17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/6


REGOLAMENT (UE) 2015/1146 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2015

li jiffissa r-rata ta' aġġustament prevista fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1306/2013 għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2015

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula li għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jolqtu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola, billi, fil-bidu ta' kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament.

(2)

L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistipula li, sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (4) għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, għandha tiġi stabbilita rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet tal-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikolari jindikaw li jkunu ser jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

(3)

L-ammont tar-riżerva għal kriżijiet fis-settur agrikolu, li għandu jiddaħħal fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2016, jilħaq it-total ta' EUR 441,6 miljun fi prezzijiet kurrenti. Biex jiġi kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ mniżżlin fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għas-sena kalendarja 2015.

(4)

Il-previżjonijiet preliminari għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq li għandhom jiġu determinati fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2016 jindikaw li mhemmx bżonn ta' iktar dixxiplina finanzjarja.

(5)

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jeħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rata ta' aġġustament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja li għaliha tkun tapplika dik ir-rata ta' aġġustament.

(6)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu fiss tal-pagamenti li jkun fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu pagamenti tardivi lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagament, sa ċertu limitu taż-żmien. It-tali pagamenti tardivi jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, ir-rata ta' aġġustament m'għandhiex tiġi applikata għal pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fi snin kalendarji oħrajn li mhumiex is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi stipulat li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jkunu tressqu fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(7)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti determinata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 li għandhom jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li, b'riżultat tal-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Bulgarija u għar-Rumanija biss mill-1 ta' Jannar 2016, u għall-Kroazja biss mill-1 ta' Jannar 2022. B'hekk ir-rata ta' aġġustament li għandha tiġi determinata b'dan ir-Regolament m'għandhiex tapplika għal pagamenti lill-bdiewa f'dawk l-Istati Membri.

(8)

Sal-1 ta' Diċembru 2015, ir-rata ta' aġġustament iffissata b'dan ir-Regolament tista' tiġi adattata mill-Kummissjoni, abbażi ta' informazzjoni ġdida li jkollha fil-pussess tagħha, skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Sabiex ir-rata ta' aġġustament tiġi ffissata skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti taħt l-iskemi ta' appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jkunu ta' iktar minn EUR 2 000 u li għandhom jingħataw lil bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja 2015, għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,393041 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 m'għandux japplika fil-Bulgarija, fil-Kroazja jew fir-Rumanija.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Opinjoni tat-22 ta' April 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2015.

(3)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(5)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).