8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1803

tas-7 ta' Ottubru 2015

li jistabbilixxi perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-ħruġ tal-liċenzji tal-esportazzjoni, li jirrifjuta l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni u li jissospendi t-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għal zokkor barra mill-kwota

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 7e flimkien mal-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, iz-zokkor prodott matul sena ta' kummerċjalizzazzjoni li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 136 ta' dak ir-Regolament jista' jiġi esportat biss fil-limitu kwantitattiv stabbilit mill-Kummissjoni.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1164 tal-15 ta' Lulju 2015 li jiffissal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2015/2016 (3) jistabbilixxi t-tali limiti kwantitattivi.

(3)

Il-kwantitajiet ta' zokkor koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni jaqbżu l-limitu kwantitattiv iffissat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1164. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit perċentwali ta' aċċettazzjoni għall-kwantitajiet li saret applikazzjoni għalihom mill-1 sat-2 ta' Ottubru 2015. L-applikazzjonijiet kollha għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor mressqin wara t-2 ta' Ottubru 2015 għandhom jiġu rrifjutati kif xieraq u għandu jiġi sospiż it-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għandhom jinħarġu liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor barra mill-kwota li għalih ikunu tressqu applikazzjonijiet mill-1 sat-2 ta' Ottubru 2015 għall-kwantitajiet mitlubin, immultiplikati b'perċentwali ta' aċċettazzjoni ta' 32,928064 %.

2.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor barra mill-kwota mressqin fil-5, 6, 7, 8 u 9 ta' Ottubru 2015 b'dan qed jiġu rrifjutati.

3.   It-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni għaz-zokkor barra mill-kwota għandu jiġi sospiż għall-perjodu mit-12 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  ĠU L 188, 16.7.2015, p. 28.