27.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/35


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1430

tas-26 ta' Awwissu 2015

li jirreġistra denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jambon de Lacaune (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-applikazzjoni ta' Franza biex id-denominazzjoni “Jambon de Lacaune” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), u dan skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Ladarba ma ġiet notifikata l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Jambon de Lacaune” għandha tiġi rreġistrata.

(3)

Permezz tal-ittra li waslet fit-3 ta' Marzu 2014, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni li l-intrapriża SARL René Pujol, 11 avenue de Lattre de Tassigny, BP 52 81230 Lacaune u l-intrapriża salumerija Maison Nègre, 6 avenue de Naurois, 81230 Lacaune li jinsabu fit-territorju tagħhom, kienu kkummerċjalizzaw legalment il-prodott bl-isem “Jambon de Lacaune” billi użaw din id-denominazzjoni kontinwament għal iktar minn ħames snin; l-awtoritajiet ta' Franza nnotifikaw lill-Kummissjoni wkoll li dan il-punt tqajjem fil-qafas tal-proċedura nazzjonali ta' oppożizzjoni.

(4)

Billi l-intrapriżi SARL René Pujol u Maison Nègre imsemmija fil-punt 3, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sabiex jibbenefikaw minn perjodu ta' tranżizzjoni biex jużaw legalment id-denominazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni wara r-reġistrazzjoni tagħha, dawn għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni ta' ħames snin li jibda minn meta jressqu t-talba għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni lill-Kummissjoni biex matulu jkunu jistgħu jibqgħu jużaw id-denominazzjoni “Jambon de Lacaune”.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Jambon de Lacaune” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.2 — Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

L-intrapriżi SARL René Pujol u Maison Nègrees huma awtorizzati biex jużaw d-deniminazzjoni rreġistrata “Jambon de Lacaune” (IĠP) sat-3 ta' Marzu 2019.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 47, 10.2.2015, p. 5.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).