1.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/27


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/704

tat-30 ta' April 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 rigward il-livell massimu ta' PCB mhux simili għad-diossini fil-mazzola griża (Squalus acanthias) maqbuda mis-selvaġġ

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabblixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabilixxi livelli massimi għad-diossini, poliklorobifenili (PCB) simili għad-diossini u PCB mhux simili għad-diossini fil-ħut u prodotti tal-ħut.

(2)

Assoċjazzjonijiet ta' partijiet ikkonċernati ipprovdew dejta fuq il-preżenza ta' PCB mhux simili għad-diossini fil-mazzola griża (Squalus acanthias) maqbuda mis-selvaġġ. Minn dik id-dejta jista' jiġi osservat li l-livell massimu attwali ta' 75 ng/g ta' piż bil-kontenut tal-ilma ma jistax jintlaħaq fuq diversi okkażjonijiet wara li ġew segwiti prattiki tajba tas-sajd f'kundizzjonijiet normali ta' qabda u tkabbir. Id-dejta pprovduta turi li l-livell massimu attwali mhuwiex konformi mal-prinċipju li livelli massimi għall-kontaminanti huma stabbiliti f'livell baxx li jista' jinkiseb b'mod raġonevoli. Għaldaqstant huwa xieraq li jiżdied il-livell massimu attwali ta' PCB mhux simili għad-diossini fil-mazzola griża (Squalus acanthias) maqbuda mis-selvaġġ mingħajr ma jipperikola s-saħħa pubblika.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt 5.3 jinbidel b'dan li ġej:

“5.3

Laħam tal-muskoli tal-ħut u tal-prodotti mis-sajd u prodotti tagħhom (25) (34), bl-eżenzjoni ta':

sallur maqbud mis-selvaġġ

mazzola griża (Squalus acanthias) maqbuda mis-selvaġġ

ħut tal-ilma ħelu maqbud mis-selvaġġ, bl-eċċezzjoni tal-ispeċi tal-ħut diadromous maqbuda fl-ilma ħelu

fwied tal-ħut u prodotti ġejjin minnu

żjut tal-ħut

Il-livell massimu għall-krustaċej japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi u l-addome (44). Fil-każ tal-granċijiet u krustaċej simili għall-granċijiet (Brachyura u Anomura) dan japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi.

3,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

6,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

75 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma”

(2)

il-punt 5.4a li ġej jiddaħħal wara l-punt 5.4:

“5.4a

Il-laħam tal-muskoli tal-mazzola griża (Squalus acanthias) maqbuda mis-selvaġġ u l-prodotti tiegħu (34)

3,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

6,5 pg/g piż bil-kontenut tal-ilma

200 ng/g piż bil-kontenut tal-ilma”