30.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 111/21 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/677
tat-23 ta' April 2015
dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,
Billi:
(1) |
Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jinħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament. |
(2) |
Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi, fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni oħra magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti. |
(3) |
Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati bil-kodiċi NM fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'din it-tabella. |
(4) |
Jixraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament, tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur. |
(5) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fin-Nomenklatura Magħquda bil-kodiċi NM fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.
Artikolu 2
L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Heinz ZOUREK
Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).
ANNESS
Deskrizzjoni tal-prodotti |
Klassifikazzjoni (KodiċiNM) |
Raġunijiet |
(1) |
(2) |
(3) |
Oġġett li huwa magħmul minn erba' saqajn tal-mejda tal-metall bażiku, imwaħħal bil-viti ma' erba' pjanċi tal-metall li jżommuhom flimkien. Sabiex ma jkunux jiżolqu u biex ma tinbaraxx l-art, il-qiegħ ta' kull sieq tal-mejda huwa mgħotti bil-lastku. It-truf ta' fuq tas-saqajn tal-mejda għandhom it-toqob għall-viti biex ikun jista' jitwaħħal il-wiċċ tal-mejda. (*) Ara l-istampa. |
9403 90 10 |
Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċijiet tan-NM 9403 , 9403 90 u 9403 90 10 . Il-klassifikazzjoni bħala għamara sħiħa hija eskluża minħabba li l-oġġett jonqsu komponent essenzjali, il-wiċċ tal-mejda. Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat bil-kodiċi tan-NM 9403 90 10 bħala partijiet tal-metall tal-għamara. |
(*) L-istampa qiegħda biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.