30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/676

tat-23 ta' April 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur f'konformità mal-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma f'koformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness huma kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni L-Unjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott fl-għamla ta' komma, twil madwar 20 cm, magħmul minn materjal tat-tessut innittjat b'pedding irqiq tal-foam fuq il-wiċċ tal-pala tal-id. Dan jinkludi qassaba tal-aluminju ftit mgħawġa għall-pala tal-id b'wisa' ta' madwar 2 cm, li tista' titgħawweġ manwalment, u żewġ stabbilizzaturi flessibbli dorsali tal-plastik b'wisa' ta' madwar 1 cm. Il-qassaba u l-istabilizzaturi jgħaddu minn mini meħjuta mal-prodott magħmula minn materjal kontrastanti li jgħaddu mat-tul tal-prodott, u jistgħu jinqalgħu.

Fiż-żewġ trufijiet tal-prodott hemm żewġ ċineg tat-“tip velkro” b'wisa' ta' 2 cm biex il-prodott ikun jista' jiġi aġġustat mal-id u mal-polz. F'nofs il-prodott hemm ċinga usa' tat-tessut b'wisa' ta' 5 cm bi rbit tat-“tip velkro” li jintrabat madwar il-polz biex tinkiseb il-limitazzjoni mixtieqa tal-moviment tal-polz.

Iċ-ċineg tat-tessut flimkien mal-qassaba tal-aluminju li titgħawweġ jagħmlu l-moviment tal-polz aktar diffiċli. Il-flessibbiltà tal-polz tiddependi fuq kemm ikunu ssikkati ċ-ċineg.

Il-prodott huwa ppreżentat bħala stabbilizzatur tal-polz.

(Ara r-ritratti A + B) (*)

6307 90 10

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), u mill-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 10 .

Il-prodott ma jistax jiġi aġġustat għal xi diżabbiltà speċifika ta' pazjent, iżda għandu użu multifunzjonali. F'dak ir-rigward, il-prodott ma għandux il-karatteristiċi li jiddistingwuh bil-metodu tal-operazzjoni jew l-aġġustabbiltà għad-diżabbiltajiet speċifiċi ta' pazjent minn sapporti għall-użu ġenerali (ara n-Nota 6 tal-Kapitolu 90 u s-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-260/00 sa C-263/00, Lohmann GmbH & Co. KG u Medi Bayreuth Weihermüller & Voigtmann GmbH & Co. KG v Oberfinanzdirektion Koblenz, ECLI:EU:C:2002:637). Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9021 bħala apparat ortopediku hija eskluża.

Il-materjal tat-tessut innittjat tal-komma u taċ-ċinga jagħti l-karattru essenzjali tal-prodott fi ħdan it-tifsira ta' GIR 3(b), peress li l-preżenza tiegħu hija predominanti fil-kwantità u minħabba l-irwol importanti tiegħu fir-rigward tal-użu tal-prodott. B'mod partikolari, iċ-ċinga tat-tessut f'nofs il-prodott hija essenzjali għal-limitazzjoni mixtieqa tal-moviment tal-polz.

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6307 90 10 bħala prodotti oħra maħduma.


Image

Image

Ritratt A

Ritratt B


(*)  Ir-ritratti huma għall-għan ta' informazzjoni biss.