8.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1365

tat-30 ta' April 2015

dwar il-format ta' trażmissjoni tad-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 (ESA 2010) tistabbilixxi sistema ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-politika ekonomika, soċjali u reġjonali tal-Unjoni.

(2)

Minħabba l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp għall-ekonomija, ġew żviluppati metodi addizzjonali u formats tat-trażmissjoni armonizzati u komparabbli għad-dejta tar-riċerka u l-iżvilupp fil-kuntest tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li hija s-sħubija bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħrajn responsabbli fl-Istati Membri għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea.

(3)

Ir-regoli metodoloġiċi previsti fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 għandhom jiġu applikati meta tiġi rreġistrata n-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp bħala formazzjoni grossa tal-kapital fiss.

(4)

Il-programm tat-trażmissjoni stabbilit fl-ESA 2010 jinkludi informazzjoni annwali dwar l-assi fissi u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss f'dawk l-assi. Jeħtieġ li l-Istati Membri jittrażmettu dejta affidabbli u komparabbli lill-Kummissjoni f'format speċifiku, sabiex jiżguraw livell għoli ta' kwalità tal-kontijiet nazzjonali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-format tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kontijiet nazzjonali li skontu għandha tiġi trażmessa d-dejta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni (Eurostat), sabiex ikunu żgurati l-affidabbiltà u l-komparabbiltà ta' dik id-dejta.

Artikolu 2

Format tat-trażmissjoni tad-dejta

Meta l-Istati Membri jittrażmettu d-dejta tan-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp għall-ekonomija totali lill-Kummissjoni (Eurostat), għandhom japplikaw il-format li ġej:

(a)

AN.1171 g, assi tar-riċerka u l-iżvilupp, gross;

(b)

AN.1171n, assi tar-riċerka u l-iżvilupp, nett;

(c)

P.51 g, AN.1171, formazzjoni ta' kapital fiss gross fir-riċerka u l-iżvilupp

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal dejta li għandha tiġi trażmessa mill-1 ta' Awwissu 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.