19.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/33 |
REGOLAMENT (UE) 2015/755 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta' April 2015
dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi
(tfassil mill-ġdid)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 (3) ġie mibdul b'mod sostanzjali (4). Peress li jridu jsiru iżjed emendi, dak ir-Regolament għandu jiġi mfassal mill-ġdid għal iktar ċarezza. |
(2) |
Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi. |
(3) |
Uniformità fir-regoli għall-importazzjonijiet għandha tiġi żgurata billi jiġu previsti, safejn possibbli meta wieħed iqis il-fatturi partikolari tas-sistema ekonomika fil-pajjiżi terzi in kwistjoni, dispożizzjonijiet simili għal dawk applikati taħt ir-regoli komuni għal pajjiżi terzi oħra. |
(4) |
Ir-regoli komuni applikabbli għall-importazzjonijiet japplikaw ukoll għall-prodotti tal-faħam u l-azzar, mingħajr preġudizzju għal kull miżura li timplimenta ftehim li għandu x'jaqsam speċifikament ma' prodotti bħal dawn. |
(5) |
Il-liberalizzazzjoni tal-importazzjonijiet, jiġifieri l-assenza ta' kull restrizzjoni kwantitattiva, għandha għalhekk tifforma l-punt tat-tluq għar-regoli tal-Unjoni. |
(6) |
Fil-każ ta' uħud mill-prodotti, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kundizzjonijiet tal-importazzjonijiet, ix-xejriet ta' importazzjoni, l-aspetti varji tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali, u l-miżuri, jekk hemm, li jkollhom jittieħdu. |
(7) |
Għal dawk il-prodotti, jista' jidher li għandu jkun hemm sorveljanza mill-Unjoni fuq xi wħud minn dawn l-importazzjonijiet. |
(8) |
Għandhom ikunu l-Kummissjoni u l-Kunsill li jadottaw il-miżuri ta' salvagwardja meħtieġa mill-interessi tal-Unjoni b'ħarsien xieraq tal-obbligi internazzjonali eżistenti. |
(9) |
Il-miżuri ta'sorveljanza jew salvagwardja limitati għal reġjun jew aktar tal-Unjoni jistgħu jirriżultaw aktar adattati minn miżuri li japplikaw għall-Unjoni kollha. Madanakollu, miżuri bħal dawn għandhom ikunu awtorizzati biss eċċezzjonalment u meta m'hemmx alternattiva. Hu neċessarju li jkun żgurat li miżuri bħal dawn huma temporanji u jikkawżaw l-inqas tfixkil fl-operat tas-suq intern. |
(10) |
Jekk tiġi applikata s-sorveljanza tal-Unjoni, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti konċernati għandha ssir soġġetta għall-preżentazzjoni ta' dokument ta' sorveljanza li jissodisfa kriterji uniformi. Dak id-dokument għandu, wara applikazzjoni sempliċi mill-importatur, ikun maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f'ċertu perjodu ta' żmien iżda mingħajr ma b'hekk l-importatur jikseb id-dritt li jimporta. Id-dokument ta' sorveljanza għandu għalhekk ikun validu biss matul dak il-perjodu fejn ir-regoli tal-importazzjoni jibqgħu mhux mibdula. |
(11) |
Fl-interess ta' ġestjoni amministrattiva tajba u sabiex jiġu assistiti l-operaturi tal-Unjoni, il-kontenut u t-taqsim tad-dokument ta' sorveljanza ghandu jkun, sa fejn hu possibli, allinjat mal-formoli tal-liċenzja għall-importazzjoni komuni ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 738/94 (5); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 (6); u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3169/94 (7) filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tekniċi tad-dokument ta' sorveljanza. |
(12) |
Huwa fl-interessi tal-Unjoni li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu użu kemm hu possibbli ta' tibdil ta' informazzjoni li tirriżulta minn sorveljanza tal-Unjoni. |
(13) |
Hu neċessarju li jkunu adottati kriterji preċiżi biex issir stima tad-dannu possibbli u li tintroduċi investigazzjoni filwaqt li tħalli lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri xierqa f'każijiet urgenti. |
(14) |
Għal dak il-għan, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ ta' investigazzjonijiet, dwar il-verifika u l-ispezzjonijiet meħtieġa, dwar is-smigħ ta' dawk konċernati, it-trattament ta' informazzjoni miksuba u l-kriterji biex issir stima tal-ħsara. |
(15) |
Id-dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet jiġu previsti b'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jikkonċernaw is-segretezza professjonali. |
(16) |
Huwa meħtieġ ukoll li jsiru limiti ta' żmien għall-bidu ta' investigazzjonijiet u għad-determinazzjonijiet dwar jekk xi miżuri humiex xierqa jew le, bil-għan li jiġi żgurat li dawn id-determinazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi konċernati. |
(17) |
Fl-interessi tal-uniformità fir-regoli dwar l-importazzjonijiet, il-formalitajiet li għandhom jitwettqu mill-importaturi għandhom ikunu sempliċi u identiċi irrespettivament mill-post fejn il-merkanzija tgħaddi mid-dwana. Għalhekk huwa mixtieq li jiġi previst li kull formalità għandha tiġi mwettqa bl-użu ta' formoli li jikkorrispondu mal-kampjun anness ma' dan ir-Regolament. |
(18) |
Dokumenti ta' sorveljanza maħruġa fir-rigward ta' miżuri ta' sorveljanza mill-Unjoni għandhom ikunu validi mal-Unjoni kollha irrispettivament mill-Istati Membri minn fejn ikunu nħarġu. |
(19) |
Il-prodotti tat-tessuti li jaqgħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 (8), huma soġġetti għal trattament speċifiku f'livelli ta' Unjoni u dawk internazzjonali. Huma għandhom għalhekk ikunu għal kollox esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(20) |
Is-setgħa li tiġi emendata l-lista ta' pajjiżi terzi fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 625/2009 kienet inkluża fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 427/2003 (9). Peress li d-dispożizzjonijiet tat-Titlu I tar-Regolament (KE) Nru 427/2003 dwar il-mekkaniżmu tranżitorju ta' salvagwardja speċifiku għall-prodott temmew fl-11 ta' Diċembru 2013 u peress li d-dispożizzjonijiet tat-Titlu II ta' dak ir-Regolament m'għadx fihom użu, huwa xieraq, għal iktar koerenza, ċarezza u razzjonalità, li l-Artikoli 14a u 14b ta' dak ir-Regolament jiġu mdaħħla f'dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 427/2003 għandu għalhekk jiġi mħassar. |
(21) |
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għall-għan li temenda l-Anness I ta' dan ir-Regolament., sabiex jitneħħew pajjiżi mil-lista tal-pajjiżi terzi li tinsab f'dak l-Anness meta jsiru membri tal-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ (WTO). |
(22) |
L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jirrikjedi kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja provviżorji u definittivi, u għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza minn qabel. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
(23) |
Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza u dawk provviżorji minħabba l-effetti ta' tali miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja definittivi. Fejn dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa huwa meħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta miżuri provviżorji applikabbli immedjatament. |
(24) |
Waqt l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 625/2009, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(2) kien imħassar bi żball. Dik id-dispożizzjoni għandha terġà tidħol. |
(25) |
Peress li l-Armenja, ir-Russja, it-Taġikistan u l-Vjetnam saru membri tad-WTO, dawk il-pajjiżi terzi għandhom jiġu mħassra mill-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 625/2009 permezz ta' att delegat tal-Kummissjoni. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, huma mhumiex inklużi fil-lista tal-pajjiżi terzi li issa tinsab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
PRINĊIPJI ĠENERALI
Artikolu 1
1. Dan ir-Regolament japplika għall-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi msemmija fl-Anness I, ħlief għal xi prodotti tat-tessuti koperti bir-Regolament (KE) Nru 517/94.
2. Importazzjonijiet fil-Komunità tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom isseħħu bla xkiel u għalhekk m'għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni kwantitattiva, mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' salvagwardja li jistgħu jittieħdu taħt il-Kapitolu V.
KAPITOLU II
PROĊEDURA TA' INFORMAZZJONI U KONSULTAZZJONI TAL-UNJONI
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tkun informata mill-Istati Membri jekk xejriet fl-importazzjonijiet jidhru li jitolbu għal miżuri ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-provi disponibbli fuq il-bażi ta' kriterji mniżżlin fl-Artikolu 6. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha mingħajr dewmien.
KAPITOLU III
PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI TAL-UNJONI
Artikolu 3
1. Fejn ikun jidher lill-Kummissjoni li hemm evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mingħand Stat Membru u tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-avviż għandu:
(a) |
tagħti sunt tal-informazzjoni riċevuta, u titlob li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni; |
(b) |
tiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu informazzjoni, jekk dawn il-fehmiet u l-informazzjoni għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni; |
(c) |
tiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħin verbalment mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4. |
Il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni, waqt li taġixxi f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-informazzjoni normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha l-informazzjoni tkun ingħatat lill-Kummissjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tfittex kull informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa u, fejn tqis li jkun xieraq, hija għandha tagħmel ħilitha biex tivverifika dik l-informazzjoni mal-importaturi, il-kummerċjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u l-organizzazzjonijiet.
Il-Kummissjoni għandha tkun assistita f'din il-ħidma minn persunal tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom ikunu qed jitwettqu dawk il-verifiki, jekk dak l-Istat Membru jkun jixtieq hekk.
Partijiet interessati li jkunu għamlu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom skont l-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 1, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jispezzjonaw l-informazzjoni kollha pprovduta għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-investigazzjoni, kif distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha sakemm tkun rilevanti għad-difiża tal-interessi tagħhom u mhux kunfidenzjali fit-tifsira tal-Artikolu 5 u li tkun użata mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Għal dak il-għan, huma għandhom jindirizzaw talba bil-miktub lill-Kummissjoni li tindika l-informazzjoni meħtieġa.
3. L-Istati Membri għandhom jissupplixxu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha u wara proċeduri preskritti minnha, bl-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom dwar żviluppi fis-suq tal-prodott li jkun qed jiġi investigat.
4. Il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati. It-tali partijiet għandhom ikunu mismugħin fejn ikunu applikaw bil-miktub fil-perjodu stabbilit fin-notifika ippublikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi juru li huma attwalment x'aktarx ser ikunu affettwati mill-eżitu tal-investigazzjonijiet u li hemm raġunijiet partikolari għalihom li jiġu mismugħin verbalment.
5. Meta informazzjoni ma tkunx ipprovduta fil-limiti ta' żmien stabbiliti minn dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, jew l-investigazzjoni hija b'mod sinifikanti mxekkla, l-eżitu tal-istħarriġ jista' jkun ibbażat fuq il-fatti disponibbli. Meta il-Kummissjoni ssib li kwalunkwe parti interessata jew terza persuna tkun fornietha b'informazzjoni falza jew qarrieqa, hija għandha tinjora dik l-informazzjoni u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.
6. Fejn jidher lill-Kummissjoni li ma hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-investigazzjoni, hija għandha tinforma lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri.
Artikolu 4
1. Fi tmiem l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport dwar ir-riżultat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) (“il-Kumitat”).
2. Fejn il-Kummissjoni tqis, fi żmien disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni, li ma hemm bżonn tal-ebda miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja tal-Unjoni, l-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien xahar. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2). Deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni, waqt li tiddikjara l-konklużjonijiet ewlenin tal-investigazzjoni u sunt tar-raġunijiet għal dan, għandha tkun pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li miżuri ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja tal-Unjoni huma neċessarji, hija għandha tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji skont il-Kapitoli IV u V, mhux aktar tard minn disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, dak il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu massimu ieħor ta' xahrejn. Il-Kummissjoni għandha mbagħad tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi fiha t-tul ta' żmien tal-estensjoni u sunt tar-raġuniijiet għal dan.
4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx jipprekludu t-teħid, f'kull żmien, ta' miżuri ta' sorveljanza skont l-Artikolu 7 sa 12 jew, f'sitwazzjoni kritika, fejn kull dewmien jista' jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jiġi rimedjat, jirrikjedi intervent immedjat, b'miżuri ta' salvagwardja skont l-Artikolu 13, 14 u 15.
Il-Kummissjoni għandha minnufih tieħu l-miżuri ta' investigazzjoni li tikkunsidra li għadhom meħtieġa. Ir-riżultati tal-investigazzjoni għandhom ikunu użati biex isir eżami mill-ġdid tal-miżuri meħuda.
Artikolu 5
1. Informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tkun użata biss għall-għan li għalih tkun saret it-talba.
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni ta' natura kunfidenzjali li tkun waslitilhom skont dan ir-Regolament, jew l-ebda informazzjoni pprovduta fuq bażi kunfidenzjali, mingħajr permess speċifiku mill-fornitur ta' informazzjoni bħal din.
3. Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tiddikjara r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni hi kunfidenzjali.
Madankolu, jekk jidher li talba għal kunfidenzjalità m'hijiex ġustifikata u jekk il-fornitur tal-informazzjoni la jixtieq li jagħmilha pubblika lanqas li jawtorizza l-iżvelar b'mod ġenerali jew fil-forma ta' sunt, l-informazzjoni kkonċernata tista' titwarrab.
4. L-informazzjoni għandha tkun f'kull każ ikkunsidrata bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tagħha x'aktarx ikollu effett ħażin sinifikanti fuq il-fornitur jew fuq is-sors ta' din l-informazzjoni.
5. Il-paragrafi 1 sa 4 m'għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal informazzjoni ġenerali u partikolarment għal raġunijiet li fuqhom huma ibbażati deċiżjonijiet meħuda b'mod konformi ma' dan ir-Regolament. Dawn l-awtoritajiet għandhom, iżda, iqisu l-interessi leġittimi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi konċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom m'għandhomx ikunu żvelati.
Artikolu 6
1. L-eżami tax-xejra fl-importazzjonijiet, tal-kondizzjonijiet li fihom iseħħu u tal-ħsara serja jew theddida ta' ħsara serja lill-produtturi tal-Unjoni li jirriżultaw mit-tali importazzjonijiet, għandu jkopri partikolarment il-fatturi li ġejjin:
(a) |
il-volum tal-importazzjonijiet, partikolarment fejn kien hemm żieda sinifikanti, skont termini assoluti jew relatati ma' produzzjoni jew konsum fil-Unjoni; |
(b) |
il-prezz tal-importazzjonijiet, partikolarment fejn kien hemm bejgħ bi prezz sostanzjalment aktar baxx kif mqabbel mal-prezz ta' prodott simili fl-Unjoni; |
(c) |
l-impatt konsegwenti fuq il-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew direttament kompetittivi kif indikat mix-xejriet f'ċerti fatturi ekonomiċi bħal:
|
2. Waqt li qed tmexxi l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis is-sistema ekonomika partikolari tal-pajjiżi msemmija fl-Anness I.
3. Meta theddida ta' dannu serju hija allegata, il-Kummissjoni għandha wkoll teżamina jekk hux prevedibbli li sitwazzjoni partikolari x'aktarx tiżviluppa f'dannu attwali. F'dan ir-rigward għandhom jitqiesu fatturi bħal:
(a) |
ir-rata ta' żieda tal-merkanzija esportata lejn l-Unjoni; |
(b) |
il-kapaċità ta' esportazzjoni fil-pajjiż ta' origini jew esportazzjoni, li hi diġa eżistenti jew li ser tkun operattiva fil-futur qrib u l-probabbiltà li l-esportazzjoni li tirriżulta tkun lejn l-Unjoni. |
KAPITOLU IV
SORVELJANZA
Artikolu 7
1. Meta l-interessi tal-Komunità hekk jeħtieġu, il-Kummissjoni tista', fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:
(a) |
tiddeċiedi li tintroduċi sorveljanza retrospettiva tal-Unjoni dwar ċerti importazzjonijiet, skont il-proċedura stabbilita mill-Kummissjoni; |
(b) |
tiddeċiedi, għall-għanijiet ta' monitoraġġ tax-xejra ta' dawn l-importazzjonijiet, biex tagħmel ċerti importazzjonijiet soġġetti għal sorveljanza preċedenti mill-Unjoni, skont l-Artikolu 8. |
2. Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2).
3. Il-miżuri ta' sorveljanza għandu jkollhom perjodu limitat ta' validità. Sakemm mhux stipulat mod ieħor, dawn għandhom jieqfu milli jkunu validi fit-tmiem tat-tieni perjodu ta' sitt xhur wara s-sitt xhur li fihom il-miżuri ġew introdotti.
Artikolu 8
1. Il-prodotti li kienu taħt is-sorveljanza preċedenti tal-Unjoni jistgħu jiddaħħlu f'ċirkolazzjoni ħielsa biss meta jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dak id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istati Membri, mingħajr ebda ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol wara li l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi l-applikazzjoni minn kwalunkwe importatur tal-Unjoni, irrespettivament mill-post tan-negozju tiegħu fl-Unjoni. Dik l-applikazzjoni titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol minn meta tkun preżentata, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.
2. Id-dokument ta' sorveljanza għandu jkun magħmul fuq formola li tikkorrispondi għall-mudell fl-Anness II.
Ħlief fejn id-deċiżjoni li tiġi imposta sorveljanza ma tipprovdix il-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-importatur għal dokument ta' sorveljanza għandha tinkludi li ġej:
(a) |
l-isem sħiħ u l-indirizz tal-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax u kull numru ieħor li jidentifika l-applikant mal-awtorità nazzjonali kompetenti), kif ukoll in-numru ta' reġistrazzjoni tal-VAT tal-applikant jekk hu obbligat li jħallas il-VAT; |
(b) |
fejn hu xieraq, l-isem sħiħ u l-indirizz ta' min jagħmel id-dikjarazzjoni jew ta' xi rappreżentant maħtur mill-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax); |
(c) |
deskrizzjoni tal-merkanzija li tagħti:
|
(d) |
il-kwantità ddikjarata, f'kilogrammi u, fejn xieraq, kull unità addizzjonali oħra (pari, oġġetti, eċċ.); |
(e) |
il-valur tal-merkanzija, CIF mal-fruntiera tal-Unjoni, f'euro; |
(f) |
id-dikjarazzjoni li ġejja, datata u ffirmata mill-applikant, bl-isem tal-applikant imniżżel b'ittri kbar: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-informazzjoni mogħtija f'din l-applikazzjoni hija vera u mogħtija in bona fide, u li jiena stabbilit fl-Unjoni.” |
3. Id-dokument ta' sorveljanza għandu jkun validu għall-Unjoni kollha, irrespettivament minn liema Stat Membru jkun ħareġ.
4. Jekk jinstab li l-prezz tal-unità li bih tranżazzjoni tkun effettwata jeċċedi dak indikat fid-dokument ta' sorveljanza b'inqas minn 5 %, jew li l-valur totali jew il-kwantità tal-prodotti preżenti għall-importazzjonijiet jeċċedu l-valur jew kwantità mogħtija fid-dokument ta' sorveljanza b'inqas minn 5 %, dan m'għandux jipprekludi r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodott partikolari. Il-Kummissjoni, wara li tkun semgħet l-opinjoni espressa fil-Kumitat u wara li tkun qieset in-natura tal-prodotti u fatturi speċjali oħra tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, tista' tiffissa persentaġġ differenti, li, madankollu, m'għandux normalment jeċċedi l-10 %.
5. Dokumenti ta' sorveljanza jistgħu jintużaw biss għaż-żmien li fih arranġamenti għal-liberalizzazzjoni ta' importazzjonijiet jibqgħu fis-seħħ għat-tranżazzjonijiet konċernati. Tali dokumenti ta' sorveljanza ma jistgħu fl-ebda okkażjoni jkunu użati lil hinn minn meta jagħlaq iż-żmien tal-perjodu li għandu jitniżżel fl-istess żmien u permezz tal-istess proċedura tal-impożizzjoni ta' sorveljanza, u għandhom iqisu n-natura tal-prodotti u fatturi speċjali oħra tat-tranżazzjonijiet.
6. Meta deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 7 hekk teħtieġ, l-oriġini ta' prodotti taħt sorveljanza tal-Unjoni għandhom jiġu ppruvati b'ċertifikat ta' oriġini. Dan il-paragrafu m'għandux jippreġudika dispożizzjonijiet oħrajn li jirrigwardaw il-produzzjoni tat-tali ċertifikat.
7. Meta l-prodott taħt sorveljanza preċedenti tal-Unjoni hu suġġett għall-miżuri ta' salvagwardja reġjonali f'xi Stat Membru, l-awtorizzazzjoni ta' importazzjonijiet mogħtija minn dak l-Istat Membru tista' tissostitiwixxi d-dokument ta' sorveljanza.
8. Il-formoli tad-dokument ta' sorveljanza u l-estratti tiegħu għandhom jimtlew darbtejn, kopja waħda, immarkata “Kopja tad-detentur” u li ġġib in-numru 1, li għandha tinħareġ lill-applikant, u l-oħra, “Kopja għall-awtorità kompetenti” u li ġġib in-numru 2, trid tinżamm mill-awtorità li toħroġ id-dokument. Għal għanijiet amministrattivi, l-awtorità kompetenti tista' żżid kopji supplimentari mal-formula 2.
9. Il-formoli għandhom jkunu stampati fuq karta bajda li m'għandhiex ikollha polpa mekkanika, u li tkun maħsuba għall-kitba u li tkun tiżen bejn 55 u 65 grammi kull metru kwadru. Il-qies tagħhom għandu jkun ta' 210 × 297 mm. It-tip ta' spazju bejn il-linji għandu jkun 4,24 mm (wieħed minn sitta ta' pulzier). Dak li hu mniżżel fil-formoli għandu jiġi segwit b'mod preċiż. Iż-żewġ naħat tal-kopja Nru 1, li hu d-dokument ta' sorveljanza nnifsu, għandu jkollhom ukoll sfond ta' disinn arabesk isfar stampat sabiex jiżvela kull falsifikazzjoni b' mezzi mekkaniċi jew kimiċi.
10. L-Istati Membri huma responsabbli għall-istampar tal-formoli. Il-formoli jistgħu wkoll jiġu stampati minn stampaturi maħtura mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. F'dan l-aħħar każ, għandha tidher referenza għall-ħatra mill-Istat Membru fuq kull formola. Kull formola għandu jkollha indikazzjoni tal-isem u l-indirizz tal-istampatur jew marka li tidentifika l-istampatur.
Artikolu 9
Meta l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu, il-Kummissjoni tista', fuq it-talba ta' xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, jekk is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) x'aktarx tinħoloq:
— |
tillimita l-perjodu ta' validità ta' kull dokument ta' sorveljanza meħtieġ, |
— |
il-ħruġ ta' dak id-dokument għandu jkun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u, bħala miżura eċċezzjonali, soġġett għall-inklużjoni ta' klawżola dwar it-tħassir. |
Artikolu 10
Fejn l-importazzjoni ta' prodott ma tkunx ġiet soġġetta għal sorveljanza minn qabel tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tintroduċi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2) u f'konformità mal-Artikolu 15, sorveljanza ristretta għall-importazzjonijiet f'reġjun wieħed tal-Unjoni jew iktar.
Artikolu 11
1. Prodotti taħt sorveljanza reġjonali jistgħu jitpoġġew f'ċirkolazzjoni ħielsa fir-reġjun ikkonċernat biss ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Tali dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat(i) Membru/i konċernat(i), mingħajr ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità kompetenti nazzjonali tirċievi applikazzjoni minn xi impurtatur tal-Unjoni, irrispettivament mill-post tan-negozju tiegħu fl-Unjoni. Dik l-applikazzjoni għandha titqies li tkun waslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara s-sottomissjoni, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju. Id-dokumenti ta' sorveljanza jistgħu jintużaw biss sakemm l-arranġamenti għal-liberalizzazzjoni ta' importazzjoni jibqgħu fis-seħħ fil-każ tat-tranżazzjonijiet konċernati.
2. L-Artikolu 8(2) għandu japplika.
Artikolu 12
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien l-ewwel għaxart ijiem ta' kull xahar fil-każ ta' sorveljanza tal-Unjoni jew reġjonali:
(a) |
fil-każ ta' sorveljanza preċedenti, dettalji tas-somom ta' flus (kalkulati fuq il-bażi ta' prezzijiet CIF) u kwantitajiet ta' merkanzija li dwarhom nħarġu dokumenti ta' sorveljanza matul il-perjodu preċedenti; |
(b) |
f'kull każ, dettalji ta' importazzjonijiet matul il-perjodu qabel il-perjodu msemmi fil-punt (a). |
L-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri għandha tiġi analizzata skont il-prodott u l-pajjiż.
Dispożizzjonijiet differenti jistgħu jitniżżlu fl-istess żmien u bl-istess proċedura bħal tal-arranġamenti ta' sorveljanza.
2. Meta n-natura tal-prodott jew ċirkostanzi speċjali hekk jirrikjedu, il-Kummisjoni tista', fuq talba ta' xi Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha temenda l-iskedi biex tiġi sottomessa din l-informazzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri.
KAPITOLU V
MIŻURI TA' SALVAGWARDJA
Artikolu 13
1. Meta prodott huwa importat fl-Unjoni fi kwantitajiet sostanzjalment miżjuda jew skont termini jew kundizzjonijiet tali li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni, sabiex tħares l-interessi tal-Unjoni, tista', filwaqt li taġixxi fuq talba ta' xi Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, tibdel ir-regoli tal-importazzjoni għal dak il-prodott billi tipprovdi li dan ikun jista' jitqiegħed f'ċirkolazzjoni ħielsa biss fuq preżentazzjoni ta' awtorizzazzjoni ta' importazzjoni, li l-għoti tagħha għandu jkun irregolat b'dawk id-dispożizzjonijiet u soġġett għal tali limiti kif il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi.
2. Il-miżuri adottati għandhom ikunu komunikati minnufih lill-Istati Membri, u għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.
3. Il-miżuri msemmija f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jiġi mqiegħed f'ċirkolazzjoni ħielsa wara d-dħul tagħhom fis-seħħ. Skont l-Artikolu 15 huma għandhom jgħoddu għal reġjun wieħed jew aktar tal-Unjoni.
Madankollu, miżuri bħal dawn m'għandhomx jipprevjenu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa ta' prodotti li jkunu diġa fi triqithom lejn l-Unjoni sakemm id-destinazzjoni ta' tali prodotti ma tistax tiġi mibdula u li dawk il-prodotti li, taħt l-Artikolu 8 u 11, jistgħu jitqiegħdu f'ċirkolazzjoni ħielsa biss fuq preżentazzjoni ta' dokument ta' sorveljanza huma fil-fatt akkumpanjati minn dokument bħal dan.
4. Fejn l-intervent mill-Kummissjoni jintalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(3), jew, f'każijiet ta' urġenza, skont l-Artikolu 22(4), għandha tieħu deċiżjoni f'perjodu ta' żmien ta' mhux aktar minn ħamest ijiem tax-xogħol mid-data meta tirċievi talba bħal din.
Artikolu 14
1. Il-Kummissjoni tista', b'mod partikolari fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) tadotta l-miżuri ta' salvagwardja xierqa filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).
2. L-Artikolu 13(3) għandu japplika.
Artikolu 15
Meta partikolarment abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6, joħroġ li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-adozzjoni ta' miżuri taħt il-Kapitolu IV u l-Artikolu 13 huma sodisfatti f'xi reġjun wieħed jew aktar tal-Unjoni, il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat soluzzjonijiet alternattivi, tista' eċċezzjonalment tawtorizza l-applikazzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja limitati għar-reġjun(i) konċernat(i) jekk hi tikkunsidra li t-tali miżuri applikati f'dak il-livell huma aktar xierqa minn miżuri applikati mal-Unjoni kollha.
Dawk il-miżuri għandhom ikunu temporanji u għandhom ixekklu l-operazzjoni tas-suq intern mill-inqas possibbli.
Dawk il-miżuri għandhom ikunu adottati skont il-proċeduri mniżżla fl-Artikolu 7 u 13 rispettivament.
Artikolu 16
1. Filwaqt li tkun fis-seħħ kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja applikata f'konformità mal-Kapitoli IV u V, il-Kummissjoni tista', jew fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:
(a) |
teżamina l-effetti tal-miżura; |
(b) |
taċċerta jekk l-applikazzjoni tal-miżura għadhiex neċessarja. |
Fejn il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta' miżura tkun għadha meħtieġa hija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.
2. Fejn il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja msemmija fil-Kapitoli IV u V għandha titħassar jew tiġi emendata, hija għandha, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(3), tħassar jew temenda l-miżura.
Meta tali deċiżjoni tikkonċerna miżuri reġjonali ta' sorveljanza, hi għandha tapplika mis-sitt jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
1. Dan ir-Regolament m'għandux jipprekludi t-twettiq ta' obbligazzjonijiet li joħorġu minn regoli speċjali li jkunu jinsabu fi ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament m'għandux jipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta':
(a) |
projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri ta' sorveljanza fuq bażi ta' moralità pubblika, ordni pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta' persuni, annimali jew pjanti, il-protezzjoni ta' teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-protezzjoni ta' proprjetà industrijali u kummerċjali; |
(b) |
formalitajiet speċjali li jirrigwardaw il-kambju barrani; |
(c) |
formalitajiet introdotti bis-saħħa ta' ftehim internazzjonali skont it-TFUE. |
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri jew formalitajiet li ser ikunu introdotti jew emendati skont l-ewwel subparagrafu.
Fil-każ ta' urġenza estrema, il-miżuri jew formalitajiet nazzjonali in kwistjoni għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni immedjatament kif isseħħ l-adozzjoni tagħhom.
Artikolu 18
Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (11).
Artikolu 19
1. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-operazzjonijiet tal-istrumenti li jistabilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew tal-Unjoni jew ta' dispozizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jkunu ġejjin minnhom jew tal-istrumenti speċifiċi adottati taħt l-Artikolu 352 tat-TFUE applikabbli għal merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli. Dan għandu jitħaddem b'mod kumplementari għal dawk l-istrumenti.
2. Fil-każ ta' prodotti koperti mill-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 7 sa 12 u l-Artikolu 16 m'għandhomx japplikaw għal dawk li dwarhom ir-regoli tal-Unjoni dwar kummerċ ma' pajjiżi terzi jeħtieġu l-produzzjoni ta' liċenzja jew dokument ieħor ta' importazzjoni.
L-Artikoli 13, 15 u 16 m'għandhomx japplikaw għal dawk il-prodotti li dwarhom tali regoli jipprovdu għall-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet ta' importazzjonijiet kwantitattivi.
Artikolu 20
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 21 dwar l-emendi tal-Anness I, sabiex jitneħħew mil-lista tal-pajjiżi terzi l-pajjiżi li jinsabu f'dan l-Anness meta dawn isiru membri tal-WTO.
Artikolu 21
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati tingħata lill-Kummissjoni bil-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin minn 20 ta' Frar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att iddelegat li huwa diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li huma ma jkunux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 22
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 23
Ir-Regolamenti (KE) Nru 427/2003 u (KE) Nru 625/2009 huma mħassra.
Referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.
Artikolu 24
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara dak ta l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA
(1) Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 185, 17.7.2009, p. 1).
(4) Ara Anness III.
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 738/94 tat-30 ta' Marzu 1994 li jagħmel ċerti regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/94 li jistabbilixxi proċedura tal-Komunità ħalli jkunu amministrati kwoti kwantitattivi (ĠU L 87, 31.3.1994, p. 47).
(6) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3168/94 tal-21 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi fil-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi mhux koperti bi ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra jew b'regoli ta' importazzjoni speċifiċi tal-Komunità liċenzja ta' importazzjoni tal-Komunità (ĠU L 335, 23.12.1994, p. 23).
(7) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3169/94 tal-21 ta' Diċembru 1994 li jemenda l-Anness III għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3030/93 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tat-tessuti minn pajjiżi terzi u li jistabbilixxi liċenzja ta' importazzjonijiet Komunitarja fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (ĠU L 335, 23.12.1994, p. 33).
(8) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta' prodotti tessili minn għadd ta' pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, Protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli ta' importazzjoni speċifiċi oħra tal-Komunità (ĠU L 67, 10.3.1994, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 427/2003 tat-3 ta' Marzu 2003 dwar mekkaniżmu tranżitorju ta' salvagwardja għal prodotti partikolari għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 519/94 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 65, 8.3.2003, p. 1).
(10) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(11) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).
(12) Regolament (UE) 2015/478 tal-11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
ANNESS I
Lista ta' pajjiżi terzi
|
L-Ażerbajġan |
|
Il-Belarus |
|
Il-Każakastan |
|
Il-Korea ta' Fuq |
|
It-Turkmenistan |
|
L-Użbekistan |
ANNESS II
Test ta 'immaġni
UNJONI EWROPEA
DOKUMENT TA’ SORVELJANZA
1
1. Destinatarju
(isem, indirizz komplut, pajjiż, numru tal-VAT)
2. Numru tal-hruġ
Kopja tad-detentur
3. Post propost u data tal-importazzjoni
4. Awtorità responsabbli ghall-ħruġ
5. Dikjarant/rappreżentant kif applikabbli
(isem, indirizz komplut)
6. Pajjiż tal-oriġini
(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)
7. Pajjiż tal-kunsinna
(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)
8. L-aħħar ġurnata ta’validità
1
9. Deskrizzjoni tal-merkanzija
10. Kodiċi NM u kategorija
11. Kwantità f’kilogrammi (mhux massa) jew f’unitajiet addizzjonali
12. Valuri f’euros, CIF fil-fruntiera tal-Unjoni
13. Kummenti addizzjonali
14. Firma tal-awtorità kompetenti
Data:
Firma:
(Timbru)
Test ta 'immaġni
15. ATTRIBUZZJONIJIET
Indika l-kwantità li hemm fil-parti 1 tal-kolonna 17 u l-kwantità attribwita fil-parti 2 tagħha.
16. Kwantità netta (massa netta jew unità ta’ qies b’indikazzjoni tal-unità)
19. Dokument doganali (formola u numru) jew numru tal-estratt u data tal-attribuzzjoni
20. Isem, Stat Membru, timbru u firma tal-attribuzzjoni
17. F’ figuri
18. Fi kliem għall-kwantità attribwita
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
Paġni tal-estensjoni li jridu jiġu mehmużin hawnhekk
Test ta 'immaġni
UNJONI EWROPEA
DOKUMENT TA’ SORVELJANZA
2
1. Destinatarju
(isem, indirizz komplut, pajjiż, numru tal-VAT)
2. Numru tal-hruġ
Kopja ghal awtorità kompetenti
3. Post propost u data tal-importazzjoni
4. Awtorità responsabbli ghall-ħruġ
5. Dikjarant/rappreżentant kif applikabbli
(isem u indirizz komplut)
6. Pajjiz tal-oriġini
(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)
7. Pajjiż ta’ konsinna
(u kodiċi tal-ġeonomenklatura)
8. L-aħħar ġurnata ta’validità
2
9. Deskrizzjoni tal-merkanzija
10. Kodiċi NM u kategorija
11. Kwantità f’kilogrammi (mhux massa) jew f’unitajiet addizzjonali
12. Valuri f’euros, CIF fil-fruntiera tal-Unjoni
13. Kummenti addizzjonali
14. Firma tal-awtorità kompetenti
Data:
Firma:
(Timbru)
Test ta 'immaġni
15. ATTRIBUZZJONIJIET
Indika l-kwantità li hemm fil-parti 1 tal-kolonna 17 u l-kwantità attribwita fil-parti 2 tagħha.
16. Kwantità netta (massa nett jew unità ta’ qies b’indikazzjoni tal-unità)
19. Dokument doganali (formola u numru) jew numru tal-estratt u data tal-attribuzzjoni
20. Isem, Stat Membru, timbru u firma tal-attribuzzjoni
17. F’ figuri
18. Fi kliem għal kwantità attribwita
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
1.
2.
Paġni tal-estensjoni huma mehmużin hawnhekk
ANNESS III
Regolamenti imħassrin flimkien mal-emendi suċċessivi tagħhom
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 |
|
Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
Il-punt 20 biss tal-Anness |
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 427/2003 |
|
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1985/2003 |
|
Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
Il-punt 9 biss tal-Anness |
ANNESS IV
Tabella ta' korrelazzjoni
Regolament (KE) Nru 625/2009 |
Regolament (KE) Nru 427/2003 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 22 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 8 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 9(1) |
|
Artikolu 7(1) |
Artikolu 9(1a) |
|
Artikolu 7(2) |
Artikolu 9(2) |
|
Artikolu 7(3) |
Artikolu 10 |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 11 |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 12 |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 13 |
|
Artikolu 11 |
Artikolu 14 |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 15 |
|
Artikolu 13 |
Artikolu 16 |
|
Artikolu 14 |
Artikolu 17 |
|
Artikolu 15 |
Artikolu 18 |
|
Artikolu 16 |
Artikolu 19 |
|
Artikolu 17 |
Artikolu 19a |
|
Artikolu 18 |
Artikolu 20 |
|
Artikolu 19 |
|
Artikoli 1 sa 14 |
— |
|
Artikolu 14a |
Artikolu 20 |
|
Artikolu 14b |
Artikolu 21 |
|
Artikoli 15 sa 24 |
— |
Artikolu 21 |
|
Artikolu 23 |
Artikolu 22 |
|
Artikolu 24 |
Annex I |
|
Annex I |
Annex II |
|
Annex II |
Annex III |
|
Annex III |
Annex IV |
|
Annex IV |
|
Anness I |
— |
|
Anness II |
— |