15.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 239/63 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1515
tal-5 ta' Ġunju 2015
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 85(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-CCPs jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f'suq finanzjarju wieħed jew aktar. Ir-riskju ta' kreditu ta' dawk il-kontropartijiet huwa mmitigat permezz tad-depożitar ta' kollateral li huwa kkalkulat biex ikopri kull telf potenzjali fuq inadempjenza. Is-CCPs jaċċettaw biss assi likwidi ħafna, ġeneralment flus kontanti, bħala kollateral sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-marġini ta' varjazzjoni (MV) sabiex ikun hemm likwidazzjoni rapida f'każ ta' inadempjenza. |
(2) |
L-Arranġamenti ta' Skemi tal-Pensjonijiet (PSAs) f'ħafna Stati Membri huma parteċipanti attivi fis-swieq tad-derivattivi barra l-borża. Madankollu, il-PSAs ġeneralment jimminimizzaw il-pożizzjonijiet tal-likwidità tagħhom, u minflok iżommu investimenti li jrendu iktar bħal titoli sabiex jiżguraw dħul għoli għall-pensjonanti. Entitajiet li joperaw arranġamenti għal skemi tal-pensjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa li jipprovdu benefiċċji mal-irtirar, normalment fil-forma ta' ħlasijiet għall-ħajja, iżda wkoll fil-forma ta' ħlasijiet li jsiru għal perjodu temporanju jew ta' somma f'daqqa, tipikament jimminimizzaw l-allokazzjoni tagħhom għall-flus likwidi sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u r-rendiment għad-detenturi tal-poloz tagħhom. Għalhekk, li dawn l-entitajiet ikunu meħtieġa jikklerjaw kuntratti tad-derivattivi barra l-borża f'post ċentrali jirriżulta fl-iżvestiment ta' proporzjon sinifikanti tal-assi tagħhom fi flus kontanti sabiex huma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini kurrenti tal-kontropartijiet ċentrali. |
(3) |
L-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalhekk jipprovdi illi, għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja ta' PSAs. Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri ta' PSAs f'każ ta' inadempjenza. |
(4) |
Sabiex tivvaluta s-sitwazzjoni attwali b'mod sħiħ, il-Kummissjoni ħejjiet rapport skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jivvaluta jekk sarux l-isforzi meħtieġa mis-CCPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa għat-trasferiment ta' kollateral mhux fi flus bħala MV mill-PSAs. Sabiex twettaq din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ordnat studju ta' referenza dwar soluzzjonijiet għad-depożitar ta' kollateral mhux fi flus likwidi għal kontropartijiet ċentrali minn arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni, kif ukoll dwar l-impatt tat-tneħħija tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni f'termini tat-tnaqqis fil-pensjoni għall-pensjonanti li huma benefiċjarji tal-PSAs milquta. |
(5) |
F'konformità mas-sejbiet tar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa għadu ma sarx mis-CCPs f'dan il-punt u li l-effett negattiv ta' kuntratti tad-derivattivi OTC bi kklerjar ċentrali fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri jibqa' mhux mibdul. |
(6) |
Il-perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu għalhekk jiġi estiż b'sentejn. |
(7) |
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun biex jippermetti li l-estensjoni tal-perjodi tranżitorji eżistenti sseħħ qabel l-iskadenza jew malajr kemm jista' jkun warajha. Dħul fis-seħħ iktar tard jista' jwassal għal inċertezza ġuridika għal arranġamenti ta' skemi tal-pensjonijiet dwar jekk jeħtiġux li jibdew il-preparamenti għall-obbligi tal-ikklerjar li ġejjin, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Sas-16 ta' Awwissu 2017, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni kif definiti fl-Artikolu 2(10). Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni f'każ ta' inadempjenza.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.