25.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1604

tat-12 ta' Ġunju 2015

li jemeda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' elementi relatati mal-prospetti u r-reklami

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 7(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (2) jirrikjedi lill-emittenti minn pajjiżi terzi jippreparaw l-informazzjoni finanzjarja storika fil-prospetti għal offerta ta' titoli lill-pubbliku jew għall-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar f'suq regolat skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) jew skont standards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' pajjiż terz, sakemm dawn ikunu ekwivalenti għal dawn l-istandards.

(2)

Sabiex tiġi vvalutata l-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta' pajjiż terz mal-IFRS adottati, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 (3) jipprovdi għad-definizzjoni tal-ekwivalenza u jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza tal-GAAP ta' pajjiż terz. Skont il-kondizzjonijiet tal-mekkaniżmu għall-ekwivalenza, emittenti minn pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jużaw il-GAAP ta' pajjiżi terzi li kienu qed jikkonverġu jew li kkommettew ruħhom li jadottaw l-IFRS għal perjodu tranżizzjonali li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2014. Huwa importanti li jiġu vvalutati l-isforzi ta' dawk il-pajjiżi li ħadu l-passi biex jikkonverġu l-istandards tal-kontabbiltà tagħhom mal-IFRS jew biex jadottawhom. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1569/2007 għandu jiġi emendat biex jestendi dan il-perjodu tranżizzjonali sal-31 ta' Marzu 2016. Il-Kummissjoni qieset ir-rapport ipprovdut mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) f'Ottubru 2014 dwar l-Indja, li kienet ngħatat perjodu tranżizzjonali mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/961/KE (4) u mir-Regolament (KE) Nru 809/2004 adottati skont il-mekkaniżmu tal-ekwivalenza.

(3)

Il-Gvern tal-Indja u l-Indian Institute of Chartered Accountants impenjaw ruħhom pubblikament li sal-31 ta' Diċembru 2011 jadottaw l-IFRS bil-għan li l-GAAP Indjani jkunu konformi bi sħiħ mal-IFRS sa tmiem dak il-programm. Dan il-proċess ittardja. F'Ottubru 2014, l-ESMA ssottomettiet lill-Kummissjoni rapport dwar l-ekwivalenza tal-GAAP Indjani. F'dan ir-rapport, l-ESMA osservat li l-GAAP Indjani jidher li fihom għadd ta' differenzi mill-IFRS li jistgħu jkunu sinifikanti fil-prattika.

(4)

F'Marzu 2014 l-Indian Institute of Chartered Accountants ippubblika pjan direzzjonali ġdid għall-implimentazzjoni tal-konverġenza tal-GAAP Indjani mal-IFRS. F'Jannar 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Korporattivi tal-Indja ħabbar pjan direzzjonali rivedut għall-implimentazzjoni tal-GAAP Indjani li se jiġu konverġuti mal-IFRS. Dan il-pjan direzzjonali jipprevedi l-użu obbligatorju tal-GAAP Indjani, konverġuti mal-IFRS, mill-kumpaniji elenkati kollha għall-perjodi tal-kontabbiltà li jibdew fl-1 ta' April 2016 jew wara. Madankollu, għad hemm inċertezzi dwar l-iskeda għall-implimentazzjoni tas-sistema tar-rappurtar konformi mal-IFRS u dwar l-infurzar tal-IFRS.

(5)

Għalhekk, huwa xieraq li l-perjodu tranżizzjonali jiġi estiż sa mhux aktar mill-1 ta' April 2016, sabiex l-emittenti ta' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jippreparaw ir-rapporti finanzjarji annwali u ta' kull sitt xhur tagħhom skont il-GAAP tal-Indja għall-użu fl-Unjoni. Dan il-perjodu addizzjonali għandu jkun biżżejjed biex jippermetti lill-awtoritajiet Indjani jlestu l-konverġenza tal-GAAP Indjani mal-IFRS.

(6)

Minħabba li l-perjodu li matulu l-Kummissjoni poġġiet fis-seħħ kundizzjonijiet għall-għoti tal-ekwivalenza tal-Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) ta' pajjiżi terzi skada fil-31 ta' Diċembru 2014, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 u jidħol fis-seħħ mingħajr dewmien. Dan huwa meħtieġ sabiex tingħata ċertezza legali lill-emittenti mill-pajjiżi terzi rilevanti elenkati fl-Unjoni u biex jiġi evitat ir-riskju li dawn jista' jkollhom jirrikonċiljaw ir-rapporti finanzjarji tagħhom mal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS). Id-dispożizzjoni tar-retroattività għalhekk ittaffi kwalunkwe piż potenzjali fuq l-emittenti kkonċernati.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 809/2004 għalhekk għandu jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-paragrafu 5a tal-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 809/2004, ir-referenzi kollha għad-data tal-1 ta' Jannar 2015 jinbidlu mid-data tal-1 ta' April 2016.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni tal-ekwivalenza għall-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-emittenti tal-pajjiż terz ta' titoli skont id-Direttiva 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 340, 22.12.2007, p. 66).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2008 dwar l-użu, min-naħa ta' emittenti ta' titoli ta' pajjiżi terzi, tal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà ta' ċerti pajjiżi terzi u l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjajru biex jippreparaw ir-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom (ĠU L 340, 19.12.2008, p. 112).