30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/16


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/675

tas-26 ta' Frar 2015

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba n-nuqqas tal-Istati Uniti biex iġibu l-Att dwar il-Kumpens għall-Persistenza tad-Dumping u għaż-Żamma tas-Sussidji (CDSOA) konformi mal-obbligi skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 impona dazju doganali addizzjonali ad valorem ta' 15 % fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika mill-1 ta' Mejju 2005. B'konformità mal-awtorizzazzjoni tad-WTO biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet lill-Istati Uniti, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell tas-sospensjoni kull sena għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat mis-CDSOA lill-Unjoni Ewropea f'dan il-perjodu.

(2)

Il-ħlasijiet tas-CDSOA għall-aktar sena riċenti li għalihom hemm dejta disponibbli huma relatati mad-distribuzzjoni ta' dazji antidumping u kompensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2014 (mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014). Abbażi tad-dejta ppublikata mill-Ħarsien tad-Dwana u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni huwa kkalkulat li jammonta għal USD 3 295 333.

(3)

Il-livell ta' tixjin jew ħsara, u konsegwement ta' sospensjoni, naqas. Madankollu, il-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' tixjin jew ħsara billi jiżdiedu jew jitneħħew prodotti mil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 673/2005. Minħabba f'hekk, skont l-Artikolu 3(1)(e) ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha żżomm il-lista ta' prodotti fl-Anness I bla tibdil u temenda r-rata tad-dazju addizzjonali sabiex taġġusta l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' tixjin jew ħsara. L-erba' prodotti elenkati fl-Anness I għandhom għalhekk jinżammu fil-lista u r-rata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali għandha tiġi emendata u ffissata għal 1,5 %.

(4)

L-effett ta' dazju tal-importazzjoni addizzjonali ad valorem ta' 1,5 % fuq importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti fl-Anness I jirrappreżenta, fuq tul ta' sena, valur ta' kummerċ li ma jaqbiżx USD 3 295 333.

(5)

Sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm l-ebda dewmien fl-applikazzjoni tar-rata emendata tad-dazju tal-importazzjoni addizzjonali, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 673/2005 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dazju ad valorem ta' 1,5 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (*1) jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(*1)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mill-1 ta' Mejju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali huma identifikati mill-kodiċijiet NM tagħhom bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti klassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1810/2004 (2).

0710 40 00

9003 19 30

8705 10 00

6204 62 31


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)   ĠU L 327, 30.10.2004, p. 1.” ”