13.8.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 214/9 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1386
tat-12 ta' Awwissu 2015
li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, l-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport annwali ta' kontroll
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 32(10) u 34(6) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/341 (2) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għas-sottomissjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' programmi ffinanzjati mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (l-“FEAD”), jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. Sabiex jiġu ffaċilitati l-perspettiva komprensiva u l-aċċess għad-dispożizzjonijiet, l-istess dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'att ta' implimentazzjoni wieħed. |
(2) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' ġestjoni fil-forma ta' mudell standard biex jiġu armonizzati l-istandards għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tagħha li għaliha hija responsabbli awtorità ta' ġestjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 32(4) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
(3) |
Għandu jingħata mudell li jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-istruttura, u li jispeċifika n-natura u l-kwalità tal-informazzjoni li għandha tintuża fit-tħejjija biex jiġu armonizzati l-istandards għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-rapporti tal-awditjar u r-rapport ta' kontroll li għalihom hija responsabbli l-awtorità tal-awditjar skont l-Artikolu 34(4) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
(4) |
Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Mudell għad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni
Id-dikjarazzjoni ta' ġestjoni msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 32(4) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tiġi ppreżentata għal kull programm operattiv skont il-mudell stabbilit fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Mudelli għall-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport annwali ta' kontroll
1. L-istrateġija tal-awditjar li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tiġi mħejjija skont il-mudell stabbilit fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.
2. L-opinjoni tal-awitjar imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 titfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.
3. Ir-rapport annwali ta' kontroll imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 jitfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Awwissu 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/341 tal- 20 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni (ĠU L 60, 4.3.2015, p. 1).
ANNESS I
Mudell għad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni
Jien/aħna, is-sottoskritt/i (isem, l-ewwel isem, it-titlu(i) jew il-funzjoni(jiet)), il-Kap tal-awtorità ta' ġestjoni, għall-programm operazzjonali (isem il-programm operazzjonali, is-CCI)
abbażi tal-implimentazzjoni ta' (isem il-programm operazzjonali) matul is-sena fiskali li ntemmet fit-30 ta' Ġunju (sena),
abbażi tal-ġudizzju tiegħi/tagħna u tal-informazzjoni disponibbli għalija/għalina fid-data tal-kontijiet ippreżentati lill-Kummissjoni, inklużi r-riżultati minn verifiki ta' ġestjoni mwettqin b'konformità mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 u mill-awditi u l-kontrolli fir-rigward tan-nefqa inkluża fl-applikazzjonijiet għal pagament ippreżentati lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sena ta' kontabilità li ntemmet fit-30 ta' Ġunju … (sena),
u waqt li nqis/inqisu l-obbligi tiegħi/tagħna skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 u b'mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,
b'dan niddikjara/w li:
— |
l-informazzjoni fil-kontijiet hija ppreżentata b'mod xieraq, komplut u preċiż b'konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, |
— |
in-nefqa mdaħħla fil-kontijiet intużat għall-iskop intiż tagħha, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 223/2014, u skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja soda, |
— |
is-sistema ta' ġestjoni u kontroll stabbilita għall-programm operazzjonali tagħti l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti, b'konformità mal-liġi applikabbli. |
Jiena/aħna nikkonferma/w li l-irregolaritajiet identifikati fir-rapporti finali ta' verifika jew kontroll fir-rigward tas-sena ta' kontabilità u rrapportati fis-sommarju annwali mehmuż ma' din id-dikjarazzjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 32(4)(e) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, ġew ittrattati b'mod xieraq fil-kontabilità. Fejn kien meħtieġ, sar segwitu adegwat għad-defiċjenzi fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll irrapportati f'dawn ir-rapporti, jew qed isir bħalissa fir-rigward tal-azzjonijiet ta' rimedju meħtieġa li ġejjin: … (jekk xieraq, indika liema azzjonijiet ta' rimedju jinsabu għaddejjin bħalissa, fid-data tal-iffirmar tad-dikjarazzjoni).
Jiena/aħna nikkonferma/w ukoll li n-nefqa li bħalissa hija suġġetta għal valutazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità tagħha ġiet eskluża mill-kontijiet sakemm tkun konkluża l-valutazzjoni, għall-inklużjoni possibbli f'applikazzjoni ta' pagament interim f'sena ta' kontabilità sussegwenti, kif previst fl-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
Barra minn hekk, jiena/aħna nikkonferma/w l-affidabilità tad-dejta dwar l-indikaturi [, (għal PO I biss), inkluż, fejn rilevanti, tad-dejta bbażata fuq stimi infurmati b'konformità mar-Regolament Delegat (UE) Nru 1255/2014 (1)]/[(għal PO II biss) u tad-dejta relatata mal-progress tal-programm operazzjonali, meħtieġa skont l-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014]. Jiena/aħna nikkonferma/w li miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi skont l-Artikolu 32(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 huma fis-seħħ, u li nieħu/nieħdu inkonsiderazzjoni r-riskji identifikati u li jien/aħna ma naf/u b'ebda materjal mhux żvelat relatat mal-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali li jista' jkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn.
Data
Firma/firem
(1) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn billi jistabbilixxi l-kontenut tar-rapporti annwali u finali ta' implimentazzjoni, inkluża l-lista ta' indikaturi komuni (ĠU L 337, 25.11.2014, p. 46).
ANNESS II
Mudell għall-istrateġija tal-awditjar
1. INTRODUZZJONI
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
— |
Identifikazzjoni tal-programm(i) operazzjonali (titolu/i (u CCI(s) (1)), u l-perjodu kopert mill-istrateġija ta' verifika. |
— |
Identifikazzjoni tal-awtorità tal-awditjar responsabbli mit-tfassil, mill-monitoraġġ u mill-aġġornament tal-istrateġija tal-awditjar u ta' kwalunkwe korpi oħrajn li kkontribwew għal dan id-dokument. |
— |
Referenza għall-istatus tal-awtorità tal-awditjar (korp pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali) u l-korp li tinsab fih. |
— |
Referenza għad-dikjarazzjoni tal-missjoni, jew karta ta' awditu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (fejn applikabbli) li tistabbilixxi l-funzjonijiet u r-responsabilitajiet tal-awtorità ta' awditjar u tal-korpi l-oћra li jagћmlu l-awditi taћt ir-responsabilità tagћha. |
— |
Konferma mill-awtorità tal-awditjar li l-korpi li qegħdin iwettqu awditi skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 għandhom l-indipendenza funzjonali rikjesta (u l-indipendenza organizzattiva, fejn applikabbli taħt l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014). |
2. VALUTAZZJONI TAR-RISKJI
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
— |
Spjegazzjoni tal-metodu ġenerali ta' valutazzjoni tar-riskju segwit. |
— |
Proċeduri għall-aġġornament tal-valutazzjoni tar-riskju. |
3. METODOLOĠIJA
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
3.1 Ħarsa ġenerali
— |
Referenza għal manwali jew proċeduri tal-awditjar li jkun fihom deskrizzjoni tal-passi prinċipali tax-xogħol ta' awditu, inklużi l-klassifikazzjoni u t-trattament tal-iżbalji misjuba. |
— |
Referenza għall-istandards tal-awditjar rikonoxxuti f'livell internazzjonali li l-awtorità tal-awditjar għandha tqis għal dan ix-xogħol ta' awditjar, kif stabbilit fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
— |
Referenza għall-proċeduri fis-seħħ għat-tfassil tar-rapport ta' kontroll u l-opinjoni tal-awditjar li għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
3.2 Awditi dwar il-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll (awditi tas-sistemi)
Indikazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu awditjati u r-rekwiżiti ewlenin relatati fil-kuntest tal-awditi tas-sistemi. Fejn applikabbli, referenza għall-korp ta' awditjar li fuqha l-awtorità tal-awditjar sserraħ biex jitwettqu dawn l-awditi.
Indikazzjoni ta' kwalunkwe awditi tas-sistema relatati ma' rekwiżiti ewlenin immirati lejn oqsma tematiċi speċifiċi bħalma huma:
— |
il-kwalità tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post previsti fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, inkluż b'rabta mar-rispett lejn ir-regoli tal-akkwist pubbliku, l-opportunitajiet indaqs, it-tnaqqis u l-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, u mal-liġijiet tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur; |
— |
il-funzjonament u s-sigurtà ta' sistemi IT imwaqqfa skont l-Artikoli 28(d), 32(2)(d) u 33(d) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014; u l-konnessjoni tagħhom mas-sistema IT, imsemmija fl-Artikolu 30(4) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 (“SFC 2014”); |
— |
l-affidabilità tad-dejta relatata ma' indikaturi u, għal PO II, dejta dwar il-progress tal-programm operazzjonali b'rabta mal-kisba tal-għanijiet ipprovduti mill-awtorità tal-ġestjoni skont l-Artikolu 32(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014; |
— |
ir-rappurtar ta' irtirar u rkupri; |
— |
l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi mirfuda minn valutazzjoni tar-riskju ta' frodi b'konformità mal-Artikolu 32(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
3.3 Awditjar tal-operazzjonijiet
Deskrizzjoni ta' (jew referenza għal dokument intern li jispeċifika) il-metodoloġija tal-kampjunar li għandha tintuża b'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 u l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014 (2) u proċeduri speċifiċi oħra li huma mwaqqfa għal awditi ta' operazzjonijiet, b'mod partikolari dawk relatati mal-klassifikazzjoni u t-trattament ta' żbalji misjuba, inkluż frodi suspettata.
3.4 Awditjar tal-kontijiet
Deskrizzjoni tal-approċċ tal-awditjar għall-awditjar tal-kontijiet.
3.5 Verifika tad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni
Referenza għall-proċeduri interni li jistabbilixxu l-ħidma involuta fil-verifika tal-affermazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, għall-fini tal-opinjoni tal-awditjar.
4. ĦIDMA TA' AWDITJAR IPPJANATA
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
— |
Deskrizzjoni u ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi tal-awditjar fir-rigward tas-sena ta' kontabilità kurrenti u s-sentejn ta' kontabilità sussegwenti, flimkien ma' spjegazzjoni tar-rabta bejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u l-ħidma ta' awditjar ippjanata. |
— |
Skeda indikattiva tal-kompiti ta' awditjar fir-rigward tas-sena ta' kontabilità kurrenti u s-sentejn ta' kontabilità sussegwenti għal awditi tas-sistemi (inklużi awditi mmirati lejn oqsma tematiċi speċifiċi), kif ġej:
|
5. RIŻORSI
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
— |
L-organigramma tal-awtorità ta' verifika u l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni tagħha fir-rigward ta' kwalunkwe korp ta' verifika li jwettaq awditjar skont kif imsemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, fejn xieraq. |
— |
Indikazzjoni tar-riżorsi ppjanati li jiġu allokati fir-rigward tas-sena ta' kontabilità kurrenti u s-sentejn ta' kontabilità sussegwenti. |
(1) Indika l-programmi operazzjonali koperti minn sistema komuni ta' ġestjoni u kontroll, f'każ fejn strateġija unika ta' awditjar hija mħejjija għal żewġ programmi operazzjonali, kif previst l-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
(2) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2014 tat-13 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 54).
ANNESS III
Mudell għall-opinjoni tal-awditjar
Lill-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali …
1. INTRODUZZJONI
Jiena, li ismi jidher hawn taħt, rappreżentant/a ta' …[isem l-awtorità ta' verifika maħtura mill-Istat Membru], indipendenti skont it-tifsira tal-Artikolu 31(4) [u (5), fejn applikabbli] tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, wettaqt awditu tal-kontijiet għas-sena ta' kontabilità li bdiet fl-1 ta' Lulju … [sena] u li ntemmet fit-30 ta' Ġunju … [sena] (1) u bid-data ta' … [data tal-kontijiet sottomessi lill-Kummissjoni] (minn hawn 'il quddiem “il-kontijiet”) il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni b'referenza għas-sena ta' kontabilità (u li ġiet inkluża fil-kontijiet), il-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll, u vverifikajt id-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)
b'rabta mal-programm operazzjonali …[isem il-programm operazzjonali, in-numru CCI] (minn hawn 'il quddiem “il-programm”),
sabiex noħroġ opinjoni ta' awditjar b'konformità mal-Artikolu 34(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
2. RESPONSABILITAJIET TAL-AWTORITAJIET TA' ĠESTJONI U TA' ĊERTIFIKAZZJONI
…[isem l-awtorità ta' ġestjoni], maħtura bħala l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm, u l-…[isem l-awtorità ta' ċertifikazzjoni], maħtura bħala l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tal-programm, huma responsabbli sabiex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll f'dak li jirrigwarda l-funzjonijiet stabbiliti bl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
B'mod partikolari, hija r-responsabilità ta' …[isem l-awtorità ta' ċertifikazzjoni], maħtura bħala l-awtorità ta' ċertifikazzjoni tal-programm, li tfassal il-kontijiet (skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 223/2014) u li tiċċertifika l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 33(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 33(c) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 hija r-responsabilità tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni biex tiċċertifika li n-nefqa rreġistrata fil-kontijiet tikkonforma mal-liġi applikabbli u tkun tħallset fir-rigward ta' operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament skont il-kriterji applikabbli għall-programm operazzjonali u li jikkonformaw mal-liġi applikabbli (3).
3. IR-RESPONSABILITAJIET TAL-AWTORITÀ TA' AWDITJAR
Kif stabbilit mill-Artikolu 34(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, ir-responsabilità tiegħi hija li nesprimi opinjoni dwar jekk il-kontijiet jagħtux stampa ċara u ġusta, jekk in-nefqa li fir-rigward tagħha ntalab rimborż mill-Kummissjoni u li hija ddikjarata fil-kontijiet hija legali (4) u regolari, u jekk is-sistema ta' ġestjoni u kontroll stabbilita tiffunzjonax b'mod adegwat. Ir-responsabilità tiegħi hija li ninkludi wkoll fl-opinjoni dikjarazzjoni dwar jekk ix-xogħol tal-awditjar iqajjimx dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni (5).
L-awditi fir-rigward tal-programm saru skont l-istrateġija tal-awditjar u kkunsidraw l-istandards internazzjonali tal-awditjar aċċettati f'livell internazzjonali. Dawn l-istandards jeżiġu li l-awtorità ta' verifika tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq ix-xogħol ta' verifika sabiex tikseb assigurazzjoni raġonevoli għall-fini tal-opinjoni tal-awditjar.
Awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza xierqa suffiċjenti bħala appoġġ għall-opinjoni stabbilita hawn taħt. Il-proċeduri mwettqa jiddependu fuq id-deċiżjoni professjonali tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' konformità materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball. Il-proċeduri tal-awditjar li wettaqt huma dawk li nemmen huma xierqa fiċ-ċirkostanzi.
Jiena tal-fehma li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tiegħi [f'każ li hemm limitazzjonijiet tal-ambitu:] ħlief għal dik imsemmija fit-taqsima 4 “Limitazzjonijiet tal-ambitu”.
Ir-riżultati ewlenin li ġejjin minn verifiki fir-rigward tal-programm huma rrappurtati fir-rapport ta' kontroll annwali mehmuż skont l-Artikolu 34(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
4. LIMITAZZJONIJIET TAL-AMBITU
Jew
Ma kien hemm ebda limitazzjonijiet tal-ambitu tal-awditjar.
Jew
L-ambitu tal-awditjar kien limitat mill-fatturi li ġejjin:
(a) |
… |
(b) |
… |
(c) |
…. |
[Indika kwalunkwe limitazzjoni għall-ambitu tal-awditjar, pereżempju kwalunkwe nuqqas ta' dokumentazzjoni ta' appoġġ, każijiet taħt proċeduri legali, u agħti stima taħt “Opinjoni kkwalifikata” hawn taħt, l-ammonti tan-nefqa u tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni affettwati u l-impatt tal-limitazzjoni tal-ambitu fuq l-opinjoni ta' awditjar. Spjegazzjonijiet ulterjuri f'dan ir-rigward jiġu pprovduti fir-rapport ta' kontroll annwali, kif xieraq.]
5. OPINJONI
Jew
(Opinjoni mhux ikkwalifikata)
Fl-opinjoni tiegħi, u fuq il-bażi tal-ħidma tal-awditjar imwettqa:
— |
il-kontijiet jagħtu stampa vera u ġusta, kif stabbilit bl-Artikolu 7(5) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014; |
— |
in-nefqa fil-kontijiet li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni hija legali u regolari, |
— |
is-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll fis-seħħ jiffunzjonaw b'mod xieraq. |
Il-ħidma tal-awditjar imwettqa ma tpoġġix f'dubju d-dikjarazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni.
Jew
(Opinjoni kwalifikata)
Fl-opinjoni tiegħi, u abbażi tal-ħidma tal-awditjar imwettqa:
— |
il-kontijiet jagħtu stampa vera u ġusta, kif stabbilit bl-Artikolu 7(5) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014; |
— |
in-nefqa fil-kontijiet li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni hija legali u regolari; |
— |
is-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll fis-seħħ jiffunzjonaw b'mod xieraq, |
ħlief f'dawn l-aspetti li ġejjin:
— |
fir-rigward ta' kwistjonijiet materjali relatati mal-kontijiet: … u/jew [ħassar kif xieraq] |
— |
fir-rigward ta' kwistjonijiet materjali relatati mal-legalità u r-regolarità tan-nefqa fil-kontijiet li għalihom intalab rimborż mill-Kummissjoni: … |
— |
u/jew [ħassar kif xieraq] b'rabta ma' kwistjonijiet materjali relatati mal-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll (6): …. |
Għaldaqstant jien nistma li l-impatt tal-kwalifikazzjoni(jiet) huwa [limitat]/[sinifikanti]. [ħassar kif jixraq]
Dan l-impatt jikkorrispondi għal … [ammont f'EUR u %] tan-nefqa totali ddikjarata. Għalhekk il-kontribuzzjoni tal-Unjoni affettwata hija ta' … [ammont f'EUR].
Il-ħidma tal-awditjar imwettqa ma tpoġġix/tpoġġi [ħassar kif xieraq] fid-dubju d-dikjarazzjonijiet magħmulin fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni.
[Meta x-xogħol tal-awditjar iqajjem dubju dwar l-affermazzjonijiet li saru fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni, l-Awtorità ta' verifika għandha tiżvela f'din it-taqsima l-aspetti li jwasslu għal din il-konklużjoni.]
Jew
(Opinjoni negattiva)
Fl-opinjoni tiegħi, u msejsa fuq il-ħidma tal-awditjar imwettqa:
— |
il-kontijiet jagħtu/ ma jagħtux [ħassar kif xieraq] stampa vera u ġusta, kif stabbilit mill-Artikolu 7(5) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014; |
— |
in-nefqa fil-kontijiet li għaliha ntalab rimborż mill-Kummissjoni hija/ mhijiex [ħassar kif xieraq] legali u regolari; |
— |
is-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll stabbilita taħdem/ ma taħdimx [ħassar kif xieraq] kif suppost. |
Din l-opinjoni avversa hija bbażata fuq dawn l-aspetti:
— |
fir-rigward ta' kwistjonijiet materjali relatati mal-kontijiet: …. u/jew [ħassar kif xieraq] |
— |
fir-rigward ta' kwistjonijiet materjali relatati mal-legalità u r-regolarità tan-nefqa fil-kontijiet li għalihom intalab rimborż mill-Kummissjoni: … u/jew [ħassar kif xieraq] |
— |
fir-rigward ta' kwistjonijiet materjali relatati mal-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll (7): … |
Il-ħidma tal-awditjar imwettqa tpoġġi f'dubju l-asserzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni rigward l-aspetti li ġejjin: …
[Il-korp indipendenti ta' awditjar jista' jinkludi wkoll enfasi dwar kwistjoni, li ma jaffettwax l-opinjoni tiegħu, kif stabbilit fl-istandards tal-awditjar aċċettati internazzjonalment. Ċaħda tal-opinjoni tista' tiġi prevista f'każijiet eċċezzjonali (8).]
Data
Firma
(1) Sena ta' kontabilità tfisser il-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Ġunju, ħlief għall-ewwel sena ta' kontabilità, li fir-rigward tagħha din tfisser il-perjodu mid-data tal-bidu għall-eliġibilità tan-nefqa sat-30 ta' Ġunju 2015. Is-sena finali ta' kontabilità għandha tkun mill-1 ta' Lulju 2023 sat-30 ta' Ġunju 2024.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(3) Kif definit fl-Artikolu 5(12) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
(4) Kif stipulat mill-Artikolu 5(12) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
(5) Skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
(6) F'każ li s-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll huma affettwati, indika fl-opinjoni l-korp jew korpi u l-aspett(i) tas-sistemi tagħhom li ma kienx/kinux konformi mar-rekwiżiti u/jew li ma opera(w)x effettivament, ħlief fejn din l-informazzjoni hija diġà żvelata biċ-ċar fir-rapport ta' kontroll annwali u l-paragrafu li fih l-opinjoni li tirreferi għal taqsima/taqsimiet speċifika/ċi ta' dan ir-rapport fejn tinsab din l-informazzjoni.
(7) L-istess rimarka bħan-nota ta' qiegħ il-paġna preċedenti.
(8) Dawn il-każijiet eċċezzjonali għandhom ikunu relatati ma' fatturi esterni mhux prevedibbli, li jinsabu 'l barra mill-mandat tal-awtorità tal-awditjar.
ANNESS IV
Mudell għar-rapport ta' kontroll annwali
1. INTRODUZZJONI
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
1.1 |
Identifikazzjoni tal-awtorità tal-awditjar responsabbli u ta' korpi oħrajn li kienu involuti fit-tħejjija tar-rapport. |
1.2 |
Il-perjodu ta' referenza (jiġifieri s-sena ta' kontabilità (1)). |
1.3 |
Il-perjodu tal-awditjar (li matulu seħħet il-ħidma tal-awditjar). |
1.4 |
Identifikazzjoni tal-programm(i) operazzjonali kopert(i) mir-rapport u tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni tiegħu/tagħhom. [Fejn ir-rapport ta' kontroll annwali jkopri aktar minn programm wieħed, l-informazzjoni għandha tkun ikklassifikata skont il-programm, filwaqt li l-informazzjoni li hija speċifika għall-programm għandha tiġi identifikata f'kull taqsima, ħlief fil-każ tat-taqsima 10.2, fejn tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta fit-taqsima 5.] |
1.5 |
Deskrizzjoni tal-passi meħuda għat-tħejjija tar-rapport u għat-tfassil tal-opinjoni ta' awditjar. |
2. TIBDIL SINIFIKANTI FIS-SISTEMA(I) TA' ĠESTJONI U TA' KONTROLL
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
2.1 |
Dettalji ta' kwalunkwe tibdil sinifikanti fis-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll relatati mar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tad-delega ta' funzjonijiet lil korpi intermedji ġodda, u konferma tal-konformità tagħhom mal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 abbażi tal-ħidma tal-awditjar imwettqa mill-awtorità tal-awditjar skont l-Artikolu 34 ta' dak ir-Regolament. |
2.2 |
Informazzjoni relatata mal-monitoraġġ tal-korpi maħtura skont l-Artikolu 35(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. |
2.3 |
Id-dati li minnhom japplika dan it-tibdil, id-dati tan-notifika tat-tibdil lill-awtorità tal-awditjar, kif ukoll l-impatt ta' dan it-tibdil fuq il-ħidma tal-awditjar għandhom jiġu indikati. |
3. TIBDIL FL-ISTRATEĠIJA TAL-AWDITJAR
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
3.1 |
Dettalji ta' kwalunkwe tibdil li sar fl-istrateġija tal-awditjar, u spjegazzjoni tar-raġunijiet. B'mod partikolari, indika kwalunkwe bidla fil-metodu tal-kampjunar użat għall-awditu tal-operazzjonijiet (ara t-taqsima 5 iktar 'l isfel). |
3.2 |
L-awtorità tal-awditjar tagħmel differenza bejn il-bidliet magħmula jew proposti fi stadju iktar tard, li ma jaffettwawx il-ħidma magħmula matul il-perjodu ta' referenza, u l-bidliet magħmula matul il-perjodu ta' referenza, li jaffettwaw il-ħidma tal-awditjar u r-riżultati. Huma inklużi biss il-bidliet imqabbla mal-verżjoni preċedenti tal-istrateġija tal-awditjar. |
4. AWDITI TAS-SISTEMA
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
4.1 |
Dettalji tal-korpi li wettqu verifiki tas-sistemi (inkluża l-awtorità tal-awditjar innifisha), li wettqu awditjar fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll tal-programm (kif stipulat fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014) — minn hawn 'il quddiem “awditi tas-sistema”. |
4.2 |
Deskrizzjoni tal-bażi għall-awditi mwetqa, inkluż referenza għall-istrateġija ta' awditjar applikabbli, b'mod iktar partikolari għall-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju u għar-riżultati li wasslu biex jiġi stabbilit il-pjan ta' awditu tas-sistemi. F'każ li l-valutazzjoni tar-riskju tkun ġiet aġġornata, dan għandu jiġi deskritt fit-taqsima 3 aktar 'il fuq li tkopri t-tibdil fl-istrateġija tal-awditjar. |
4.3 |
Fir-rigward tat-tabella fit-taqsima 10.1 ħawn taħt, deskrizzjoni tas-sejbiet ewlenin u tal-konklużjonijiet miġbuda mill-awditi tas-sistema, inklużi l-awditi mmirati lejn oqsma tematiċi speċifiċi, kif definit fit-taqsima 3.2 tal-Anness II ta' dan ir-Regolament. |
4.4 |
Indikazzjoni dwar jekk kwalunkwe problemi identifikati ġewx ikkonsidrati li huma ta' karattru sistemiku, u dwar il-miżuri meħuda, inkluża kwantifikazzjoni tan-nefqa irregolari u kwalunkwe korrezzjonijiet finanzjarji relatati, b'konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014. |
4.5 |
Informazzjoni dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar minn verifiki tas-sistemi minn snin ta' kontabilità preċedenti. |
4.6 |
Livell tal-assigurazzjoni miksub wara l-awditi tas-sistema (baxx/medju/għoli) u ġustifikazzjoni. |
5. AWDITI TAL-KAMPJUNI TAL-OPERAZZJONIJIET
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
5.1 |
Indikazzjoni tal-korpi (inkluż l-awtorità tal-awditjar) li wettqu l-awditi tal-operazzjonijiet (kif stipulat fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 u fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014). |
5.2 |
Deskrizzjoni tal-metodoloġija tal-kampjunar applikata u informazzjoni dwar jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-istrateġija tal-awditjar. |
5.3 |
Indikazzjoni tal-parametri użati għall-kampjunar statistiku tal-awditjar u spjegazzjoni tal-kalkoli sottostanti u tal-ġudizzju professjonali applikati. Il-parametri tal-kampjunar tal-awditjar jinkludu: il-livell limitu ta' materjalità, il-livell ta' kunfidenza, l-unità ta' kampjunar, ir-rata mistennija ta' żball, l-intervall tal-kampjunar, id-daqs tal-popolazzjoni, id-daqs tal-kampjun, informazzjoni dwar l-istratifikazzjoni (jekk applikabbli). Il-kalkoli sottostanti għall-għażla tal-kampjun u r-rata totali ta' żball (kif definit fl-Artikolu 6(14) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014 huma żvelati fit-taqsima 10.3 aktar 'l isfel, f'format li jippermetti l-fehim tal-passi bażiċi meħuda, b'konformità mal-metodu ta' kampjunar speċifiku użat. |
5.4 |
Rikonċiljazzjoni bejn in-nefqa totali ddikjarata f'EUR lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sena ta' kontabilità u l-popolazzjoni minn fejn ittieħed il-kampjun każwali (il-kolonna “A” tat-tabella fit-taqsima 10.2 hawn taħt). Elementi li jirrikonċiljaw jinkludu elementi negattivi fejn saru korrezzjonjiet finanzjarji fir-rigward tas-sena ta' kontabilità. |
5.5 |
Fejn hemm elementi negattivi ta' kampjuni, konferma li dawn ġew ittrattati bħala popolazzjoni separata skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni Nru (UE) 532/2014. Analiżi tar-riżultati ewlenin tal-awditi ta' dawn l-unitajiet, l-iktar li jiffukaw fuq il-verifika jekk id-deċiżjonijiet li jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji (meħuda minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni) ġewx irreġsitrati fil-kontijiet bħala rtirar jew irkupru. |
5.6 |
Fil-każ tal-użu ta' kampjunar mhux statistiku, indika r-raġunijiet għall-użu tal-metodu bi qbil mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, il-perċentwal ta' operazzjonijiet/nefqa kopert permezz tal-awditi, il-passi meħuda sabiex tkun żgurata l-każwalità tal-kampjun (u għalhekk ir-rappreżentattività tiegħu) u sabiex ikun żgurat daqs suffiċjenti tal-kampjun li jippermetti lill-awtorità tal-awditjar li tfassal opinjoni ta' awditjar valida. F'każ ta' kampjunar mhux statistiku tiġi kkalkulata wkoll rata ta' żball ipproġettata. |
5.7 |
Analiżi tar-riżultati prinċipali tal-awditi tal-operazzjonijiet, li jiddiskrivu n-numru ta' elementi tal-kampjun awditjati, l-ammont rispettiv u t-tipi (2) ta' żbalji skont l-operazzjoni, kif ukoll in-natura (3) tal-iżbalji misjuba, ir-rata ta' żbalji skont l-istratum u n-nuqqasijiet jew irregolaritajiet ewlenin, (4) il-limitu ta' fuq tar-rata tal-iżbalji (fejn applikabbli), il-kawżi ewlenin, il-miżuri korrettivi proposti, (inklużi dawk maħsuba biex jimmitigaw dawn l-iżbalji f'applikazzjonijiet ta' pagament sussegwenti) u l-impatt fuq l-opinjoni tal-awditjar. Fejn meħtieġ, ipprovdi spjegazzjonijiet ulterjuri fuq id-dejta ppreżentata fit-taqsimiet 10.2 u 10.3 hawn taħt, b'mod partikolari dik li tikkonċerna r-rata totali ta' żball. |
5.8 |
Spjegazzjonijiet dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw is-sena ta' kontabilità kurrenti u implimentati mill-awtorità ta' ċertifikazzjoni/awtorità ta' ġestjoni qabel is-sottomissjoni tal-kontijiet finali lill-Kummissjoni, u li jirriżultaw mill-verifiki tal-operazzjonijiet, inklużi korrezzjonijiet b'rata fissa jew estrapolati, kif muri fit-tabella taħt it-taqsima 10.2 hawn taħt. |
5.9 |
Paragun bejn ir-rata totali ta' żball u r-rata totali residwa ta' żball (5) (kif muri fit-taqsima 10.2 hawn taħt) bil-livell ta' materjalità stabbilit, sabiex ikun aċċertat jekk il-popolazzjoni hix materjalment iddikjarata b'mod żbaljat jew le u l-impatt fuq l-opinjoni tal-awditjar. |
5.10 |
Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-awditu tal-kampjun komplimentari (kif stabbilit fl-Artikolu 6(12) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014), jekk ikun hemm. |
5.11 |
Dettalji dwar jekk kwalunkwe problemi identifikati kinux ikkunsidrati li huma ta' natura sistemika, u dwar il-miżuri meħuda, inkluża kwantifikazzjoni tan-nefqa irregolari u kwalunkwe korrezzjonijiet finanzjarji relatati. |
5.12 |
Informazzjoni dwar is-segwitu tar-riżultati ta' verifiki tal-operazzjonijiet li twettqu fi snin preċedenti, b'mod partikolari dwar nuqqasijiet ta' natura sistemika. |
5.13 |
Konklużjonijiet miġbuda mir-riżultati globali tal-verifiki tal-operazzjonijiet fir-rigward tal-effettività tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll. |
6. AWDITJAR TAL-KONTIJIET
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
6.1 |
Indikazzjoni tal-awtoritajiet/korpi li wettqu awditi tal-kontijiet. |
6.2 |
Deskrizzjoni tal-approċċ ta' awditjar użat biex jivverifika l-elementi tal-kontijiet definiti fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 223/2014. Din għandha tinkludi referenza għall-ħidma tal-awditjar imwettqa fil-kuntest ta' awditi tas-sistema (spjegati fit-taqsima 4 hawn fuq) u l-awditi tal-operazzjonijiet (spjegati fit-taqsima 5 hawn fuq) b'rilevanza għall-assigurazzjoni rikjesta fuq il-kontijiet. |
6.3 |
Indikazzjoni tal-konklużjonijiet miġbuda mill-awditu fir-rigward tal-kompletezza, il-preċiżjoni u l-veraċità tal-kontijiet, inkluża indikazzjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula u riflessi fil-kontijiet bħala segwitu għar-riżultati tal-awditi tas-sistema u/jew tal-awditu fuq l-operazzjonijiet. |
6.4 |
Indikazzjoni dwar jekk kwalunkwe problemi identifikati kinux meqjusa li huma ta' natura sistemika, u l-miżuri li ttieħdu. |
7. IL-KOORDINAZZJONI BEJN IL-KORPI TAL-AWDITJAR U L-ĦIDMA SUPERVIŻORJA MILL-AWTORITÀ TAL-AWDITJAR (fejn applikabbli)
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
7.1 |
Deskrizzjoni tal-proċedura għall-koordinazzjoni bejn l-awtorità tal-awditjar nazzjonali u kwalunkwe korp tal-awditjar li jwettaq awditi kif previst fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014, fejn xieraq. |
7.2 |
Deskrizzjoni tal-proċedura għas-superviżjoni u għar-reviżjoni ta' kwalità applikati mill-awtorità tal-awditjar fuq tali korp/i tal-awditjar. |
8. INFORMAZZJONI OĦRA
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
8.1 |
Fejn applikabbli, informazzjoni dwar frodi u suspetti ta' frodi rrappurtati miskjuba fil-kuntest tal-awditi mwettqa mill-awtorità ta' awditjar (inkluż il-każijiet irrappurtati minn korpi nazzjonali oħra jew korpi tal-Unjoni u relatati ma' operazzjonijiet awditjati mill-awtorità ta' awditjar), flimkien mal-miżuri meħuda. |
8.2 |
Fejn applikabbli, avvenimenti sussegwenti li seħħew wara li ġew ippreżentati l-kontijiet lill-awtorità tal-awditjar u qabel it-trażmissjoni tar-rapport ta' kontroll annwali taħt l-Artikolu 34(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 lill-Kummissjoni u kkunsidrati meta ġie stabbilit il-livell ta' assigurazzjoni u opinjoni mill-awtorità tal-awditjar. |
9. LIVELL ĠENERALI TA' ASSIGURAZZJONI
Din it-taqsima għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
9.1 |
Indikazzjoni tal-livell ġenerali tal-assigurazzjoni dwar il-funzjonament xieraq tas-sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll (6), u spjegazzjoni dwar kif dan il-livell inkiseb mill-kombinazzjoni tar-riżultati tal-awditi tas-sistema (kif rifless fit-taqsima 10.2 hawn taħt) u awditi tal-operazzjonijiet (kif rifless fit-taqsima 10.3 hawn taħt). Fejn rilevanti, l-awtorità tal-awditjar tieħu inkonsiderazzjoni wkoll ir-riżultati ta' ħidma oħra tal-awditjar nazzjonali jew tal-Unjoni mwettqa fir-rigward tas-sena ta' kontabilità. |
9.2 |
Il-valutazzjoni ta' kwalunkwe azzjonijiet ta' mitigazzjoni implimentati, bħalma huma korrezzjonijiet finanzjarji u l-valutazzjoni tal-ħtieġa ta' kwalunkwe miżuri korrettivi addizzjonali neċessarji, kemm minn perspettiva tas-sistema kif ukoll minn perspettiva finanzjarja.. |
10. ANNESSI GĦAR-RAPPORT TA' KONTROLL ANNWALI
10.1. Riżultati tal-awditi tas-sistemi:
Entità Awditjata |
|
Titlu tal-awditu |
Data tar-rapport tal-awditu |
Programm Operazzjonali: [CCI u Isem tal-PO] |
Valutazzjoni ġenerali (kategorija 1, 2, 3, 4) [kif definit fit-Tabella 2- Anness II tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014] |
Kummenti |
||||||||||||
Ir-rekwiżiti ewlenin (kif applikabbli) [kif definit fit-Tabella 1 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014] |
||||||||||||||||||
KR 1 |
KR 2 |
KR 3 |
KR 4 |
KR 5 |
KR 6 |
KR 7 |
KR 8 |
KR 9 |
KR 10 |
KR 11 |
KR 12 |
KR 13 |
||||||
MA |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
||||||
IB(s) |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
||||||
CA |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|||||||||
Nota: Il-partijiet bil-griż fit-Tabella ta' hawn fuq jirreferu għal rekwiżiti ewlenin li mhumiex applikabbli għal entità awditjata. |
10.2 Għal verifiki ta' operazzjonijiet:
Numru tal-Programm (CCI) |
It-titolu tal-programm |
A |
B |
C |
D |
E |
F |
G |
H |
|
Ammont f'EUR li jikkorrispondi għall-popolazzjoni li minnha ttieħed il-kampjun (7) |
Nefqa b'referenza għas-sena ta' kontabilità awditjata għall-kampjun aleatorju |
Ammont ta' nefqa irregolari fil-kampjun aleatorju |
Rata totali ta' żball (8) |
Korrezzjonijiet implimentati bħala riżultat tar-rata totali ta' żball |
Rata totali residwa ta' żball |
Infiq ieħor awditjat (9) |
Ammont ta' nfiq irregolari f'infiq ieħor awditjat |
|||
Ammont (10) |
% (11) |
|||||||||
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
10.3 Kalkoli sottostanti tal-għażla tal-kampjun aleatorju u tar-rata totali ta' żball ipproġettata
(1) Kif definit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014.
(2) Każwali, sistemiku, anomalu.
(3) Pereżempju: eliġibilità, akkwist pubbliku.
(4) Ir-rata ta' żball tal-istrat għandha tiġi żvelata meta l-istratifikazzjoni tkun ġiet applikata skont l-Artikolu 6(10) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014, li jkopri sottopopolazzjonijiet b'karatteristiki simili, bħal operazzjonijiet li jikkonsistu f'kontribuzzjonijiet finanzjarji għal elementi ta' valur għoli.
(5) Żbalji totali mingħajr il-korrezzjonijiet imsemmija fit-taqsima 5.8, diviżi bil-popolazzjoni totali.
(6) Il-livell globali ta' aċċertament jikkorrispondi għal wieħed mill-erba' kategoriji definiti fit-Tabella 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014.
(7) Il-kolonna “A” tirreferi għall-popolazzjoni li minnha ttieħed il-kampjun aleatorju, jiġifieri l-ammont totali ta' nefqa pubblika eliġibbli mdaħħla fis-sistema ta' kontabilità tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni li ġiet inkluża f'applikazzjonijiet ta' pagament ippreżentati lill-Kummissjoni (kif stabbilit permezz tal-Artikolu 49(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 223/2014), wara li jitneħħew l-unitajiet ta' kampjunar negattivi, jekk ikun hemm. Fejn applikabbli, se jingħataw spjegazzjonijiet fit-taqsima 5.4.
(8) Ir-rata totali ta' żball hija kkalkulata qabel ma jiġu applikati kwalunkwe korrezzjonijiet finanzjarji b'rabta mal-kampjun awditjat, jew b'rabta mal-popolazzjoni li minnha jkun ittieħed il-kampjun aleotorju. Meta l-kampjun aleotorju jkopri aktar minn Fond jew programm wieħed, ir-rata totali ta' żball (ikkalkulata) ippreżentata fil-kolonna “D” tikkonċerna l-popolazzjoni kollha. Fejn tintuża stratifikazzjoni, fit-taqsima 5.7 għandha tiġi pprovduta informazzjoni ulterjuri skont l-istrat.
(9) Fejn applikabbli, il-kolonna “G” tirreferi għan-nefqa awditjata fil-kuntest ta' kampjun kumplimentari.
(10) Ammont tan-nefqa awditjata (f'każ li jiġi applikat is-sottokampjunar skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014, huwa biss l-ammont tal-unitajiet ta' nefqa awditjati b'mod effettiv skont l-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament Delegat li għandhom jiġu inkjlużi f'din il-kolonna).
(11) Perċentwal tan-nefqa awditjata fir-rigward tal-popolazzjoni.