17.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 191/1


REGOLAMENT (UE) 2015/1145 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2015

dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL- UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 1972 ġie iffirmat fi Brussell ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (4) (“il-Ftehim”).

(3)

Huwa meħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati għall implimentazzjoni tal-klawżoli ta' salvagwardja u tal-miżuri kawtelatorji previsti fl-Artikoli 22 sa 27 tal-Ftehim.

(4)

Biex jiġu implimentati l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill (5).

(5)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li għandhom japplikaw minnufih fejn, f'każijiet debitament ġustifikati marbuta mas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24, 24a u 26 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lill-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (“il-Ftehim”) bl-iskop li jittieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 22, 24, 24a u 26 tal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta dawk il-miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri jekk tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 2

1.   Fl-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk dik il-prattika hijiex kompatibbli mal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ ta' prattika li tista' twassal biex jiġu applikati fil-konfront tal-Unjoni miżuri ta' salvagwardja fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, għandha tiddeċiedi jekk il-prattika hijiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim. Fejn ikun meħtieġ, għandha tifformula rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 3

Fil-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika li l-Unjoni tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 25 tal-Ftehim, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

Artikolu 4

1.   Fejn minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jkun meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24, 24a u 26 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, il-miżuri kawtelatorji previsti fil-punt (e) tal-Artikolu 27(3) tal-Ftehim jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn il-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwar dik it-talba fi żmien massimu ta' ħamest ijiem ta' xogħol wara li tkun irċevietha.

Artikolu 5

In-notifika lill-Kumitat Konġunt mill-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 27(2) tal-Ftehim għandha tkun responsabbli għaliha l-Kummissjoni.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża tal-kummerċ ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Lulju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2015.

(2)  Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1972 fuq il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU L 300, 31.12.1972, p. 284).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal- Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(8)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI

Ir-Regolament (KEE) Nru 2841/72 tal-Kunsill

(ĠU L 300, 31.12.1972, p. 284)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 643/90

(ĠU L 74, 20.3.1990, p. 7

 

Ir-Regolament (EU) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Biss il-punt 1 tal-Anness


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regulation (KEE) Nru 2841/72

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Arikolu 8

Artikolu 9

Anness I

Anness II