2.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1051

tal-1 ta' Lulju 2015

dwar il-modalitajiet għall-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim, dwar il-modalitajiet tal-formola elettronika għall-ilmenti u dwar il-modalitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt previsti fir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(7), l-Artikolu 7(7) u l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jipprevedi għat-twaqqif ta' pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim fuq livell tal-Unjoni (il-pjattaforma tal-ODR). Jeħtieġ li l-pjattaforma jkollha l-għamla ta' sit web interattiv u multilingwi li joffri punt ta' dħul wieħed lill-konsumaturi u lin-negozjanti li jkunu qegħdin ifittxu li jilħqu soluzzjoni bonarja għal tilwimiet dwar obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn kuntratti online ta' bejgħ u ta' servizzi.

(2)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 jipprevedi li l-formola elettronika għall-ilmenti tkun faċli għall-utent. Għaldaqstant, l-ilmentaturi għandhom ikunu jistgħu jimlew il-formoli għall-ilmenti f'għamla ta' abbozz qabel ma jressqu lment. Jeħtieġ ikun żgurat li l-abbozzi li ma jintbagħtux minn ilmentaturi jitħassru awtomatikament mill-pjattaforma tal-ODR wara perjodu ta' żmien xieraq.

(3)

Sabiex ikun żgurat it-tħaddim kif suppost tal-pjattaforma tal-ODR, jeħtieġ li jiġi stabbilit kif il-parti li twieġeb għandha tiġi mgħarrfa li jkun tressaq ilment lill-pjattaforma tal-ODR, kif ukoll liema tagħrif mill-formola elettronika għall-ilmenti għandu jintuża sabiex jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-entitajiet kompetenti tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (l-entitajiet tal-ADR).

(4)

Għall-istess għan u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament (UE) Nru 524/2013, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat f'liema stadju l-entitajiet tal-ADR għandhom jipprovdu tagħrif marbut mat-trattament ta' tilwima lill-pjattaforma tal-ODR.

(5)

Huwa meħtieġ li tkun stabbilita d-data tat-tmiem ta' ċerti tilwim li fih ilment ma jkunx jista' jiġi pproċessat ulterjorment, sabiex ikun żgurat li d-dejta personali relatata ma' dak it-tilwim tkun tista' titħassar sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tat-tmiem. Dan jinkludi tilwim li fih il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar entità tal-ADR minħabba n-nuqqas ta' rispons mill-parti li twieġeb jew meta entità tal-ADR tirrifjuta li tittratta tilwima.

(6)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinnotifikaw il-lista ta' entitajiet nazzjonali tal-ADR lill-Kummissjoni u jaġġornawha b'mod uniformi sabiex tiġi standardizzata r-reġistrazzjoni ta' dawn l-entitajiet mal-pjattaforma tal-ODR skont ir-Regolament (UE) Nru 524/2013.

(7)

Huwa xieraq li jkun determinat il-waqt meta l-partijiet f'tilwima ttrattata permezz tal-pjattaforma tal-ODR għandhom ikunu jistgħu jagħtu l-feedback tagħhom dwar it-tħaddim tal-pjattaforma tal-ADR u dwar l-entità tal-ADR li tkun ittrattat it-tilwima tagħhom.

(8)

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jipprevedi n-nomina ta' punt ta' kuntatt tal-ODR wieħed f'kull Stat Membru li jagħti appoġġ lill-partijiet involuti f'tilwima u lill-entitajiet tal-ADR li jittrattaw tilwima permezz tal-pjattaforma tal-ODR. Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt tal-ODR, huwa xieraq li jkun definit sett komuni ta' prinċipji li abbażi tagħhom tissejjes dik il-kooperazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, stabbilit skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-modalitajiet għall-:

(a)

il-formola elettronika għall-ilmenti;

(b)

l-eżerċitar tal-funzjonijiet tal-pjattaforma tal-ODR;

(c)

il-kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt tal-ODR.

Artikolu 2

Formola elettronika għall-ilmenti

Il-formola elettronika għall-ilmenti li tintbagħat lill-pjattaforma tal-ODR tkun aċċessibbli għall-konsumaturi u għan-negozjanti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-parti li tilmenta tkun tista' tissejvja abbozz tal-formola elettronika għall-ilmenti fuq il-pjattaforma tal-ODR. L-abbozz ikun aċċessibbli u jkun jista' jiġi editjat mill-parti li tilmenta qabel ma tintbagħat il-formola elettronika għall-ilmenti finali mimlija kompletament. L-abbozz tal-formola elettronika għall-ilmenti li ma jimteliex kompletament u ma jintbagħatx jitħassar awtomatikament mill-pjattaforma tal-ODR sitt xhur wara li jinħoloq.

Artikolu 3

L-informar tal-parti li twieġeb

Hekk kif tiġi riċevuta l-formola elettronika għall-ilmenti mimlija kompletament, il-pjattaforma tal-ODR tibgħat messaġġ elettroniku standard fl-indirizz elettroniku tal-parti li twieġeb, indikat fil-formola elettronika għall-ilmenti mill-parti li tilmenta, li jinformaha li tressaq ilment kontriha u jqiegħed għad-disponibbiltà tagħha t-tagħrif skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013.

Artikolu 4

Identifikazzjoni tal-entità tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR)

1.   F'każ li fil-formola elettronika għall-ilmenti ma tiġi identifikata l-ebda entità tal-ADR kompetenti, il-pjattaforma tal-ODR turi lista indikattiva tal-entitajiet tal-ADR lill-parti li twieġeb, sabiex tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-entità tal-ADR kompetenti. Il-lista tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-indirizz ġeografiku tal-partijiet fit-tilwima kif previst fil-formola elettronika għall-ilmenti skont l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 u;

(b)

is-settur li għandu x'jaqsam mat-tilwima.

2.   Fi kwalunkwe ħin, il-partijiet ikollhom aċċess għal-lista tal-entitajiet tal-ADR kollha rreġistrati mal-pjattaforma tal-ODR skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013. Għodda għat-tiftix offruta mill-pjattaforma tal-ODR tgħin lill-partijiet sabiex jidentifikaw l-entità tal-ADR kompetenti biex tittratta it-tilwima tagħhom fost l-entitajiet tal-ADR irreġistrati mal-pjattaforma tal-ODR.

Artikolu 5

Tagħrif li għandu jingħata mill-entitajiet tal-ADR

1.   Hekk kif l-entitajiet tal-ADR li jkun intbagħtilhom ilment permezz tal-pjattaforma tal-ODR u li jkunu qablu li jittrattaw tilwima jirċievu l-fajl komplut tal-ilment relatat mat-tilwima, jibagħtu, mingħajr dewmien, id-data meta rċevew il-fajl komplut tal-ilment u s-suġġett tat-tilwima lill-pjattaforma tal-ODR.

2.   Id-data li fiha jiġi riċevut il-fajl komplut tal-ilment timmarka l-bidu tal-perjodu ta' 90 jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 8(e) tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

3.   L-entitajiet tal-ADR li jkun intbagħtilhom ilment permezz tal-pjattaforma tal-ODR u li jirrifjutaw li jittrattaw tilwima jibagħtu r-rifjut lill-pjattaforma tal-ODR, mingħajr dewmien, hekk kif jieħdu dik id-deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2013/11/UE.

4.   Hekk kif tintemm it-tilwima, l-entitajiet tal-ADR li jkun intbagħtilhom ilment permezz tal-pjattaforma tal-ODR jibagħtu, mingħajr dewmien, id-data tat-tmiem il-proċedura tal-ADR, kif ukoll l-eżitu tagħha, lill-pjattaforma tal-ODR. Dan għandu jinkludi wkoll is-sitwazzjoni li fiha ż-żewġ partijiet jew parti waħda tirtira mill-proċedura f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/11/UE.

Artikolu 6

Tmiem ta' ċerti tilwim u t-tħassir tad-dejta personali

1.   Tilwima mibgħuta permezz tal-pjattaforma tal-ODR ma tkunx ipproċessata ulterjorment, b'mod partikolari meta:

(a)

il-parti li twieġeb tiddikjara li mhijiex disposta li tuża entità tal-ADR;

(b)

il-partijiet ma jaslux għall-qbil dwar entità tal-ADR li tittratta t-tilwima tagħhom fi żmien 30 jum kalendarju wara li tintbagħat il-formola elettronika għall-ilmenti;

(c)

l-entità tal-ADR li dwarha jkun hemm qbil bejn il-partijiet tirrifjuta li tittratta t-tilwima

u tkun ikkunsidrata bħala mitmuma. Id-data ta' meta sseħħ kwalunkwe ċirkustanza msemmija fil-punti (a) sa (c) tkun id-data tat-tmiem tat-tilwima rispettiva.

2.   Id-dejta personali relatata mat-tilwim imsemmi fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel paragrafu titħassar mill-pjattaforma sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tiegħu.

Artikolu 7

Notifika elettronika tal-lista tal-entitajiet tal-ADR

1.   Sabiex jinnotifikaw il-lista tal-entitajiet tal-ADR msemmija fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/11/UE, l-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (i) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/11/UE jużaw formola elettronika standardizzata pprovduta mill-Kummissjoni.

2.   Il-formola elettronika standardizzata mimlija se tinkludi t-tagħrif kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/11/UE u t-tagħrif dwar it-tul medju tal-proċedura tal-ADR kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 u fil-punt (e) tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2013/11/UE.

Artikolu 8

Sistema ta' feedback

Il-pjattaforma tal-ODR tagħti l-possibbiltà lill-partijiet involuti f'tilwima li jagħtu l-feedback tagħhom skont il-punt (g) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 malli tintemm il-proċedura tal-ADR u għas-sitt xhur ta' wara.

Artikolu 9

Kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt tal-ODR

1.   Il-punti ta' kuntatt tal-ODR jagħtu appoġġ, bl-aħjar mod li jistgħu, għas-soluzzjoni tat-tilwim relatat ma' lmenti mressqa permezz tal-pjattaforma tal-ODR kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013.

2.   Sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom elenkati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013, il-konsulenti tal-ODR jipprovdu, mingħajr dewmien, assistenza lill-konsulenti f'punti ta' kuntatt tal-ODR oħrajn u jaqsmu magħhom it-tagħrif.

3.   Il-konsulenti tal-ODR li jkollhom aċċess għal tagħrif li jikkonċerna tilwima, inkluża d-dejta personali, jagħtu aċċess għal dan it-tagħrif lill-konsulenti f'punti ta' kuntatt tal-ODR oħrajn, sa fejn ikun meħtieġ bl-iskop li jitwettqu l-funzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).