|
7.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 262/1 |
REGOLAMENT (UE) 2015/1775 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-6 ta' Ottubru 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat bl-objettiv li jiġu eliminati l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern minħabba differenzi fil-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ tal-prodotti mill-foki. Dawk il-miżuri ġew adottati b'reazzjoni għat-tħassib morali pubbliku dwar l-aspetti tat-trattament xieraq tal-annimali tal-qtil tal-foki u l-preżenza possibbli fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti miksuba mill-foki maqtula b'mod li jikkawża wġigħ, piena, biża' u forom oħra ta' tbatija eċċessivi. Dan it-tħassib ġie appoġġat minn evidenza li turi li fil-kondizzjonijiet speċifiċi li fihom issir il-kaċċa għall-foki, ma jistax jiġi applikat u infurzat metodu ta' qtil ġenwinament inqas krudili b'mod effettiv u konsistenti. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 introduċa, bħala regola ġenerali, projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki. |
|
(2) |
Fl-istess ħin, il-kaċċa għall-foki hija parti integrali mis-soċjoekonomija, in-nutrizzjoni, il-kultura u l-identità tal-komunitajiet Inuit u ta' komunitajiet indiġeni oħra, li tagħti kontribut kbir għas-sussistenza u l-iżvilupp tagħhom, tipprovdi ikel u dħul biex isostnu l-ħajja u l-għajxien sostenibbli tal-komunità, tippreserva u tkompli l-eżistenza tradizzjonali tal-komunità. Għal dawk ir-raġunijiet, il-kaċċa għall-foki li ssir b'mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra ma tqajjimx l-istess tħassib morali pubbliku bħall-kaċċa għall-foki li ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali. Barra minn hekk, huwa rikonoxxut b'mod ġenerali li l-interessi fundamentali, ekonomiċi u soċjali tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra ma għandhomx jiġu affettwati b'mod negattiv, f'konformità mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni adottata fit-13 ta' Settembru 2007 u strumenti internazzjonali rilevanti oħra. Barra minn hekk, tliet Stati Membri (id-Danimarka, in-Netherlands u Spanja) irratifikaw il-Konvenzjoni dwar il-Popli Indiġeni u Tribali f'Pajjiżi Indipendenti (il-Konvenzjoni Nru 169), adottata fis-27 ta' Ġunju 1989 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (4). Għal dawk ir-raġunijiet, u bħala eċċezzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti t-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir b'mod tradizzjonali mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għas-sussistenza tagħhom u li tikkontribwixxi għal tali sussistenza. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-objettiv segwit permezz tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għandu jsir bil-kondizzjoni li dik il-kaċċa ssir b'kont debitu meħud għat-trattament xieraq tal-annimali u b'mod li jnaqqas sa fejn ikun possibbli l-uġigħ, il-piena, il-biża' jew forom oħra ta' tbatija li l-annimali kkaċċjati jħossu, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istil ta' ħajja tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra u l-għan li l-kaċċa ssir għas-sussistenza. Għalhekk, l-eċċezzjoni mogħtija fir-rigward tal-prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra, għandha tkun limitata għal kaċċa li tikkontribwixxi għas-sussistenza ta' dawk il-komunitajiet. |
|
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 jippermetti wkoll, bħala eċċezzjoni, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir għall-għan uniku tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Filwaqt li hija rikonoxxuta l-importanza tal-kaċċa li ssir bl-għan ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar fil-prattika jista' jkun diffiċli li l-kaċċa ta' dak it-tip tkun distinta mill-kaċċa fuq skala kbira li ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali. Dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni mhux ġustifikata fir-rigward tal-prodotti mill-foki kkonċernati. Għalhekk, dik l-eċċezzjoni ma għandhiex tibqa' tiġi stipulata. Madankollu, it-tneħħija tal-eċċezzjoni li tirrigwarda l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar tista' toħloq problemi fl-Istati Membri fejn karkassi derivati mill-kaċċa legali għall-foki jkunu ntużaw bħala materjal għal prodotti mill-foki li jkunu tqiegħdu fis-swieq lokali b'mod okkażjonali u fi kwantitajiet żgħar. Huwa xieraq li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha dwar il-funzjonament, l-effettività u l-impatt tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, tinkludi informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament, f'dawk l-Istati Membri. It-tneħħija ta' dik l-eċċezzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jkomplu jirregolaw il-kaċċa li ssir għall-għan tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li l-eċċezzjoni mogħtija fir-rigward ta' prodotti mill-foki, li jirriżultaw minn kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra, ma tintużax għal prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex, fejn neċessarju u abbażi tal-evidenza, tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew tillimita l-kwantità li tista' titqiegħed fis-suq ta' prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa kkonċernata. Huwa ta' importanza partikolari li, matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa mal-pajjiżi ta' oriġini kkonċernati u mal-partijiet interessati rilevanti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u fit-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
|
(6) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tispeċifika aktar l-arranġamenti amministrattivi għar-rikonoxximent ta' korpi li jistgħu jiċċertifikaw il-konformità mal-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki u għall-ħruġ u l-kontroll ta' dokumenti ta' ċertifikazzjoni, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet għall-importazzjoni ta' prodotti mill-foki għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom, kif ukoll biex jinħarġu noti tekniċi ta' gwida. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(7) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 u tal-eċċezzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet pubbliċi u l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet doganali, dwar id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament u dwar ir-regoli li skonthom prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra jistgħu jitqiegħdu fis-suq. |
|
(8) |
L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw fuq bażi regolari dwar l-azzjonijiet li jittieħdu biex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009. Abbażi ta' dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, inkluż l-impatt fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet Inuit u komunitajiet indiġeni oħra. |
|
(9) |
Peress li l-objettiv ta' dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(10) |
B'kont meħud ta' kemm il-kummerċ tal-prodotti mill-foki huwa regolat fir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 (6) għandu jiġi revokat. |
|
(11) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 2, jiddaħħal il-punt li ġej:
|
|
(2) |
L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 3 Kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq 1. It-tqegħid fis-suq ta' prodotti mill-foki għandu jkun permess biss meta l-prodotti mill-foki jirriżultaw minn kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, sakemm il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:
Il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw fil-mument jew fil-punt tal-importazzjoni għall-prodotti mill-foki importati. 1a. Fil-mument tat-tqegħid tiegħu fis-suq, prodott mill-foki għandu jkun akkumpanjat minn dokument li jiċċertifika l-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 (id-‘dokument ta' ċertifikazzjoni’). Dokument ta' ċertifikazzjoni għandu jinħareġ, fuq talba, minn korp rikonoxxut għal dak l-għan mill-Kummissjoni. Tali korpi rikonoxxuti għandhom ikunu indipendenti, kompetenti biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom u soġġetti għal awditu estern. 2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-importazzjoni ta' prodotti mill-foki għandha tkun permessa wkoll meta tkun ta' natura okkażjonali u tkun tikkonsisti esklużivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew il-familji tagħhom. In-natura u l-kwantità ta' dawk l-oġġetti ma għandhomx ikunu tali li jindikaw li qed jiġu importati għal raġunijiet kummerċjali. 3. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u 2 ma għandhiex tippreġudika l-kisba tal-objettiv ta' dan ir-Regolament. 4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tispeċifika aktar l-arranġamenti amministrattivi għar-rikonoxximent ta' korpi li jistgħu jiċċertifikaw il-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għall-ħruġ u l-kontroll ta' dokumenti ta' ċertifikazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 5(2). 5. Jekk ikun hemm evidenza li l-kaċċa għall-foki ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 4a sabiex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew tillimita l-kwantità li tista' titqiegħed fis-suq ta' prodotti mill-foki li jirriżultaw mill-kaċċa kkonċernata. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma' esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati. 6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex jinħarġu noti tekniċi ta' gwida li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda li jistgħu jkopru l-prodotti mill-foki li huma soġġetti għal dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).”. |
|
(3) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 4a Eżerċizzju tad-delega 1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-10 ta' Ottubru 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal estensjoni bħal din sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(5) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. 4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”. |
|
(4) |
L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 5 Proċedura ta' kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (*1). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 3. Fir-rigward tal-atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 3(4), meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. (*1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1)." (*2) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”." |
|
(5) |
Jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 5a Informazzjoni Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pubbliku, bil-għan li tinħoloq sensibilizzazzjoni, u lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet doganali, dwar id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, u dwar ir-regoli li skonthom il-prodotti mill-foki li jirriżultaw minn kaċċa li ssir mill-komunitajiet Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra jistgħu jitqiegħdu fis-suq.”. |
|
(6) |
L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 7 Rappurtar 1. Sal-31 ta' Diċembru 2018 u kull erba' snin minn dik id-data, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-azzjonijiet meħuda biex jiġi implimentat dan ir-Regolament. 2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fi żmien 12-il xahar mit-tmiem ta' kull perjodu ta' rappurtar imsemmi fil-paragrafu 1. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta' Diċembru 2019. 3. Fir-rapporti tagħha ppreżentati f'konformità mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-funzjonament, l-effettività u l-impatt ta' dan ir-Regolament fil-kisba tal-objettiv tiegħu.”. |
Artikolu 2
Ir-Regolament (UE) Nru 737/2010 huwa revokat b'effett mid-data ta' applikazzjoni tal-att ta' implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat b'dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika mit-18 ta' Ottubru 2015.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Ottubru 2015.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
N. SCHMIT
(1) Opinjoni tas-27 ta' Mejju 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Settembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Ottubru 2015
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, 31.10.2009, p. 36).
(4) Il-Konvenzjoni Nru 169 tirreferi, fost l-oħrajn, għad-dritt ta' awtoidentifikazzjoni ta' komunitajiet indiġeni u d-dritt tagħhom li jeżerċitaw kontroll, sa fejn hu possibbli, fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tagħhom.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta' Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, 17.8.2010, p. 1).