4.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 175/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1076

tat-28 ta' April 2015

li, skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistabbilixxi regoli addizzjonali dwar is-sostituzzjoni ta' benefiċjarju u dwar ir-responsabbiltajiet relatati, u rekwiżiti minimi li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet ta' Sħubija Pubblika Privata ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 63(4) u 64(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 63(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistipula li f'dak li għandu x'jaqsam mal-operazzjoni ta' Sħubija Pubblika Privata (“PPP — Public Private Partnership”), benefiċjarju jista' jkun korp irregolat mil-liġi privata ta' Stat Membru (“sieħeb privat”). F'konformità mal-Artikolu 63(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, is-sieħeb privat magħżul biex jimplimenta l-operazzjoni jista' jiġi sostitwit bħala benefiċjarju waqt l-implimentazzjoni fejn dan ikun meħtieġ skont il-patti u l-kondizzjonijiet tal-PPP jew tal-ftehim ta' finanzjament sottostanti bejn is-sieħeb privat u l-istituzzjoni finanzjarja li tikkofinanzja l-operazzjoni.

(2)

Sabiex ikun speċifikat sett komplut ta' obbligi tas-sħab f'operazzjoni ta' PPP, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli addizzjonali dwar is-sostituzzjoni tal-benefiċjarju u dwar ir-responsabbiltajiet relatati.

(3)

Fil-każ ta' sostituzzjoni ta' benefiċjarju f'operazzjoni PPP iffinanzjata mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li wara s-sostituzzjoni, is-sieħeb jew il-korp il-ġdid jipprovdi mill-anqas l-istess servizz, u skont l-istess standards ta' kwalità minima, li kienu meħtieġa mill-kuntratt inizjali tal-PPP.

(4)

Għal operazzjoni PPP fejn il-korp tal-liġi pubblika ikun il-benefiċjarju tal-għotja, l-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li skonthom xi nefqa mġarrba u mħallsa minn sieħeb privat tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala mġarrba u mħallsa mill-benefiċjarju. L-Artikolu 64(2) ta' dan ir-Regolament jeżiġi li l-ħlas fir-rigward ta' tali nefqa jsir f'kont miżmum minn terzi f'isem il-benefiċjarju.

(5)

Huwa neċessarju li jkunu stabbiliti r-rekwiżiti minimi li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet PPP li huma neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, inklużi dispożizzjonijiet relatati mat-tmiem tal-ftehim PPP u bil-għan li jiġi żgurat rekord adegwat tal-awditjar.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Regoli dwar is-sostituzzjoni ta' benefiċjarju f'operazzjonijiet ta' PPP iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

(Artikolu 63(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)

Artikolu 1

Kondizzjonijiet addizzjonali dwar is-sostituzzjoni tas-sieħeb privat

Is-sostituzzjoni tas-sieħeb privat jew tal-korp irregolat bil-liġi pubblika msemmija fl-Artikolu 63(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (“sieħeb jew korp”) ikunu konformi mal-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

is-sieħeb jew il-korp ikun jista' tal-inqas jagħti s-servizz, inkluż mill-inqas l-istandards minimi ta' kwalità, determinati fil-kuntratt ta' Sħubija Pubblika Privata (“PPP”);

(b)

is-sieħeb jew korp ikun qabel li jieħu f'idejh id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' benefiċjarju f'dak li għandu x'jaqsam mal-appoġġ għal operazzjonijiet PPP mid-data li fiha l-awtorità maniġerjali tiġi nnotifikata bil-proposta ta' sostituzzjoni.

Artikolu 2

Proposta li jiġi sostitut sieħeb privat

1.   Is-sieħeb jew il-korp jibgħat il-proposta għas-sostituzzjoni tas-sieħeb privat bħala benefiċjarju lill-awtorità maniġerjali fi żmien xahar mid-data tad-deċiżjoni li jkun sostitwit is-sieħeb privat.

2.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 ikun fiha dawn li ġejjin:

(a)

il-patti u l-kondizzjonijiet tal-PPP jew il-ftehim ta' finanzjament bejn is-sieħeb privat u l-istituzzjoni finanzjarja li tikkofinanzja l-operazzjoni li tkun teħtieġ sostituzzjoni;

(b)

evidenza dwar l-issodisfar mis-sieħeb jew il-korp tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u evidenza li huwa jissodisfa u jieħu fuqu l-obbligi korrispendenti kollha ta' benefiċjarju skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(c)

prova li s-sieħeb jew il-korp ikun ġie pprovdut b'kopja tal-ftehim oriġinali ta' appoġġ u kwalunkwe emendi li setgħu saru għal dan il-ftehim.

Artikolu 3

Konferma ta' sostituzzjoni tas-sieħeb privat

Fi żmien xahar mill-wasla tal-proposta msemmija fl-Artikolu 2, u sakemm is-sieħeb jew il-korp jissodisfa u jieħu fuqu l-obbligi korrispendenti kollha ta' benefiċjarju skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-awtorità maniġerjali għandha:

(a)

tirreġistra s-sieħeb jew il-korp bħala l-benefiċjarju mid-data msemmija fl-Artikolu 1(b) ta' dan ir-Regolament;

(b)

tinforma lis-sieħeb jew il-korp dwar l-ammont ta' appoġġ li jkun għad hemm disponibbli mill-Fondi ESI.

KAPITOLU II

Rekwiżiti minimi li għandhom jiġu inklużi fi ftehimiet PPP iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej

(Artikolu 64(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013)

Artikolu 4

Kont miżmum minn terzi

Fir-rigward ta' kont miżmum minn terzi msemmi fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Ftehim tal-PPP ikun fih ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

fejn xieraq, il-kriterji għall-għażla tal-istituzzjoni finanzjarja fejn għandu jinfetaħ il-kont miżmum minn terzi, inklużi rekwiżiti dwar l-affidabbiltà kreditizja tagħha;

(b)

il-kondizzjonijiet li skonthom isiru l-ħlasijiet mill-kont miżmum minn terzi;

(c)

jekk il-korp irregolat bil-liġi pubblika li huwa benefiċjarju jistax juża kont miżmum minn terzi bħala kollateral/sigurtà għat-twettiq tal-obbligi tiegħu jew tas-sieħeb privat skont il-ftehim PPP;

(d)

l-obbligu għad-detenturi ta' kont miżmum minn terzi biex jgħarraf lill-awtorità maniġerjali, fuq it-talba bil-miktub tagħha, dwar l-ammont ta' fondi fil-kont miżmum minn terzi żborżati, u l-bilanċ tal-kont miżmum minn terzi;

(e)

regoli dwar kif il-fondi li jibqa' fil-kont miżmum minn terzi jiġi żborżati meta jingħalaq il-kont miżmum minn terzi minħabba terminazzjoni tal-ftehim PPP.

Artikolu 5

Rapportar u rekord tal-awditjar

1.   Il-ftehim PPP jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' rapportar u ta' żamma tad-dokumenti. Dan il-mekkaniżmu jkun fih l-istess obbligi ta' rapportar u ta' żamma tad-dokumenti bħal dawk tal-benefiċjarju li jġarrab u jħallas in-nefqa li tkun eliġibbli skont l-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Il-ftehim PPP jinkludi proċeduri biex jiġi żgurat rekord tal-awditjar adegwat kif stipulat fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (2). Dawn il-proċeduri, b'mod partikolari, jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-ħlasijiet imġarrba u mħallsa mis-sieħeb privat għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni man-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarju lill-Awtorità maniġerjali.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).