|
26.8.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 223/3 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1425
tal-24 ta' Awwissu 2015
li jipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd bit-tatarun tal-borża li jtajru l-bandiera tal-Kroazja, ta' Franza, tal-Italja, ta' Malta jew ta' Spanja, jew li huma rreġistrati f'wieħed minn dawn il-pajjiżi u li jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/104 (2) jistabbilixxi l-ammont ta' tonn li jista' jaqabad bin-nases u l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea fl-2015 fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (3), jesiġi li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwota individwali allokata lill-bastimenti tagħhom b'tul ta' iktar minn 24 metru. Fil-każ tal-bastimenti tal-qbid iżgħar minn 24 metru u għan-nases, l-Istati Membri jridu minn tal-inqas jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-kwota allokata lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew lill-gruppi ta' bastimenti bi rkaptu simili. |
|
(3) |
Il-Politika Komuni tas-Sajd tfasslet b'tali mod li tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd bi sfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin imsejjes fuq il-prekawzjoni. |
|
(4) |
Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fil-każ li, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri u tagħrif rilevanti ieħor fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni ssib li l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-Unjoni Ewropea, għal Stat Membru jew għal grupp ta' Stati Membri jitqiesu li ntużaw kollha għal irkaptu wieħed jew iktar jew għal flotta waħda jew aktar, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru/Istati Membri kkonċernat(i) b'dan, u għandha tipprojbixxi l-attivitajiet tas-sajd fiż-żona, għall-irkaptu, għall-istokk, għall-grupp tal-istokkijiet jew għall-flotta rispettivi involuti f'dawk l-attivitajiet tas-sajd speċifiċi. |
|
(5) |
L-informazzjoni li għandha l-Kummissjoni turi li l-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran, allokati lill-bastimenti tas-sajd bil-purse seine, li jtajru l-bandiera tal-Kroazja, ta'Franza, tal-Italja, ta' Malta jew ta' Spanja, jew li huma rreġistrati f'wieħed minn dawn il-pajjiżi ntużaw kollha. |
|
(6) |
Fl-10 u fl-24 ta' Ġunju 2015, il-Kroazja għarrfet lill-Kummissjoni li imponiet waqfien tal-attivitajiet tas-sajd tad-disa' bastimenti tas-sajd bit-tatarun tal-borża tagħha attivi fiż-żona tas-sajd tat-tonn fl-2015: sa mill-10 ta' Ġunju għal erba' bastimenti, mill-20 ta' Ġunju għal żewġ bastimenti u mill-24 ta' Ġunju 2015 għal tliet bastimenti, u b'hekk kien hemm projbizzjoni tal-attivitajiet kollha mill-24 ta' Ġunju 2015 f'24:00. |
|
(7) |
Fl-1, fl-4 u fid-9 ta' Ġunju 2015, Franza infurmat lill-Kummissjoni li kienet waqqfet l-attivitajiet tas-sajd tas 17-il bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħha attivi fiż-żona tas-sajd għat-tonn fl-2015: sa mill-1 ta' Ġunju għal 12-il bastiment, mill-4 ta' Ġunju għal tliet bastimenti u mid-9 ta' Ġunju għal żewġ bastimenti, u b'hekk kien hemm projbizzjoni tal-attivitajiet kollha sa mid-9 ta' Ġunju 2015 fl-10:02. |
|
(8) |
Fit-30 ta' Mejju u fl-1 u fl-10 ta' Ġunju 2015, l-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet waqqfet l-attivitajiet tas-sajd tat-12-il bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħha li kienu attivi fiż-żona tas-sajd għat-tonn tal-2015: sa mit-30 ta' Mejju għal erba' bastimenti, sa mill-1 ta' Ġunju għal seba' bastimenti u mill-10 ta' Ġunju għall-bqija tal-bastimenti, li rriżulta fi projbizzjoni tal-attivitajiet kollha sa mill-10 ta' Ġunju 2015 fil-11:21. |
|
(9) |
Fit-3 ta' Lulju 2015, Malta għarrfet lill-Kummissjoni li kienet waqqfet l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħha li kien attiv fiż-żona tas-sajd għat-tonn tal-2015, sa mill-10 ta' Ġunju 2015 fit-8:00. |
|
(10) |
Fit-28 ta' Mejju, fl-1 ta' Ġunju u fl-1 ta' Lulju 2015, Spanja infurmat lill-Kummissjoni li kienet waqqfet l-attivitajiet tas-sajd tas-sitt bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħha attivi fiż-żona tas-sajd għat-tonn tal-2015: sa mit-28 ta' Mejju għal bastiment wieħed, sa mill-1 ta' Ġunju għal erba' bastimenti u mit-8 ta' Ġunju għall-bqija tal-bastimenti, li rriżulta fi projbizzjoni tal-attivitajiet kollha sa mit-8 ta' Ġunju 2015 fit-15:00. |
|
(11) |
Mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet tal-Kroazja, ta' Franza, tal-Italja, ta' Malta u ta' Spanja msemmija hawn fuq, hemm bżonn li l-Kummissjoni tikkonferma l-projbizzjoni tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża ikkonċernati li jtajru l-bandiera ta' wieħed mill-Istati Membri tal-UE kkonċernati jew li huma rreġistrati f'xi wieħed minnhom, b'seħħ sa mill-24 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard min-24:00 għall-Kroazja, sa mid-9 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mill-10:02 għal Franza, sa mill-10 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mill-11:21 għall-Italja, sa mill-10 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mit-8:00 għal Malta u sa mit-8 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mit-15:00 għal Spanja. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Sa mill-24 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard min-24:00 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tal-Kroazja jew li huma rreġistrati hemmhekk.
It-tonn li jinqabad b'dawk il-bastimenti wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, ittrasferit jew żbarkat.
Artikolu 2
Sa mid-9 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mill-10:02 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera ta' Franza jew li huma rreġistrati hemmhekk.
It-tonn li jinqabad b'dawk il-bastimenti wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, ittrasferit jew żbarkat.
Artikolu 3
Sa mill-10 ta' Ġunju 2015 mhux aktar tard mill-11:21 għandu jiġi pprobit is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera tal-Italja jew li huma rreġistrati hemmhekk.
It-tonn li jinqabad b'dawk il-bastimenti wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, ittrasferit jew żbarkat.
Artikolu 4
Sa mill-10 ta' Ġunju 2015 fit-8:00 għandu jiġi pprojbit is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Malta jew li huma rreġistrati hemmhekk.
It-tonn li jinqabad b'dawk il-bastimenti wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, ittrasferit jew żbarkat.
Artikolu 5
Sa mit-8 ta' Ġunju 2015, mhux aktar tard mit-15:00 għandu jiġi pprobit is-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-lonġitudni 45° W tal-Oċean Atlantiku, u fil-Baħar Mediterran mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jtajru l-bandiera ta' Spanja jew li huma rreġistrati hemmhekk.
It-tonn li jinqabad b'dawk il-bastimenti wara dik id-data ma għandux jinżamm abbord, jitqiegħed fil-gaġeġ għat-tismin jew għat-trobbija, jiġi trażbordat, ittrasferit jew żbarkat.
Artikolu 6
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Awwissu 2015.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/104 tad-19 ta' Jannar 2015 li jiffissa għall-2015 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 43/2014 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 779/2014 (ĠU L 22, 28.1.2015, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 tas-6 ta' April 2009 li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1559/2007 (ĠU L 96, 15.4.2009, p. 1).