2.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1760

tal-1 ta' Ottubru 2015

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija tas-sustanza aromatizzanti p-menta-1,8-dien-7-al mil-lista tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti u ta' materjali tas-sors approvati għall-użu fl-ikel u fuqu u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta lista ta' sustanzi aromatizzanti u introduċa dik il-lista fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(3)

Dik il-lista tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li Stat Membru jew parti interessata tressaq applikazzjoni għal dan.

(4)

Is-sustanza aromatizzanti p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) hija inkluża fil-lista bħala sustanza aromatizzanti taħt evalwazzjoni li għaliha għandha tintbagħat dejta xjentifika addizzjonali. Din id-dejta ntbagħtet mill-applikant.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ivvalutat id-dejta mibgħuta u fl-opinjoni xjentifika tagħha tal-24 ta' Ġunju 2015 (4) ikkonkludiet li p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) hija ġenotossika in vivo u għalhekk l-użu tagħha bħala sustanza aromatizzanti tqajjem tħassib għas-sikurezza.

(6)

Is-sustanza p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) tinsab b'mod naturali fil-qoxra tal-frott minn xi pjanti tal-ġeneri Perilla, Citrus u oħrajn.

(7)

Għaldaqstant l-użu ta' p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta' sustanzi aromatizzanti stabbiliti fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Konsegwentement, dik is-sustanza għandha titneħħa mil-lista mingħajr dewmien sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tuża l-proċedura ta' urġenza għat-tneħħija ta' sustanza li tqajjem tħassib dwar is-sikurezza mil-lista tal-Unjoni.

(9)

Il-preżenza tas-sustanza p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) fl-ikel ma tqajjimx tħassib immedjat dwar is-sikurezza minħabba l-livelli tal-użu baxxi u l-ammont totali baxx ta' dik is-sustanza li ġiet miżjuda fl-ikel fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, filwaqt li jitqiesu wkoll ir-raġunijiet tekniċi, għandhom jiġu stabbiliti perjodi ta' tranżizzjoni biex ikopru ikel li fih is-sustanza aromatizzanti p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117), li jkun tqiegħed fis-suq jew intbagħat minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(10)

Għalhekk, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 għandha tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 hija emendata skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

1.   Ikel li fih tkun żdiedet is-sustanza aromatizzanti p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117) li tqiegħed fis-suq legalment qabel id-data ta' dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jista' jiġi kkumerċjalizzat sad-data minima ta' durabilità jew sad-data ta' skadenza tiegħu.

2.   Ikel importat fl-Unjoni li fih tkun żdiedet is-sustanza aromatizzanti p-menta-1,8-dien-7-al (Nru FL 05.117), jista' jiġi kkumerċjalizzat sad-data minima ta' durabilità jew sad-data ta' skadenza tiegħu meta l-importatur ta' ikel bħal dan jista' juri li dan intbagħat mill-pajjiż terz ikkonċernat u li kien fi triqtu lejn l-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(2)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta' Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).

(4)  Scientific Opinion on Flavouring Group Evaluation 208 Revision 1 (FGE.208Rev1): Consideration of genotoxicity data on representatives for 10 alicyclic aldehydes with the α,β-unsaturation in ring/side-chain and precursors from chemical subgroup 2.2 of FGE.19. EFSA Journal 2015;13(7):4173, 28 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4173 Disponibbli onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 titħassar l-annotazzjoni li ġejja:

“05.117

p-Menta-1,8-dien-7-al

2111-75-3

973

11788

 

 

2

EFSA”