22.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1898

tal-21 ta' Ottubru 2015

li ma jagħtix kunsens li tiġi awtorizzata stqarrija għas-saħħa li tirrigwarda l-ikel, għajr dak li jirreferi għal tnaqqis ta' riskju ta' mard u ta' riskju għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-istqarrijiet dwar l-effetti tal-prodotti tal-ikel fuq is-saħħa huma pprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni skont dak ir-Regolament u ma jkunux inklużi f'lista ta' stqarrijiet permessi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”, biex issir valutazzjoni xjentifika tagħhom, kif ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għall-informazzjoni tagħhom.

(3)

L-Awtorità għandha tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-istqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa kkonċernata.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

(5)

Wara applikazzjoni minn Clasado Ltd imressqa skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar dikjarazzjoni sanitarja marbuta mal-effetti tal-Bimuno® GOS u t-tnaqqis tal-iskumdità gastrointestinali (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2014-00022 (2)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: “Jekk b'mod regolari tikkonsma 1,37 g galaktooligosakkaridi ta' Bimuno® kuljum, jaf tnaqqas l-iskumdità abdominali”.

(6)

Fis-16 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum tal-Bimuno® GOS u l-iskumdità abdominali. F'dik l-Opinjoni, l-Awtorità nnutat ukoll li ħlief għal studju wieħed ta' intervent tal-bniedem mhux ippubblikat, l-istudji umani u mhux umani kollha pprovduti mill-applikant għal din it-talba diġà tressqu f'applikazzjonijiet preċedenti għall-istess pretensjoni, u ġew evalwati b'riżultati mhux favorevoli (3). Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din m'għandhiex tiġi awtorizzata.

(7)

Il-kummenti mill-applikant u l-membri tal-pubbliku li waslu għand il-Kummissjoni skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tqiesu meta tfasslu l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-istqarrijiet dwar l-effetti fuq is-saħħa mniżżlin fl-Anness ta' dan ir-Regolament m'għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-istqarrijiet permessi dwar l-effetti fuq is-saħħa kif previst fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  The EFSA Journal 2014; 12(7):3756.

(3)  The EFSA Journal 2011; 9(12):2472 u The EFSA Journal 2013; 11(6): 3259.


ANNESS

Dikjarazzjoni miċħuda dwar is-saħħa

Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Nutrijent, sustanza, prodott tal-ikel jew kategorija tal-ikel

Stqarrija

Referenza tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA

L-Artikolu 13(5) stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata dan l-aħħar u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni tad-dejta riżervata

Bimuno® GOS

Jekk b'mod regolari tikkonsma 1,37 g galaktooligosakkaridi ta' Bimuno® kuljum, jaf tnaqqas l-iskumdità abdominali

Q-2014-00022