23.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/2 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/628
tat-22 ta' April 2015
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (“REACH”) fir-rigward taċ-ċomb u l-komposti tiegħu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-21 ta' Diċembru 2012, l-Isvezja ressqet dossier lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (id-dossier skont l-Anness XV), li kien juri li minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom, speċjalment dawk taħt is-36 xahar, dawn jistgħu jkunu esposti ripetutament għaċ-ċomb irrilaxxat minn oġġetti tal-konsum li jkun fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu. Iċ-ċomb u l-komposti tiegħu jinstabu fl-oġġetti tal-konsum bħala ċomb metalliku miżjud intenzjonalment, bħala impurità jew addittiv tal-ligi tal-metall (b'mod partikolari fir-ram isfar), bħala pigment, u bħala stabbilizzatur fil-polimeri (b'mod partikolari fil-klorur tal-polivinil). |
(2) |
Esponiment repetut għaċ-ċomb minħabba li l-oġġetti li fihom iċ-ċomb jew il-komposti tiegħu jiddaħħlu fil-ħalq jista' jwassal għal effetti severi u irreversibbli fuq l-imġiba u l-iżvilupp newroloġiku li t-tfal huma partikolarment sensittivi għalihom, peress li s-sistema nervuża ċentrali tagħhom tkun għadha qed tiżviluppa. Għalhekk, it-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u tal-komposti tiegħu f'oġġetti li huma fornuti lill-pubbliku inġenerali, u li t-tfal jistgħu jpoġġu f'ħalqhom, għandhom ikunu pprojbiti jekk il-konċentrazzjoni ta' ċomb f'dak l-oġġett, jew f'parti minn dak l-oġġett (mogħtija bħala metall), taqbeż ċertu livell minimu. |
(3) |
Fl-10 ta' Diċembru 2013, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni hija l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati li joħolqu ċ-ċomb u l-komposti tiegħu meta jkunu preżenti f'oġġetti intenzjonati għall-użu mill-konsumaturi f'termini tal-effikaċja fit-tnaqqis ta' riskji bħal dawn, u li fiha ppropona ċerti modifiki tal-ambitu tar-restrizzjoni. |
(4) |
Fit-13 ta' Marzu 2014, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, li fiha kkonkluda li r-restrizzjoni proposta minn min ressaq id-dossier, kif modifikata mir-RAC u anke mis-SEAC, kienet l-aktar miżura xierqa madwar l-Unjoni kollha sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati, partikolarment f'termini tal-proporzjonalità. Din il-konklużjoni ntlaħqet wara li ġiet analizzata l-evidenza soċjoekonomika disponibbli u abbażi tal-aħjar stimi disponibbli għall-fatturi ta' inċertezza, filwaqt li tqies il-fatt li ma hemm l-ebda limitu għall-effetti taċ-ċomb fuq l-imġiba u-iżvilupp newroloġiku. |
(5) |
Il-Forum għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar l-Infurzar tal-Aġenzija kien ikkonsultat waqt il-proċess tar-restrizzjonijiet u l-opinjoni tiegħu tqieset u wasslet għal modifika tad-deskrizzjoni tal-ambitu tar-restrizzjoni proposta u għall-eżenzjonijiet minnha. |
(6) |
Għandu jiġi konklużl-preżenza taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f'oġġetti fornuti lill-pubbliku inġenerali f'ammonti li jaqbżu l-limiti tal-kontenut jew, alternattivament, il-limitu tar-rata ta' migrazzjoni speċifikati fl-opinjonijiet toħloq riskju inaċċettabbli għas-saħħa umana. Hemm bżonn li dawk ir-riskji jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. |
(7) |
Abbażi tal-livell derivat ta' effett minimu stabbilit għaċ-ċomb, minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f'ħalqhom u abbażi ta' studji dwar il-migrazzjoni taċ-ċomb mill-partijiet metalliċi tal-ġojjellerija, għandu jiġi stabbilit limitu għall-kontenut taċ-ċomb li jkun japplika għall-partijiet metalliċi u mhux metalliċi tal-oġġetti kollha, sakemm ma jkunx jista' jintwera li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb ma taqbiżx ċertu livell minimu. Għall-oġġetti miksija, il-kisja għandha tkun biżżejjed biex tiżgura li din ir-rata ma tinqabiżx għal perjodu ta' mill-inqas sentejn ta' użu normali tal-oġġett. |
(8) |
Għandhom jingħataw eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal ċerti oġġetti li għalihom huwa mistenni livell baxx ta' migrazzjoni, bħall-ħġieġ tal-kristall, l-enamel u l-ħaġar prezzjuż u semi-prezzjuż, jew livell aċċettabbli ta' migrazzjoni, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu limitu tal-kontenut, li jista' jkun il-każ għal-ligi tar-ram isfar, u għal oġġetti speċifiċi li d-daqs żgħir tagħhom ifisser li l-esponiment għaċ-ċomb hija minima, prinċiparjament il-ponot tal-istrumenti tal-kitba. |
(9) |
Iċ-ċwievet, is-serraturi, il-katnazzi u l-istrumenti tal-mużika jistgħu jiddaħħlu f'ħalq it-tfal u għalhekk jistgħu jkunu ta' risjku għat-tfal jekk ikun fihom iċ-ċomb. Madankollu, b'mod eċċezzjonali, dawk l-oġġetti għandhom jiġu eżentati minħabba li donnu hemm nuqqas ta' alternattivi xierqa għaċ-ċomb fil-manifattura ta' dawk l-oġġetti, u minħabba li jista' jkun hemm impatt soċjoekonomiku negattiv sinifikanti meta tiġi applikata r-restrizzjoni għalihom. Bl-istess mod, l-impatt tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-oġġetti reliġjużi u għal ċerti batteriji ma ġiex ivvalutat bis-sħiħ u għalhekk hu xieraq li dawn jiġu eżentati, b'mod eċċezzjonali, mill-ambitu tagħha sakemm tkun tista' ssir valutazzjoni ddettaljata tiegħu. Għalhekk, il-paragrafi l-ġodda f'din l-entrata u r-rekwiżiti dwar l-integrità tal-kisi għandhom jiġu riveduti wara perjodu xieraq wara d-data tal-applikazzjoni tagħhom. |
(10) |
L-oġġetti li diġà huma koperti minn leġizlazzjoni speċifika tal-Unjoni li tirregola l-kontenut jew il-migrazzjoni taċ-ċomb għandhom jiġu eżentati għal raġunijiet ta' konsistenza. |
(11) |
Il-linji gwida rigward l-oġġetti li jaqgħu fi ħdan l-ambitu ta' din ir-restrizzjoni u lil hinn minnu għandhom jiġi żviluppati sabiex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet tal-infurzar fl-implimentazzjoni tagħha. |
(12) |
L-operaturi ekonomiċi għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni biex jadattaw il-manifattura tagħhom għar-restrizzjoni stipulata minn dan ir-Regolament u biex jeħilsu mill-istokk li jkun għadu ma tqiegħedx fis-suq. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni m'għandhiex tapplika għall-oġġetti użati li jkunu tqiegħdu fis-suq għall-ewwel darba qabel tmiem dak il-perjodu tranżitorju, peress li dan iwassal għal diffikultajiet konsiderevoli ta' infurzar. |
(13) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan. |
(14) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
ANNESS
Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-kolonna 2 tal-entrata 63 għandha tiġi emendata kif ġej:
(1) |
il-paragrafu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:
; |
(2) |
għandhom jiżdiedu l-paragrafi 7 sa 10 li ġejjin:
|
(*) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).
(**) Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).”