13.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1385

tal-10 ta' Awwissu 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha, parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu applikati tariffi u miżuri oħrajn relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq jiġi previst li d-detentur tal-informazzjoni tariffarja vinkolanti li tinħareġ għall-merkanzija kkonċernata minn dan ir-Regolament u li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament jista' jibqa' jinvokaha skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2) għal perjodu partikulari taż-żmien. Dak il-perjodu għandu jkun tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mogħtija fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Klassifikazzjoni

(il-kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li għandu jintuża biex jgħin fit-tkabbir tal-pjanti fuq ġewwa u jistimulahom jikbru.

Bejn wieħed u ieħor, id-daqs tal-oġġett hu 80 cm bi 80 cm b'160 cm, u hu magħmul minn qafas ta' tubi vojta tal-azzar u ġnub, bil-wiċċ u l-qiegħ tad-drapp, jistgħu jingħalqu għalkollox u għandhom kisja li tirrifletti d-dawl fuq ġewwa. Id-drapp għandu fetħiet għall-ventilazzjoni, l-ilma u l-elettriku u ma jħallix l-ilma, id-dawl u l-arja jgħaddu minnu. Id-drapp għandu ż-żippijiet biex jagħti aċċess għan-naħa ta' ġewwa tal-oġġett minn kull naħa.

Ara l-istampa (*).

6307 90 98

Il-klassifikazzjoni jiddeterminawha r-regoli ġenerali Nru 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċijiet NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 98 .

L-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 9403 bħala “tip ta' għamara oħra” għax m'għandux jintuża bħala għamara għal djar privati, lukandi, uffiċċji, skejjel, knejjes, ħwienet, laboratorji u postijiet simili oħrajn, iżda għandu jintuża biex jgħin fit-tkabbir tal-pjanti fuq ġewwa u jistimulahom jikbru (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata b'rabta mat-tieni paragrafu tal-intestatura 9403 ).

L-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 9406 bħala “bini prefabbrikat” għax il-binja tiegħu tindika li huwa għall-użu fuq ġewwa.

Il-kisja ħafifa li tirrifletti d-dawl fuq in-naħa ta' ġewwa tad-drapp u l-fetħiet għall-ventilazzjoni, l-ilma u l-elettriku li għandu l-oġġett hemm bżonnhom għan dawn jgħinu lit-tkabbir tal-pjanti ġo dan l-oġġett. Għalhekk lill-oġġett, id-drapp jagħtih in-natura essenzjali tiegħu skont ir-regola ġenerali Nru 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda.

Għalhekk, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 98 bħala “oġġett tad-drapp ieħor manifatturat”.

Image

(*)  L-istampa qed tingħata biss għall-informazzjoni.