12.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/747

tal-11 ta' Mejju 2015

li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika ta' emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2015

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jipprevedi d-data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika ta' emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku.

(2)

Meta ġew biex jimplimentaw l-iskemi l-ġodda ta' pagamenti diretti u l-miżuri tal-iżvilupp rurali fil-prattika, l-Istati Membri sabu xi diffikultajiet. Minħabba f'hekk, l-amministrazzjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku ħadet fit-tul.

(3)

Għalhekk ġiet affettwata l-possibbiltà li benefiċjarji jressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku fil-limiti taż-żmien previsti fl-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

(4)

Minħabba li ġara dan kollu, jixraq li tiġi prevista deroga mill-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ħalli għall-2015 l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffissaw data finali għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u data finali għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, u dawn id-dati jkunu aktar tard minn dawk stabbiliti f'dawk l-Artikoli. Peress li d-data msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 hi marbuta mad-data finali prevista fl-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għandha ssir deroga bħal din għan-notifika ta' emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas.

(5)

Billi dawn id-derogi jkopru l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament għall-2015, jixraq li dan ir-Regolament ikun japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2015.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għall-2015, id-dati finali li għandhom jiffissaw l-Istati Membri għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u meta l-Istat Membru juża d-deroga prevista fl-Artikoli 1 u 3 ta' dan ir-Regolament, għall-2015, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas skont il-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti sal-15 ta' Ġunju.

Artikolu 3

B'deroga mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għall-2015, id-data li jridu jiffissaw l-Istati Membri għas-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tal-intitolamenti għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku ma għandhiex tkun aktar tard mill-15 ta' Ġunju.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mal-2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).