15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1845

tal-14 ta' Ottubru 2015

li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li jridu jintużaw biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta' intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali tal-2016 tal-FAEG

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) u (4) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 (2) jistipula li n-nefqa relatata mal-ispejjeż finanzjarji mġarrba mill-Istati Membri sabiex jimmobilizzaw fondi biex jixtru prodotti, għandha tiġi stabbilita skont il-metodi stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament.

(2)

Il-punt I.1 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014 jistipula li l-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji kkonċernati jrid isir abbażi ta' rata tal-imgħax li tkun l-istess fl-Unjoni kollha u li tkun stabbilita mill-Kummissjoni fil-bidu ta' kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għall-medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta' tliet (3) xhur u ta' 12-il xahar, reġistrati matul il-perjodu ta' referenza ta' sitt xhur li jrid jiġi determinat mill-Kummissjoni, qabel in-notifika mingħand l-Istati Membri stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 ta' dak l-Anness, b'valur ta' terz u żewġ terzi rispettivament.

(3)

Barra minn hekk, f'konformità mat-tieni paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014, jekk Stat Membru ma jibgħat l-ebda notifika, fil-forma u sad-data tal-iskadenza msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dak il-punt, ir-rata tal-imgħax imġarrba minn dak l-Istat Membru għandha titqies bħala 0 %. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spiża tal-imgħax għax ma kellux prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta' referenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik ir-rata tal-imgħax skont it-tielet paragrafu ta' dak il-punt.

(4)

Skont il-punt I.3 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014, ir-rata tal-imgħax stabbilita abbażi tal-punt I.2 ta' dak l-Anness għandha titqabbel mar-rata tal-imgħax uniformi stabbilita abbażi tal-punt I.1 ta' dak l-Anness. Ir-rata tal-imgħax applikabbli għal kull Stat Membru għandha tkun l-aktar waħda baxxa minn dawn iż-żewġ rati tal-imgħax.

(5)

Peress li ma kienx hemm prodotti agrikoli fil-ħżin pubbliku matul is-sitt xhur tal-perjodu ta' referenza li ġie stabbilit għax-xhur minn Jannar sa Ġunju 2015, u li l-Kummissjoni tikkonsidra bħala rappreżentattiv fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' ħżin pubbliku, l-Istati Membri ma ntalbux jibagħtu notifiki skont l-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014.

(6)

Ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2016 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawk il-fatturi differenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan-nefqa marbuta mal-ispejjeż ta' finanzjament li ġarrbu l-Istati Membri biex immobilizzaw il-fondi għax-xiri ta' prodotti li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2016 tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness I tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 906/2014 skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-istess Regolament, għandhom ikunu r-rata tal-imgħax uniformi stabbilita ta' 0,1 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Ottubru 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b'intervent pubbliku (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 1).