż tat-trasport biex wieħed ikun jista' jasal għall-prezz tal-fruntiera CIF tal-Unjoni, ġew użati fil-kalkolu tal-PMI. Fejn id-dazji ad valorem kienu bbażati fuq il-livell ta' eliminazzjoni tad-dannu, intuża l-prezz indikattiv mhux dannuż għall-industrija tal-Unjoni. Il-PMI mbagħad kienu kkalkulati bħala l-medja ponderata tal-valuri normali u l-prezzijiet indikattivi li ma jkunux ta' dannu li ġew użati. Il-fattur tal-ponderazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-proporzjon tal-volum tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-kumpaniji fejn id-dazju ad valorem huwa bbażat fuq il-marġini ta' dumping u skont il-proporzjon tal-volum ta' importazzjonijiet minn kumpaniji fejn id-dazju ad valorem huwa bbażat fuq il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Kull PMI huwa medja ponderata tal-prezzijiet (valur normali u prezzijiet indikattivi) ta' tipi differenti ta' prodotti fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji ta' prodotti.

(188)

It-tliet PIMs għat-tliet kategoriji differenti ta' prodotti japplikaw għall-produtturi esportaturi kollha u għall-pajjiżi kollha kkonċernati, jekk il-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni jkun l-istess jew ogħla mill-PMI (f'liema każ l-ebda dazju m'huwa pagabbli). Meta d-dazji jkunu pagabbli, i.e. meta l-prezzijiet tal-esportazzjoni jkunu taħt il-PMI, ir-rata ta' dazju applikabbli tkun inqas mid-differenza bejn il-PMI applikabbli u l-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju u r-rati ta' dazju ad valorem. Għaldaqstant, id-dazji individwali japplikaw għal kull produttur esportatur. L-ammont tat-taxxa fl-ebda każ m'għandu jkun ogħla minn rati ta' dazju ad valorem li huma speċifiċi għal kull produttur esportatur individwali ta' kull pajjiż ikkonċernat. Xenarju alternattiv, kif issuġġerit minn diversi partijiet interessati, kienet l-introduzzjoni ta' PMI differenti għal kull produttur esportatur. Madankollu, din se tfisser mill-inaqs 21 PMI differenti (jiġifieri tliet (3) PMI għal tliet kategoriji għal seba' produtturi esportaturi li kkooperaw), li jagħmel l-implimentazzjoni tal-miżuri diffiċli ħafna, jekk mhux ukoll imprattikabbli, għall-awtoritajiet doganali.

(189)

Il-PMI kienu sussegwentament paragunati mal-prezzijiet tal-bejgħ matul il-perjodu ta' wara l-PI fis-suq tal-Unjoni. Id-dejta dwar dawn il-prezzijiet inkisbet mill-utenti u mill-industrija tal-Unjoni matul l-investigazzjoni wara d-divulgazzjoni provviżorja, kif stipulat fil-premessi (5) u (6). Din l-investigazzjoni żvelat li b'mod ġenerali l-PMI proposti, b'mod partikolari dak tal-gradi għoljin, għat-tliet kategoriji differenti tal-prodotti huma taħt il-prezzijiet tal-bejgħ wara l-PI, f'liema każ m'għandu jitħallas l-ebda dazju. Kif spjegat fil-premessi (182) u (183), din il-konklużjoni tal-investigazzjoni kienet ikkorroborata mid-dikjarazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni, diversi utenti u l-produttur esportatur Amerikan.

(190)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet kollha fir-rigward tal-metodoloġija użata u l-livell tal-PMI.

(191)

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni qed tiffissa l-prezzijiet, il-Kummissjoni tfakkar li hija stabbilixxiet tliet PIMs għal tliet kategoriji differenti ta' prodotti li jneħħu l-effetti ta' dumping dannuż u li jipprevjenu lill-utenti minn kwalunkwe effett negattiv ta' żidiet mhux dovuti fil-prezzijiet wara l-perjodu ta' investigazzjoni, kif stabbilit fil-premessa (169) ta' hawn fuq. Il-Kummissjoni m'għandhiex toħloq tagħwiġ fis-suq għall-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni li huma ġeneralment ogħla mill-PMI proposti, kif spjegat fil-premessa (189). Barra minn hekk, il-PMI mhumiex prezzijiet minimi, għalhekk il-produtturi esportaturi, jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan, xorta jistgħu jbigħu bi prezzijiet aktar baxxi mill-PMI. Għalhekk, il-produtturi esportaturi u dawk tal-Unjoni xorta jistgħu jikkompetu ma' xulxin billi jiddifferenzjaw il-prezzijiet tagħhom minn xulxin, irrispettivament mill-PMI stabbiliti.

(192)

Fir-rigward tal-allegazzjoni li (wieħed jew) żewġ PMI kienu aktar xierqa mit-tliet PMI proposti, il-Kummissjoni nnutat id-differenza oġġettiva fil-prezz (madwar 170 euro għal kull tunnellata, ara l-premessa (176) għall-ewwel u t-tieni kategorija ta' prodotti, kollha komposti minn tipi b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat. Billi jkun hemm biss żewġ (2) PMIs b'punt ta' qtugħ bejn it-tipi konvenzjonali u dawk b'permeabilità għolja tal-prodott ikkonċernat, il-prezz tal-ewwel kategorija ta' prodott (jiġifieri, tipi ta' prodott b'telf massimu fil-qalba mhux ogħla minn 0,9 W/kg) bażikament jiġi kkombinat mal-prezz tat-tieni kategorija ta' prodotti, li prinċipalment tikkonsisti wkoll f'tipi ta' prodotti kkonċernati b'permeabilità għolja, għalkemm b'livell ogħla ta' telf fil-qalba. Kieku ġiet segwita metodoloġija bħal din, il-PMI tat-tipi ta' prodotti tal-aqwa kwalità b'permeabilità għolja jkunu proporzjonalment issottovalutati. Rigward l-allegazzjonijiet li l-ebda dazji individwali ma japplikaw għal kull produttur esportatur, qed issir referenza għal premessa (187) ta' hawn fuq, li tiddeskrivi l-metodoloġija li bihom dazji individwali japplikaw fil-każ li jkollu jitħallas dazju ad valorem.

(193)

Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni m'għandhiex taċċetta għal kollox l-ispejjeż tal-produzzjoni bħala bażi biex jiġi kkalkolat il-livell li ma jikkawżax dannu, imma pjuttost l-ispejjeż kollha sostnuti minn produttur effettiv u kompetittiv, huwa mfakkar li l-kalkolu kien ibbażat fuq dejta vverifikata. Barra minn hekk, peress li din it-talba ma kinitx sostanzjata u ma ġiet ipprovduta ebda metodoloġija alternattiva kif għandhom isiru tali aġġustament fl-ispejjeż ta' produzzjoni, il-Kummissjoni ċaħditha.

(194)

Is-suġġeriment li kull sena l-PMI jitnaqqsu b'5 % ma jkunx konformi mal-objettiv li t-tneħħija ta' dumping dannuż. Barra minn hekk, l-ebda evidenza ma ġiet mogħtija li tista' tiġġustifika tali tnaqqis ta' 5 % kull sena.

(195)

Rigward it-talba biex tinħoloq ir-raba' kategorija ta' prodott, li jkun fiha esklużivament tipi tal-prodott ikkonċernat off-grade jew inferjuri, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda punt ta' riferiment ċar ma hu disponibbli biex tiġi applikata firda ulterjuri. Barra minn hekk, il-PMI huma bbażati fuq taħlita ta' tipi ta' prodotti, irrispettivament minn jekk dawn ikunux sħaħ jew miftuqa pereżempju, u wkoll irrispettivament minn jekk dawn kinux degradati jew le. It-tliet kategoriji differenti ta' prodotti huma bbażati fuq massimu tat-telf fil-qalba, li huwa kriterju oġġettiv u nondiskriminatorju.

(196)

Żewġ utenti talbu wkoll li jiġi limitat id-dewmien tal-miżuri għal perjodu iqsar minn ħames snin, u allegaw li xibka ta' protezzjoni ta' mhux aktar minn 2-3 snin mhijiex mehtieġa biex tipprovdi lill-industrija tal-GOES tal-UE b'inċentiv biżżejjed biex tinvesti fil-produzzjoni ta' GOES ta' grad għoli.

(197)

Madankollu, l-utenti ma ssostanzjawx id-dikjarazzjoni tagħhom li perjodu relattivament qasir ta' 2-3 snin ikun biżżejjed biex wieħed jinvesti u jikseb tal-anqas xi redditu fuq l-investiment. Kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, dazju definittiv anti-dumping għandu jiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tiegħu.

(198)

F'każ ta' bidla ta' ċirkostanzi tas-suq, ir-Regolament bażiku jipprovdi diversi għażliet. Jekk il-bidla tkun permanenti, l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi li jista' jintalab rieżami tal-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta' impożizzjoni ta' miżuri, sakemm ikun għadda perjodu raġonevoli ta' żmien ta' mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva. Jekk il-bidla tkun temporanja, skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi meta l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu nbidlu temporanjament sal-punt li jkun improbabbli li d-dannu jissokta bħala riżultat tas-sospensjoni. Il-Kummissjoni se tevalwa b'ħeffa l-merti ta' kull talba debitament motivata magħmula taħt waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, sabiex jinżamm livell bilanċjat ta' protezzjoni kontra dumping dannuż.

(199)

Fl-aħħar nett, it-talba tal-produttur esportatur Russu li l-PMI ma għandux jiġi esklużivament ibbażat fuq telf fil-qalba, ma ġietx aċċettata għar-raġuni li ġejja. Massimu tat-telf fil-qalba huwa kriterju oġġettiv li jiddistingwi bejn tipi differenti tal-prodott ikkonċernat, filwaqt illi d-distinzjoni bejn it-tipi tal-ewwel u t-tieni kwalità tal-prodott ikkonċernat hija pjuttost evalwazzjoni suġġettiva ħafna li tikkumplika kwalunkwe monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, il-PMI ma jiddistingwux bejn produtturi esportaturi individwali u pajjiżi kkonċernati, kif spjegat fid-dettall fil-premessa (187) hawn fuq.

(200)

Il-miżuri tad-dazju anti-dumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta' din l-investigazzoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn il-miżuri huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati u li huwa mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmijin. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, għandhom ikunu suġġetti għall-miżuri applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi miżura individwali tal-anti-dumping.

(201)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri anti-dumping individwali jekk tibdel l-isem tal-entità tagħha jew tistabbilixxi entità ta' produzzjoni jew ta' bejgħ ġdida. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (6). It-talba għandu jkollha l-informazzjoni relevanti kollha, inkluża l-modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjat ma', pereżempju, il-bidla fl-isem jew il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u bejgħ. Il-Kummissjoni se taġġorna l-lista ta' kumpaniji b'miżuri individwali tal-anti-dumping, jekk dan ikun iġġustifikat.

(202)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' ċirkumvenzjoni, qed jitqies li jinħtieġu miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej: il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida u ċertifikat validu tal-fabbrika, li għandu jikkonforma mar-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'tali fattura u ċertifikat tal-fabbrika għandhom ikunu soġġetti għal rata ta' dazju ad valorem applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha mingħajr referenza għall-prezzijiet minimi ta' importazzjoni.

(203)

Jekk issir bidla fil-mudell tal-kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta' miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jista' jingħata bidu għal investigazzjoni ta' kontra l-elużjoni u, sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet, jistgħu jiġu imposti dazji ad valorem.

(204)

Barra minn hekk, sabiex ikun hemm l-aħjar salvagwardja kontra kull assorbiment possibbli tal-miżuri, partikolarment bejn kumpanniji relatati, il-Kummissjoni immedjatament tibda rieżami taħt l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku u tista' tissottoponi l-importazzjonjiet għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, jekk issib xi evidenza ta' komportament simili.

3.   Ebda ġbir ta' dazji provviżorji

(205)

M'għandhomx jinġabru d-dazji provviżorji fil-forma ta' dazji ad valorem li jvarjaw bejn 21,6 % u 35,9 % għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li applikaw matul il-perjodu mit-13 ta' Mejju 2015 sat-13 ta' Novembru 2015. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-ġbir tad-dazji provviżorji, li ħadu forma differenti mid-dazji definittivi, ma jkunx konformi mal-interess tal-Unjoni, minħabba li l-prezzijiet matul dan il-perjodu kienu ġeneralment ogħla mill-PMIS stabbiliti.

(206)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping definittivi. Huma ngħataw ukoll perjodu ta' żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan id-divulgazzjoni. Il-kummenti li tressqu mill-partijiet l-oħra tqiesu kif xieraq iżda ma kinux tali li wasslu biex biddlu l-konklużjonijiet.

H.   IMPENJI

(207)

Il-produttur esportatur Russu u dak Korean offrew impenji fuq il-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Il-produttur esportatur Korean sussegwentement irtira l-offerta ta' impenn tiegħu.

(208)

Il-produtturi esportatur Russu jesporta żewġ tipi ta' GOES (tipi “primi” u “mhux primi”, tal-aħħar ikollu pereżempju difetti superfiċjali) kollha li jaqgħu fi ħdan il-firxa ta' prodotti (prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg). Fi ħdan din il-kategorija ta' prodott, huwa talab żewġ PMI b'żieda ma' dawk stabbiliti għal dan id-dazju, biex issir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi tal-prodott ikkonċernat li huwa qed jesporta lejn l-Unjoni. Il-produttur esportatur Russu għandu għadd ta' kumpaniji relatati fl-Unjoni, għalkemm s'issa biegħ il-prodott ikkonċernat esklussivament permezz tal-kummerċjant relatat tiegħu fl-Iżvizzera.

(209)

Il-Kummissjoni vvalutat din l-offerta, fl-isfond tal-forma tal-miżuri, jiġifieri l-PMI li ġew stabbiliti għal tliet kategoriji ta' tipi ta' prodotti, applikabbli għall-produtturi esportaturi kollha mill-pajjiżi kollha kkonċernati, kif stabbilit hawn fuq fil-premessi (175) u (176). L-offerta impenjata tvarja sostanzjalment minn dan l-approċċ u se tirrikjedi miżura speċifika għall-kumpanija.

(210)

Id-distinzjoni bejn prodotti primi u mhux primi tidher li hi suġġettiva ferm għall-iskop ta' miżuri ta' implimentazzjoni peress li qed jiġi propost li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta' prodotti b'referenza għal standard Russu. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din tagħmel l-impenn imprattikabbli, iktar u iktar peress li dan l-istandard ikun addizzjonali għad-distinzjoni bejn it-tipi ta' prodotti bbażati fuq it-telf fil-qalba.

(211)

Barra minn hekk, l-għadd kbir ta' tipi ta' prodotti (il-firxa ta' prodotti kollha tal-prodott ikkonċernat) li qed jinbiegħ fl-Unjoni kif ukoll l-istruttura tal-kumpanija tagħmel l-offerta diffiċli biex tiġi sorveljata mis-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod partikolari fl-isfond tal-forma tal-miżuri, jiġifieri l-PMI ġenerali li ġew stabbiliti għat-tliet kategoriji ta' tipi ta' prodott minflok dazji ad valorem li huma aktar komuni. Fl-aħħar nett, f'dan il-każ partikolari, l-interess ġenerali tal-Unjoni u l-impatt fuq l-utenti diġà ġew ikkunsidrati mill-PMI b'mod ġenerali kif stabbilit fid-dettall fil-premessi (149) u (169). Għalhekk dan jikkostitwixxi raġuni oħra għaċ-ċaħda tal-impenn tal-prezz offrut.

(212)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, u, għal raġunijiet ta' politika ġenerali, il-Kummissjoni ċaħdet l-offerta ta' impenn tal-produttur esportatur Russu.

(213)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Dazju definittiv anti-dumping huwa imponut fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti bi grani orjentati rrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon, li għandhom ħxuna ta' iżjed minn 0,16 mm, li attwalment jaqgħu fil-kodiċi NM ex 7225 11 00 (Kodiċi TARIC 7225110011, 7225110015 u7225110019) u ex 7226 11 00 (Kodiċi TARIC 7226110012, 7226110014, 7226110016, 7226110092, 7226110094 u 7226110096) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka.

(2)   L-ammont ta' dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt f'paragrafu 1 u manifatturat mill-entitajiet imsemmija legalment kif stipulat fil-paragrafu 4 għandu jkun id-differenza bejn il-prezzijiet minimi ta' importazzjoni ffissati fil-paragrafu 3 u l-prezz nett fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, jekk dan tal-aħħar huwa aktar baxx minn dak ta' qabel. M'għandu jinġabar ebda dazju fejn il-prezz nett fil-fruntiera tal-Unjoni huwa ugwali jew ogħla mill-prezz minimu tal-importazzjoni korrispondenti ffissat fil-paragrafu 3. L-ammont tat-taxxa fl-ebda każ m'għandu jkun ogħla minn rati ta' dazju ad valorem stabbiliti fil-paragrafu 4.

(3)   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2, għandu japplika l-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella hawn taħt. Fejn jinstab, wara verifika li sseħħ wara l-importazzjoni, li l-prezz nett fil-fruntiera tal-Unjoni, attwalment imħallas mill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità (prezz ta' wara l-importazzjoni) huwa anqas mill-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, kif irriżulta mid-dikjarazzjoni doganali u l-prezz ta' wara l-importazzjoni huwa anqas mill-prezz minimu ta' l-importazzjoni, għandu japplika ammont ta' dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella ta' hawn taħt u l-prezz ta' wara l-importazzjoni, sakemm l-applikazzjoni tad-dazju ad valorem stabbilita fil-paragrafu 4 flimkien mal-prezz ta' wara l-importazzjoni ma twassalx għal ammont (il-prezz attwalment imħallas flimkien mad-dazju ad valorem) li jibqa' anqas mill-prezz minimu tal-importazzjoni stabbilit fit-tabella hawn isfel.

Pajjiżi kkonċernati

Firxa tal-prodotti

Prezzijiet minimi tal-importazzjoni

(EUR/tunnellata ta' piż nett tal-prodott)

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Korea

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba mhux ogħla minn 0,9W/kg

EUR 2 043

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba għola minn 0,9W/kg imma mhux ogħla minn 1,05 W/kg

EUR 1 873

Prodotti b'massimu tat-telf fil-qalba ogħla minn 1,05 W/kg

EUR 1 536

(4)   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 2, għandhom japplikaw ir-rati tad-dazju ad valorem stabbiliti fit-tabella hawn taħt.

Kumpanija

Dazju Ad valorem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd., Shanghai, PRC

21,5 %

C039

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd., Wuhan, PRC

36,6 %

C056

JFE Steel Corporation, Tokyo, il-Ġappun

39,0 %

C040

Nippon Steel & Sumitomo Metal Corporation, Tokyo, il-Ġappun

35,9 %

C041

POSCO, Seoul, ir-Repubblika tal-Korea

22,5 %

C042

OJSC Novolipetsk Steel, Lipetsk;VIZ Steel, Ekaterinburg, il-Federazzjoni Ruusa

21,6 %

C043

AK Steel Corporation, Ohio, Stati Uniti tal-Amerika

22,0 %

C044

(5)   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-paragrafu 4 għandu jkun id-dazju ad valorem kif stabbilit fit-tabella hawn taħt.

Il-kumpanija

Dazju Ad valorem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-kumpaniji Ċiniżi l-oħra kollha

36,6 %

C999

Il-kumpaniji Ġappuniżi l-oħra kollha

39,0 %

C999

Il-kumpaniji Koreani l-oħra kollha

22,5 %

C999

Il-kumpaniji Russi l-oħra kollha

21,6 %

C999

Il-kumpaniji Amerikani l-oħra kollha

22,0 %

C999

(6)   L-applikazzjoni tal-miżuri għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 4 għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida u ċertifikat tal-fabbrika,li għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I u II. Jekk la jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-fabbrika u lanqas il-fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha. Dan iċ-ċertifikat tal-fabbrika għandu jelenka t-telf massimu fil-qalba għal kull koljatura f'Watts kull kilogramm bi frekwenza ta' 50 Hz u induzzjoni manjetika ta' 1,7 Tesla.

(7)   Għal produtturi msemmija individwalment u fil-każijiet fejn l-oġġetti jkun sarilhom xi dannu qabel ma jkunu tqiegħdu fis-suq u, għalhekk, il-prezz imħallas realment jew li jkun irid jitħallas huwa allokat għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1), il-prezz minimu ta' importazzjoni stipulat hawn fuq, għandu jitnaqqas b'perċentwali li jikkorrispondi mal-allokazzjoni tal-prezz imħallas realment jew li jkun irid jitħallas. Id-dazju pagabbli mbagħad għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu mnaqqas ta' importazzjoni u l-prezz nett imnaqqas, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-approvazzjoni doganali.

(8)   Għall-kumpaniji l-oħra kolla u f'każijiet fejn l-oġġetti ġarrbu dannu qabel ma daħlu fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u, għalhekk, il-prezz li tħallas attwalment jew li għandu jitħallas huwa allokat għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 145 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, l-ammont tad-dazju anti-dumping, maħdum abbażi tal-paragrafu 2 hawn fuq, irid jitnaqqas b'perċentwali li jikkorrispondi mal-allokazzjoni tal-prezz imħallas attwalment jew li għandu jitħallas.

(9)   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament (UE) Nru 763/2015 għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ottubru 2015

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/763 tat-12 ta' Mejju 2015 li jimponi dazju provviżorju tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti bi grani orjentati irrumblati ċatti ta' azzar manjetiku tas-silikon (“GOES”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa (“ir-Russja”) u l-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 120, 13.5.2015, p. 10).

(3)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta' Ottubru 2011 fil-każ Nru. T-192/08. Transnational Company “Kazchrome” AO, paragrafu 221.

(4)  ĠU L 160, 19.6.2007, p. 32, premessa (20)

(5)  ĠU L 160, 19.6.2007, p. 31, premessa (15).

(6)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Bruxelles/Brussel, Belgique/België.


ANNESS I

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata fil-format li ġej minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(6):

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali,

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li (l-volum) u t-(telf fil-qalba) tal-azzar manjetiku bi grani orjentati mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

Data u firma


ANNESS II

Trid tidher dikjarazzjoni ffirmata mill-uffiċjal tal-entità li toħroġ iċ-ċertifikat tal-fabbrika, fil-format li ġej, fuq iċ-ċertifikat tal-fabbrika valida msemmija fl-Artikolu 1(6):

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali,

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-azzar manjetiku bi grani orjentati mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert miċ-ċertifikat tal-fabbrika, li juri l-kejl tat-telf massimu fil-qalba f'Watts kull kilogramm bi frekwenza ta' 50 Hz u induzzjoni manjetika ta' 1,7 Tesla, u d-daqs f'mm, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'dan iċ-ċertifikat tal-fabbrika hi kompluta u korretta.”

Data u firma