25.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/62


REGOLAMENT (UE) 2015/939 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Ġunju 2015

dwar ċerti proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1616/2006 (2) ġie emendat (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra (4) (“FSA”), ġie ffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta' Ġunju 2006 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009.

(3)

Hu meħtieġ li jiġu stipulati l-proċeduri sabiex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tal-FSA.

(4)

L- FSA jistipula li prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Albanija jistgħu jiġu impurtati fl-Unjoni b'dazju doganali mnaqqas, sal-limiti tal-kwoti tat-tariffi. Għalhekk hu meħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġestjoni ta' dawk il-kwoti tariffarji.

(5)

Fejn isiru meħtieġa miżuri ta' ħarsien tan-negozju dawn għandhom jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7) jew, jekk jagħti l-każ, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (8).

(6)

Fejn Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta' frodi jew nuqqas ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għandha tapplika, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (9).

(7)

Għall-fini tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar- Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(8)

L-implimentazzjoni tal-klawżoli bilaterali ta' salvagwardja tal- FSA titlob kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja u miżuri oħrajn. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(9)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li japplikaw immedjatament fejn, f'każijiet verament ġustifikati relatati ma' ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi li joriġinaw fis-sens ta-Artikolu 39(4) tal-FSA, jekk raġunijiet imperattivi urġenti jitolbu dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti proċeduri għall-adozzjoni ta' regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti diposizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, minn naħa l-oħra (“FSA”).

Artikolu 2

Konċessjonijiet għall-ħut u l-prodotti tas-sajd

Għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 28(1) tal-FSA, fir-rigward ta' kwoti tariffarji fuq ħut u prodotti tas-sajd, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Tnaqqis tat-Tariffi

1.   Suġġetti għal paragrafu 2, ir-rati tad-dazju preferenzjali għandhom jitnaqqsu sal-ewwel punt deċimali.

2.   Fejn ir-riżultat tal-kalkolu tar-rata ta' dazju preferenzjali skont il-paragrafu 1 huwa wieħed milli ġejjin, ir-rata preferenzjali għandha tiġi kkunsidrata bħala eżenzjoni sħiħa:

(a)

1 % jew anqas fil-każ ta' dazji skont il-valur; jew

(b)

EUR 1 jew anqas għal kull ammont individwali fil-każ ta' dazji speċifiċi.

Artikolu 4

Adattamenti tekniċi

Emendi u adattazzjonijiet tekniċi għad-dispożizzjonijiet adottati skont dan ir-Regolament li jkunu neċessarji wara tibdil fil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u fis-subdiviżjonijiet TARIC jew li joħorġu mill-konklużjoni ta' ftehimiet, protokolli, skambji ta' ittri jew atti oħrajn ġodda jew modifikati bejn l-Unjoni u l-Albanija għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 5

Klawżola ta' salvagwardja ġenerali

Fejn jeħtieġ li l-Unjoni tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 38 tal-FSA, dik il-miżura għandha tiġi adottata f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Artikolu 38 tal-FSA.

Artikolu 6

Klawżola ta' nuqqas

Fejn jeħtieġ li l-Unjoni tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 39 tal-FSA, dik il-miżura għandha tiġi adottata f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi

Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jew kritiċi jinqalgħu fit-tifsira tal-Artikolu 39(4) tal-FSA, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri immedjati kif previst fl-Artikolu 39 tal-tal-FSA.

Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni f'dan ir-rigward fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 9(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Klawżola ta' salvagwardja għal prodotti agrikoli u tas-sajd

1.   Minkejja l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 5 u 6 ta' dan ir-Regolament, fejn l-Unjoni teħtieġ tieħu miżura ta' salvagwardja kif previst fl-Artikolu 38 tal-FSA dwar prodotti agrikoli u tas-sajd, il-Kummissjoni għandha, fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa wara li, fejn applikabbli, tkun għamlet rikors għall-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikolu 38 tal-FSA.

Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwarha:

(a)

fi żmien tliet ijiem ta' ħidma wara li tirċievi t-talba fejn il-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikolu 38 tal-FSA ma tapplikax; jew

(b)

fi żmien tliet ijiem mit-tmiem tal-perjodu ta' tletin jum imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 38(5) tal-FSA fejn tapplika l-proċedura ta' riferiment prevista fl-Artikolu 38 tal-FSA.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bil-miżuri li hi tkun iddeċidiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri bħal dawn f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3), jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 9(4).

Artikolu 9

Proċedura ta' kumitat

1.   Għall-fini tal-Artikoli 2, 4 u 12 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Għall-finijiet tal-Artikoli 5 sa 8 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardja stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar -Regolament (UE) Nru 2015/478. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 10

Dumping u Sussidji

Fil-każ ta' prattika li tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 37(2) tal-FSA, l-introduzzjoni ta' miżuri kontra d-dumping u/jew miżuri li jikkumpensaw għandhom jiġu deċiżi skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u/jew ir-Regolament (KE) Nru 597/2009 rispettivament.

Artikolu 11

Kompetizzjoni

1.   Fil-każ ta' xi prattika li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 71 tal-FSA, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba ta' xi Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk din il-prattika hix kompatibbli mal- FSA.

Il-miżuri previsti fl-Artikolu 71(9) tal-FSA, ser jiġu adottati fil-każi ta' għajnuna skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 597/2009 u f'każi oħrajn skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 207 tat-Trattat.

2.   Fil-każ ta' prattika li twassal għall-applikazzjoni ta' miżuri fuq l-Unjoni mill-Albanija, fuq il-bażi tal-Artikolu 71 tal-FSA, il-Kummissjoni għandha, wara li teżamina l-każ, tiddeċiedi jekk il-prattika hix kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fl-FSA. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċizjonijiet xierqa fuq il-bażi ta' kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 101, 102 u 107 tat-Trattat.

Artikolu 12

Frodi jew nuqqas li tkun provduta kooperazzjoni amministrattiva

Fil-każ fejn il-Kummissjoni, abbażi ta' informazzjoni provduta minn xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha, issib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tal- FSA huma sodisfatti, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien indebitu:

(a)

tinforma lill-Kunsill; u

(b)

tinnotifika lill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bis-sejba tagħha flimkien ma' informazzjoni oġġettiva, u tidħol f'konsultazzjonijiet mal-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Kwalunkwe pubblikazzjoni taħt l-Artikolu 43(5) tal-FSA għandha titwettaq mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 9(3) ta' dan ir-Regolament, li tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kif previst fl-Artikolu 43(4) tal-FSA.

Artikolu 13

Notifika

Il-Kummissjoni, li taġixxi f'isem l-Unjoni, għandha tkun responsabbli għan-notifika lill-Kunsill tal-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni u l-Kumitat tal-Istabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni, kif meħtieġ mill-FSA.

Artikolu 14

Tħassir

Regolament (KE) Nru 1616/2006 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta' Ġunju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2015.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1616/2006 tat-23 ta' Ottubru 2006 dwar ċerti proċeduri sabiex jiġi applikat il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, u sabiex jiġi applikat il-Ftehim Interim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija (ĠU L 300, 31.10.2006, p. 1).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 107, 28.4.2009, p. 166.

(5)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(6)  Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejnhom u l-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji ta' dwana u agrikoltura (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(10)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma' lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1616/2006

(ĠU L 300, 31.10.2006, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 13 biss tal-Anness


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1616/2006

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 8

Artikoli 1 sa 8

Artikolu 8a

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

__

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

__

Anness I

__

Anness II