9.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/879

tat-8 ta' Ġunju 2015

li jimplimenta l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1352/2014 tat-18 ta' Diċembru 2014 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Jemen (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1352/2014.

(2)

Fl-14 ta' April 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2216 (2015), li, fost oħrajn, tiddeżinja żewġ individwi addizzjonali li għandhom jiġu soġġetti għal miżuri restrittivi.

(3)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1352/2014 huwa mibdul bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)   ĠU L 365, 19.12.2014, p. 60.


ANNESS

“ANNESS I

LISTA TA' PERSUNI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

A.   PERSUNI

1.

Abdullah Yahya AL HAKIM (magħruf ukoll bħala: a) Abu Ali al Hakim; b) Abu-Ali al-Hakim; c) Abdallah al-Hakim; d) Abu Ali Alhakim; e) Abdallah al-Mu'ayyad).

Kitba oriġinali:

Image 1

Deżinjazzjoni: It-tieni fil-kmand tal-Grupp Huthi. Indirizz: Dahyan, Sa'dah Governorate, il-Jemen. Data tat-twelid: a) Bejn wieħed u ieħor fl-1985; b) Bejn l-1984 u l-1986. Post tat-twelid: a) Dahyan, il-Jemen; b) Governat ta' Sa'dah, il-Jemen. Ċittadinanza: Jemenit. Informazzjoni oħra: Sess: raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdullah Yahya Al Hakim ġie ddeżinjat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tal-UNSCR 2140 (2014), minħabba li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

Abdullah Yahya Al Hakim kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011, bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

F'Ġunju 2014, Abdullah Yahya Al Hakim skont ir-rapporti kellu laqgħa sabiex jippjana kolp ta' stat kontra l-President tal-Jemen Abdrabuh Mansour Hadi. Al Hakim iltaqa' ma' militari u kmandanti tas-sigurtà, u mexxejja tribali; personaġġi partiġjani ewlenin leali lejn l-ex President tal-Jemen Ali Abdullah Saleh attendew ukoll il-laqgħa, li kienet timmira li tikkoordina sforzi militari biex jieħdu f'idejhom Sana'a, il-belt kapitali tal-Jemen.

F'dikjarazzjoni pubblika fid-29 ta' Awwissu 2014, il-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjara li l-Kunsill ikkundanna l-azzjonijiet tal-forzi kkmandati minn Abdullah Yahya Al Hakim li invadew Amran, il-Jemen, inklużi l-kwartieri ġenerali tal-Brigata tal-Armata tal-Jemen fit-8 ta' Lulju 2014. Al Hakim mexxa l-ħakma vjolenti ta' Lulju 2014 tal-Governorat ta' Amran u kien il-kmandant militari responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-konflitti kurrenti fil-Governorat ta' Amran u f'Hamdan, il-Jemen.

Minn kmieni f'Settembru 2014, Abdullah Yahya Al Hakim baqa' f'Sana'a biex jissorvelja operazzjonijiet ta' ġlied fil-każ li kien jibda l-ġlied. Ir-rwol tiegħu kien li jorganizza operazzjonijiet militari sabiex ikunu jistgħu jwaqqgħu l-Gvern tal-Jemen, u huwa kien ukoll responsabbli biex jiżgura u jikkontrolla r-rotot kollha lejn u barra Sana'a.

2.

Abd Al-Khaliq AL-HUTHI (magħruf ukoll bħala: a) Abd-al-Khaliq al-Huthi; b) Abd-al-Khaliq Badr-al-Din al Huthi; c) 'Abd al-Khaliq Badr al-Din al-Huthi; d) Abu-Yunus).

Kitba oriġinali:

Image 2

Deżinjazzjoni: Kmandant militari Huthi. Data tat-twelid: 1984. Ċittadinanza: Jemenit. Informazzjoni oħra: Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abd al-Khaliq al-Huthi ġie ddeżinjat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tal-UNSCR 2140 (2014), bħala li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

Abd al-Khaliq al-Huthi kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u atti li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

Lejn l-aħħar ta' Ottubru 2013, Abd Al-Khaliq al-Huthi mexxa grupp ta' ġellieda mlibbsin uniformijiet militari tal-Jemen f'attakk fuq postijiet f'Dimaj, il-Jemen. Il-ġlied sussegwenti rriżulta f'diversi mwiet.

Lejn l-aħħar ta' Settembru 2014, numru mhux magħruf ta' ajruplani mhux identifikati allegatament kienu lesti biex jattakkaw faċilitajiet diplomatiċi f'Sana'a, il-Jemen, malli jirċievu ordnijiet minn Abd Al-Khaliq al-Huthi. Fit-30 ta' Awwissu 2014, al-Huthi kkoordina biex iċaqilqu l-armi minn Amran għal kamp ta' protesta f'Sana'a.

3.

Ali Abdullah SALEH (magħruf ukoll bħala: Ali Abdallah Salih).

Kitba oriġinali:

Image 3

Deżinjazzjoni: a) President tal-partit tal-Kungress tal-Poplu Ġenerali tal-Jemen b) l-Eks President tar-Repubblika tal-Jemen. Data tat-twelid: a) 21.3.1945; b) 21.3.1946; c) 21.3.1942; d) 21.3.1947. Post tat-twelid: a) Bayt al-Ahmar, Governat ta' Sana'a, il-Jemen; b) Sana'a, il-Jemen; c) Sana'a, Sanhan, Al-Rib' al-Sharqi. Ċittadinanza: Jemenit. Nru tal-Passaport: 00016161 (Jemen). Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 01010744444. Informazzjoni oħra: Sess: Raġel. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 7.11.2014.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ali Abdullah Saleh ġie ddeżinjat għas-sanzjonijiet fis-7 ta' Novembru 2014 skont il-paragrafi 11 u 15 tar-Riżoluzzjoni 2140 (2014), minħabba li jissodisfa l-kriterji tad-deżinjazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 17 u 18 tar-Riżoluzzjoni.

Ali Abdullah Saleh kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Jemen, bħal atti li jxekklu l-implimentazzjoni tal-ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 bejn il-Gvern tal-Jemen u dawk fl-oppożizzjoni, li jipprevedi transizzjoni paċifika tal-poter fil-Jemen, u atti li jxekklu l-proċess politiku fil-Jemen.

Skont il-Ftehim tat-23 ta' Novembru 2011 appoġġat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, Ali Abdullah Saleh irriżenja minn President tal-Jemen wara aktar minn 30 sena.

Mill-ħarifa tal-2012, Ali Abdullah Saleh ġie rrappurtat li sar wieħed mill-partitarji primarji tal-azzjonijiet vjolenti ta' Huthi fit-Tramuntana tal-Jemen.

Ġlied fin-Nofsinhar tal-Jemen fi Frar 2013 kien ir-riżultat ta' forzi magħquda ta' Saleh, l-AQAP u s-seċessjonista tan-Nofsinhar Ali Salim al-Bayd sabiex jaqilgħu l-inkwiet qabel il-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali fil-Jemen tat-18 ta' Marzu 2013. Aktar reċenti, f'Settembru 2014, Saleh kien qed jiddestabbilizza l-Jemen billi juża persuni oħrajn biex jimminaw lill-gvern ċentrali u joħolqu biżżejjed instabbiltà biex jheddu b'kolp ta' stat. Skont rapport ta' Settembru 2014 minn Bord ta' Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, interlokuturi allegaw li Saleh jappoġġa azzjonijiet vjolenti ta' xi Jemeniti billi jipprovdilhom fondi u appoġġ politiku, kif ukoll billi jiżgura li l-Membri tal-GPC jibqgħu jikkontribwixxu għad-destabbilizzazzjoni tal-Jemen permezz ta' diversi mezzi.

4.

Abdulmalik al-Houthi

Informazzjoni oħra: Mexxej tal-Moviment Houthi tal-Jemen. Kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Jemen. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 14.4.2015.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdul Malik al-Houthi huwa mexxej ta' grupp li kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Jemen.

F'Settembru 2014, il-forzi Houthi ħatfu Sanaa u f'Jannar 2015 ippruvaw b'mod unilaterali jibdlu l-gvern leġittimu tal-Jemen b'awtorità governattiva illeġittima li l-Houthis iddominaw. Al-Houthi ħa t-tmexxija tal-moviment Houthi tal-Jemen fl-2004 wara l-mewt ta' ħuħ, Hussein Badredden al-Houthi. Bħala l-mexxej tal-grupp, al-Houthi hedded kemm-il darba lill-awtoritajiet tal-Jemen b'aktar rewwixti jekk ma jwiġbux it-talbiet tiegħu u żamm arrestat lill-President Hadi, il-Prim Ministru, u membri ewlenin tal-kabinett. Hadi eventwalment ħarab lejn Aden. Il-Houthis imbagħad nedew attakk ieħor fuq Aden bl-għajnuna tal-unitajiet militari leali lejn l-eks president Saleh u ibnu, Ahmed Ali Saleh.

5.

Ahmed Ali Abdullah SALEH

Informazzjoni oħra: Qeda rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-espansjoni militari tal-Houthi. Kien involut f'atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Jemen. Ahmed Saleh huwa iben l-eks President tar-Repubblika tal-Jemen, Ali Abdullah Saleh. Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 14.4.2015.

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar ipprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Ahmed Ali Saleh ilu jaħdem biex jimmina l-awtorità tal-President Hadi, ixekkel it-tentattivi ta' Hadi li jirriforma l-militar, u jtellef it-transizzjoni paċifika tal-Jemen għad-demokrazija. Saleh qeda rwol importanti fil-faċilitazzjoni tal-espansjoni militari tal-Houthi. Sa minn nofs Frar 2013, Ahmed Ali Saleh kien ta eluf ta' azzarini ġodda lill-brigati tal-Gwardja Repubblikana u shaykhs tribali mhux identifikati. L-armi oriġinarjament ġew akkwistati fl-2010 u miżmuma biex tinxtara l-lealtà ta' min jirċevihom għal gwadann politiku aktar 'il quddiem.

Wara li missier Saleh, l-eks President tar-Repubblika tal-Jemen Ali Abdullah Saleh, irreżenja minn President tal-Jemen fl-2011, Ahmed Ali Saleh żamm postu bħala kmandant tal-Gwardja Repubblikana tal-Jemen. Ftit aktar minn sena wara, Saleh kien tkeċċa mill-President Hadi iżda żamm influwenza sinifikanti fil-militar tal-Jemen, anke wara li tneħħa mill-kmand. Ali Abdullah Saleh ġie ddeżinjat min-NU skont il-UNSCR 2140 f'Novembru 2014.”