13.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/3


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1829

tat-23 ta' April 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 15(8) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(6)(a) u l-Artikolu (66)(3)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (3) u jistabbilixxi regoli ġodda li skonthom l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli u ċerti prodotti tal-ikel ibbażati fuq prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern jew f'pajjiżi terzi, jistgħu jkunu kompletament jew parzjalment iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

(2)

Ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament jikkonċernaw b'mod predominanti l-programmi sempliċi, ġestiti mill-Istati Membri. Għall-programmi multipli, ġestiti direttament mill-Kummissjoni, għandu japplika r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, il-kundizzjonijiet li skonthom organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti programm, u li huma stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw kemm għal programmi sempliċi kif ukoll dawk multipli.

(3)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jistabbilixxi l-lista ta' organizzazzjonijiet proponenti. Jeħtieġ li jiġi speċifikat skont liema kundizzjonijiet kull kategorija ta' organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti proposta għal programm ta' informazzjoni u ta' promozzjoni li se jiġi kofinanzjat mill-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat illi l-organizzazzjonijiet proponenti huma rappreżentattivi għas-settur konċernat, jeħtieġ li jiġi speċifikat il-livell meħtieġ ta' rappreżentanza. Fejn possibbli, għandha tkun applikata r-regola sempliċi tal-Istat li jirrappreżenta l-maġġoranza tas-settur.

(4)

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni kkofinanzjati mill-Unjoni għandhom jimmiraw għall-ftuħ ta' swieq ġodda f'pajjiżi terzi u għandhom isiru minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet. Sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni u sabiex ikun żgurat l-aċċess l-aktar wiesa' possibbli għall-iskema ta' promozzjoni tal-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-organizzazzjoni ma tirċievix appoġġ għall-istess programm ta' promozzjoni aktar minn darbtejn konsekuttivi.

(5)

Bil-ħsieb li jintagħżlu korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi, l-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jiżguraw l-aħjar valur għall-flus. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom jevitaw kull konflitt ta' interess. Fejn l-organizzazzjoni proponenti hija korp irregolat mil-liġi pubblika fit-tifsira tal-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandhom japplikaw ir-regoli stipulati f'dik id-Direttiva u trasposti fil-liġi nazzjonali.

(6)

L-iskema ta' promozzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa u tirrinforza skemi mmexxija mill-Istati Membri u għandha tiffoka fuq messaġġ tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni kofinanzjati mill-Unjoni għandhom juru dimensjoni speċifika tal-Unjoni li għaliha għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji neċessarji.

(7)

Sal-lum, bi kważi żewġ terzi tal-programmi mwettqa fis-suq intern, l-Istat Membru ta' oriġini biss ġie mmirat mill-organizzazzjonijiet proponenti. Barra minn hekk, issal-oriġini ta' prodotti tista' tkun viżibbli fuq informazzjoni u materjal ta' promozzjoni b'ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm valur miżjud ċar tal-Unjoni, is-swieq fil-mira tal-programmi kofinanzjati mill-Unjoni mwettqa fis-suq intern għandhom jitkabbru u m'għandhomx ikunu limitati għall-Istat Membru ta' oriġini tal-organizzazzjoni proponenti, diment li l-programmi jwasslu messaġġ dwar l-iskemi Ewropej ta' kwalità jew prattiki dijetetiċi xierqa skont il-White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-nutriment, il-piż żejjed u l-obeżità (6).

(8)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe rkib fuq miżuri ta' promozzjoni ffinanzjati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jeħtieġ li jiġu esklużi mill-finanzjament skont dan ir-Regolament, il-programmi li għandhom biss impatt lokali u jiġu ppreferuti l-programmi li se joperaw fuq skala sinifikanti, b'mod partikolari fis-suq intern, f'termini ta' kopertura transfruntiera.

(9)

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni kkofinanzjati mill-Unjoni ma għandhomx ikunu orjentati skont marki kummerċjali jew skont l-oriġini iżda għandhom iwasslu messaġġ tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni fis-suq intern li jkopru skema kif imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandhom jibgħatu messaġġ dwar il-karatteristiċi jew garanziji offruti minn dawn l-iskemi li jimmiraw, b'mod partikolari, li jżidu s-sensibilizzazzjoni u r-rikonoxximent ta' skemi ta' kwalità tal-Unjoni.

(10)

Sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati, għandu jiġi speċifikat li għal kull informazzjoni dwar l-impatt ta' prodott fuq is-saħħa jeħtieġ li jkun hemm bażi xjentifika rikonoxxuta u jeħtieġ li tikkonforma mal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew tiġi aċċettata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għas-saħħa pubblika fil-pajjiż fejn l-operazzjonijiet jitwettqu.

(11)

Fid-dawl tan-natura speċifika tal-azzjonijiet ta' promozzjoni, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarju għall-implimentazzjoni ta' programm.

(12)

Programmi sempliċi għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. L-Artikolu 19(4) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (9) jistipula li l-imposti marbuta mat-titoli għandhom jitħallsu mill-parti li tagħti l-garanzija. Skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal- Artikolu 126(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li għandhom japplikaw għal programmi multipli, l-ispejjeż marbuta mal-garanzija ta' prefinanzjament ippreżentata mill-benefiċjarju tal-għotja għandhom jitqiesu bħala eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali ta' programmi sempliċi u multipli li jistgħu jiġu sottomessi t-tnejn mill-istess organizzazzjonijiet proponenti, għandu jkun hemm deroga mill-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 907/2014 biex jippermetti li l-ispejjeż ta' titoli jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

(13)

Sabiex jitħarsu b'mod effettiv l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għandhom jiġu adottati miżuri xierqa bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi u n-negliġenzi serji. Għal dan il-fini, għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi wara li jiġu kkunsidrati l-prinċipji tal-effikaċja, tad-dissważività u tal-proporzjonalità. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jitqiesu dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu n-nuqqas intenzjonali ta' konformità.

(14)

Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' ċertezza legali, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (10) dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 għandu jiġi mħassar. Madankollu, dan għandu jkompli japplika fir-rigward ta' programmi li ġew magħżula skont id-dispożizzjonijiet tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kundizzjonijiet li skonthom organizzazzjoni proponenti tista' tippreżenta programm sempliċi jew multipli

1.   L-organizzazzjonijiet proponenti kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jistgħu jissottomettu proposta għal programm ta' informazzjoni u ta' promozzjoni sakemm dawn ikunu rappreżentattivi tas-settur jew tal-prodott ikkonċernat kif ġej:

(a)

organizzazzjoni professjonali jew interprofessjonali, stabbilita fi Stat Membru jew fil-livell tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 rispettivament, għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi tas-settur ikkonċernat mill-programm:

(i)

meta tkun tammonta għal mill-inqas 50 % bħala proporzjon tal-għadd ta' produtturi, jew 50 % tal-volum jew tal-valur minimu tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat, fl-Istat Membru kkonċernat jew fil-livell tal-Unjoni; jew

(ii)

meta tkun organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikolu 158 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

(b)

grupp kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandu jitqies li huwa rappreżentattiv ta' isem protett skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u kopert mill-programm, meta dan jammonta għal mill-inqas 50 % tal-volum jew tal-valur minimu tal-produzzjoni li tista' titqiegħed fis-suq tal-prodott(i) li ismu jkun protett;

(c)

organizzazzjoni ta' produtturi jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandha titqies li tkun rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat mill-programm, fejn hija rikonoxxuta mill-Istat Membru skont l-Artikoli 154 jew 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jew skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(d)

bl-eċċezzjoni ta' programmi mwettqa wara telf ta' fiduċja tal-konsumaturi, korp tas-settur agroalimentari kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandu jkun rappreżentattiv tas-settur(i) ikkonċernat(i) mill-programm billi jkun hemm rappreżentanti ta' dak/dawk il-prodott(i) jew is-settur fost is-sħubiji tiegħu.

2.   B'deroga mill-punti (a) (i) u (b) tal-paragrafu 1, jistgħu jiġu aċċettati limiti aktar baxxi, jekk l-organizzazzjoni proponenti turi fil-proposta mressqa li jeżistu ċirkostanzi speċifiċi, inkluż l-evidenza dwar l-istruttura tas-suq, li jiġġustifikaw it-trattament tal-organizzazzjoni proponenti bħala rappreżentattiva tal-prodott(i) jew tas-settur ikkonċernat.

3.   L-organizzazzjoni proponenti għandu jkollha biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u professjonali biex twettaq il-programm b'mod effettiv.

4.   Organizzazzjoni proponenti ma għandhiex tirċievi appoġġ għall-programmi ta' informazzjoni u ta' promozzjoni dwar l-istess prodott jew skema, li tkun saret fl-istess suq ġeografiku f'aktar minn żewġ okkażjonijiet konsekuttivi.

Artikolu 2

Għażla ta' korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi

1.   L-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jagħżlu korpi korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi li jiżguraw l-aħjar valur għall-flus. Huma u jagħmlu dan, iridu jieħdu l-miżuri kollha biex jevitaw kull sitwazzjoni fejn l-implimentazzjoni imparzjali u oġġettiva tal-azzjoni hija kompromessa għal raġunijiet li jinvolvu interess ekonomiku, affinità politika jew nazzjonali, rabtiet tal-familja jew emozzjonali jew kwalunkwe interess ieħor komuni (“kunflitt ta' interessi”).

2.   Meta l-organizzazzjoni proponenti hija korp regolat mil-liġi pubblika fit-tifsira tal-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, hija għandha tagħżel korpi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva.

Artikolu 3

Eliġibbiltà ta' programmi sempliċi

1.   Biex ikunu eliġibbli, il-programmi sempliċi għandhom:

(a)

iħarsu r-regoli tal-Unjoni marbuta mal-prodotti kkonċernati u t-tqegħid fis-suq tagħhom;

(b)

ikunu ta' skala sinifikanti, b'mod partikolari f'termini tal-impatt transfruntier previst tagħhom li jista' jitkejjel. Fis-suq intern, dan ifisser li programm għandu jiġi implimentat f'mill-inqas żewġ Stati Membri b'sehem koerenti tal-baġit allokat b'mod partikolari billi jitqies id-daqs rispettiv tas-suq f'kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, jew għandu jiġi implimentat fi Stat Membru wieħed jekk dak l-Istat Membru jkun differenti mill-Istat Membru ta' oriġini tal-organizzazzjoni/jiet proponenti. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal programmi li jgħaddu messaġġ li jikkonċerna l-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 u għal programmi li jgħaddu messaġġ li jikkonċerna l-prattiki dijetetiċi xierqa;

(c)

ikollhom dimensjoni tal-Unjoni, kemm f'termini tal-kontenut tal-messaġġ u tal-impatt, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni dwar l-istandards Ewropej tal-produzzjoni, il-kwalità u s-sikurezza ta' prodotti alimentari Ewropej u l-prattiki u l-kultura Ewropej dwar id-dieta, jippromwovu r-reputazzjoni tal-prodotti Ewropej fis-suq intern u s-swieq internazzjonali, iqajmu sensibilizzazzjoni dwar prodotti u logos Ewropej fost il-pubbliku ġenerali u f'impriżi kummerċjali. Dan ifisser b'mod partikolari li programm fis-suq intern li jkopri skema waħda jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, jiffoka fuq tali skema(i) fil-messaġġ ewlieni tiegħu tal-Unjoni. Meta f'dan il-programm, prodott wieħed jew diversi prodotti juru tali skema(i), huwa/huma għandhom jidhru bħala messaġġ sekondarju fir-rigward tal-messaġġ ewlieni tal-Unjoni;

2.   Barra minn hekk, jekk il-messaġġ imwassal minn programm jikkonċerna informazzjoni dwar l-impatt fuq is-saħħa, dan il-messaġġ:

(a)

fis-suq intern, għandu jikkonforma, mal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, jew jiġi aċċettat mill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-saħħa pubblika fl-Istat Membru fejn jitwettqu l-operazzjonijiet;

(b)

f'pajjiżi terzi, għandu jiġi aċċettat mill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-saħħa pubblika fil-pajjiż fejn jitwettqu l-operazzjonijiet.

Artikolu 4

Spejjeż ta' programmi sempliċi eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni

1.   L-ispejjeż eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu l-ispejjeż li jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ikunu effettivament iġġarrbu mill-organizzazzjoni proponenti waqt l-implimentazzjoni tal-programm, bl-eċċezzjoni ta' spejjeż relatati ma' rapporti finali u evalwazzjoni;

(b)

huma indikati fil-baġit globali stmat tal-programm;

(c)

huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm li jkun is-suġġett tal-kofinanzjament;

(d)

huma identifikabbli u verifikabbli, u b'mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords tal-kontabbilià tal-organizzazzjoni proponenti u determinati skont l-istandards tal-kontabbiltà applikabbli tal-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni proponenti tkun stabbilita;

(e)

iħarsu r-rekwiżiti tat-taxxa u l-leġiżlazzjoni soċjali applikabbli;

(f)

ikunu raġonevoli, ġustifikati, u jikkonformaw mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba, b'mod partikolari rigward ekonomija u effiċjenza.

2.   Is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandha tispeċifika l-kategoriji tal-ispejjeż meqjusa bħala eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni.

Madankollu, il-kategoriji ta' spejjeż li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli:

(a)

B'deroga mill-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 907/2014, l-ispejjeż relatati ma' garanzija bil-quddiem ipprovduta minn bank jew istituzzjoni finanzjarja u ppreżentata mill-organizzazzjoni proponenti meta dik il-garanzija tkun meħtieġa skont l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014;

(b)

l-ispejjeż marbuta mal-awditjar estern meta tali awditjar huwa meħtieġ bħala appoġġ għat-talbiet għal ħlas;

(c)

l-ispejjeż tal-persunal limitati għal salarji, l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u spejjeż oħrajn inklużi fir-remunerazzjoni ta' persunal assenjat għall-implimentazzjoni tal-programm, li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali applikabbli jew mill-kuntratt tal-impjieg, l-ispejjeż għall-persuni fiżiċi li jaħdmu b'kuntratt dirett mal-organizzazzjoni proponenti għajr kuntratt ta' impjieg jew issekondat minn parti terza kontra pagament;

(d)

l-ammonti tal-VAT meta dawn ma jistgħux jiġu rkuprati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT u meta jitħallsu minn benefiċjarju ieħor minbarra persuna mhux taxxabbli kif definit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112/KE (14);

(e)

l-ispejjeż ta' studji sabiex jiġu evalwati r-riżultati tal-azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni, kif imsemmi fl- Artikolu 15(4) tar- Regolament (UE) Nru 1144/2014, imwettaq minn korp estern indipendenti u kkwalifikat.

3.   Spejjeż indiretti eliġibbli għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta' rata fissa ta' 4 % tat-total tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-persunal tal-organizzazzjoni proponenti.

Artikolu 5

Penali amministrattivi fir-rigward ta' programmi sempliċi

1.   Fil-każ ta' irregolaritajiet, għandha tiġi imposta penali amministrattiva fuq l-organizzazzjoni proponenti li għandha tikkonsisti fi ħlas ta' darbtejn id-differenza bejn l-ammont imħallas inizjalment jew mitlub u l-ammont li jkun attwalment dovut.

2.   F'każ ta' mġiba ħażina serja, b'mod partikolari r-ripetizzjoni tal-irregolaritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jew meta jinstab li l-organizzazzjoni proponenti wettqet ksur serju tal-obbligi tagħha fil-proċedura tal-għażla tal-programmi jew tal-operat tagħhom, l-organizzazzjoni proponenti għandha tiġi eskluża mid-dritt għall-parteċipazzjoni f'azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni għal perjodu ta' tliet snin mid-data li fiha jkun ġie stabbilit il-ksur.

Artikolu 6

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 huwa mħassar. Madankollu, dan jibqa' applikabbli għal programmi approvati skont id-dispożizzjonijiet tiegħu qabel l-1 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2015 għal proposti ta' programmi mressqa mill-1 ta' Diċembru 2015 'il quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta' Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65). Id-Direttiva 2004/18/KE tħassret b'seħħ mit-18 ta' April 2016.

(6)  COM(2007)279 finali, 30.5.2007.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9).

(9)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1)