8.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/548

tas-7 ta' April 2015

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi f'dik id-Deċiżjoni għandhom jiġġeddu sat-13 ta' April 2016.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li l-entrati li jikkonċernaw ċerti persuni u entità waħda inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandhom jiġi aġġornati.

(4)

Barra minn hekk, ma baqax raġunijiet għalfejn żewġ persuni għandhom jibqgħu fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011.

(5)

Barra dan, entrata waħda li tikkonċerna persuna diġà inkluża fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandha titneħħa.

(6)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


ANNESS

(1)

L-entrati għall-persuni li ġejjin jitneħħew mil-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011:

42.

HEYDARI Nabiollah

70.

REZVANI Gholomani

72.

ELAHI Mousa Khalil

(2)

L-entrati għall-persuni u l-entità li ġejjin li jinsabu fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 huma sostitwiti bl-entrati ta' hawn taħt:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

10.

RADAN Ahmad-Reza

Post tat-twelid: Isfahan (Iran) — Data tat-twelid:1963

Kap taċ-Ċentru għall-Istudji Strateġiċi tal-Pulizija, eks Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran sa Ġunju 2014. Bħala Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali mill-2008, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta' persuni li ħadu sehem fi protesti, imwettqa mill-forzi tal-pulizija.

12.4.2011

13.

TAEB Hossein

Post tat-twelid: Tehran — Data tat-twelid: 1963

Viċi kmandant tal-IRGC għall-Intelligence. Eks Kmandant tal-Basij sa Ottubru 2009. Forzi taħt il-kmand tiegħu ħadu sehem fi swat tal-massa, qtil, detenzjonijiet u torturi ta' persuni li pprotestaw b'mod paċifiku.

12.4.2011

14.

SHARIATI Seyeed Hassan

 

Eks Kap tal-Ġudikatura ta' Mashhad sa Settembru 2014. X'aktarx li attwalment jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati, u kienu bbażati fuq stqarrijiet li ġew akkwistati bl-użu ta' pressjoni u tortura. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

12.4.2011

15.

DORRI- NADJAFABADI Ghorban-Ali

Post tat-twelid: Najafabad (Iran) — Data tat-Twelid: 1945

Membru tal-Assemblea tal-Esperti u rappreżentant tal-Mexxej Suprem fil-Provinċja ta' Markazi ('Ċentrali'). Eks Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009, kif ukoll eks Ministru tal-Intelligence matul il-Presidenza ta' Khatami.

Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b'segwitu għall-ewwel protesti ta' wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkużati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, u avukat. Huwa responsabbli wkoll għall-abbużi ta' Kahrizak.

12.4.2011

16.

HADDAD Hassan (psewdonimu Hassan ZAREH DEHNAVI)

 

Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 26. Huwa kien inkarigat mill-każijiet tad-detenuti relatati mal-kriżijiet ta' wara l-elezzjoni u hedded regolarment familji ta' detenuti sabiex jissilenzjahom. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni għaċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti kienet rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani.

12.4.2011

18.

HEYDARIFAR Ali-Akbar

 

Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran. Huwa ħa sehem fil-proċessi ta' persuni li pprotestaw. Huwa ġie interrogat mill-Ġudikatura dwar atroċitajiet ta' Kahrizak. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni biex detenuti jintbagħtu fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak. F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti kienet rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani.

12.4.2011

19.

JAFARI- DOLATABADI Abbas

Post tat-twelid: Yazd (Iran) — Data tat-twelid: 1953

Prosekutur Ġenerali ta' Tehran minn Awwissu 2009. L-uffiċċju ta' Dolatabadi akkuża numru kbir ta' persuni li pprotestaw, inklużi individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f' Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw bl-akkuża tal-Muharebeh, jew mibegħda kontra Alla, li ġġorr sentenza kapitali, u ċaħad proċess dovut lil dawk li kienu qed jiffaċċjaw sentenza kapitali. L-uffiċċju tiegħu fittex u arresta wkoll riformisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u membri tal-midja, bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika.

 

20.

MOGHISSEH Mohammad (psewdonimu NASSERIAN)

 

Imħallef, Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 28. Kien responsabbli għal każijiet wara l-elezzjoni. Huwa ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul proċessi inġusti għal attivisti u ġurnalisti soċjali, politiċi, u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi.

12.4.2011

21.

MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

Post tat-twelid: Ejiyeh — Data tat-twelid: madwar 1956

Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 u kelliem għall-Ġudikatura, u eks Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjonijiet tal-2009. Waqt li kien Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjoni tal-2009, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni, tortura u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz bl-użu ta' pressjoni mingħand mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u riformisti politiċi. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjonijiet insupportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta' membri tal-familja.

12.4.2011

22.

MORTAZAVI Said

Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran) — Data tat-twelid: 1967

Eks Prosekutur Ġenerali ta' Tehran sa Awwissu 2009.

Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Tehran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. F'Jannar 2010 investigazzjoni parlamentari sabitu direttament responsabbli għad-detenzjoni ta' tliet ħabsin li sussegwentement mietu fil-ħabs. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet tat-tliet irġiel miżmuma fuq l-ordnijiet tiegħu wara l-elezzjoni. F'Novembru 2014, ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' detenuti kienet rikonoxxuta uffiċjalment mill-awtoritajiet Iranjani.

12.4.2011

23.

PIR-ABASSI Abbas

 

Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 26. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul il-proċessi inġusti kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw.

12.4.2011

28.

YASAGHI Ali-Akbar

 

Imħallef tal-Qorti Suprema. Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarja ta' Mashhad. Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

12.4.2011

30.

ESMAILI Gholam-Hossein

 

Kap tal-Ġudikatura ta' Tehran. Eks Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran. F'din il-kariga, huwa kien kompliċi għad-detenzjoni massiva ta' persuni li pprotestaw għal raġunijiet politiċi u għal ħabi ta' abbużi mwettqa fis-sistema ta' priġunerija.

12.4.2011

34.

AKBARSHAHI Ali-Reza

 

Direttur Ġenerali tal-Kwartieri Ġenerali tal-Anti-Narkotiċi tal-Iran. Eks Kmandant tal-Pulizija ta' Tehran. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-forza tal-pulizija kienet responsabbli għall-użu ta' forza extraġudizzjarji fuq dawk suspettati waqt l-arrest u d-detenzjoni ta' qabel il-proċess. Il-pulizija ta' Tehran kienet implikata wkoll fi tfittxijiet fid-dormitorji tal-università ta' Tehran f'Ġunju 2009, meta skont kummissjoni Iranjana ta' Majlis, aktar minn 100 student ġie mweġġa' mill-pulizija u Basiji.

10.10.2011

36.

AVAEE Seyyed Ali-Reza (psewdonimu: AVAEE Seyyed Alireza)

 

Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari għall-Imħallfin sa minn April 2014. Eks President tal-Ġudikatura ta' Tehran. Bħala President tal-Ġudikatura ta' Tehran huwa kien responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, arresti arbitrarji, ċaħdiet tad-drittijiet tal-priġunieri u żieda fl-eżekuzzjonijiet.

10.10.2011

37.

BANESHI Jaber

 

Konsulent għall-Ġudikatura fl-Iran. Eks Prosekutur ta' Shiraz sal-2012. Huwa kien responsabbli għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt bl-għoti ta' tużżani ta' sentenzi għall-mewt. Prosekutur matul il-każ tal-ibbumbardjar ta' Shiraz fl-2008, li ntuża mir-reġim biex jagħtu l-piena tal-mewt lil diversi opponenti tar-reġim.

10.10.2011

40.

HABIBI Mohammad Reza

 

Viċi Prosekutur ta' Isfahan. Kompliċi fi proċedimenti li jċaħħdu l-imputati minn smigħ ġust — bħal Abdollah Fathi li ngħata l-mewt f'Mejju 2011 wara li d-dritt li jiġi proċessat u l-kwistjonijiet ta' saħħa mentali tiegħu ġew injorati minn Habibi matul is-smigħ tiegħu f'Marzu 2010. Huwa għalhekk kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut' li jikkontribwixxi għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u ż-żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet mill-bidu tal-2011.

10.10.2011

41.

HEJAZI Mohammad

Post tat-twelid: Ispahan Data tat-Twelid: 1956

Viċi Kap tal-Forzi Armati, kellu rwol ċentrali fl-intimidazzjoni u theddid tal-'għedewwa' tal-Iran, u l-ibbumbardjar ta' villaġġi Kurdi Iraqini. Eks Kap tal-Korpi ta' Sarollah tal-IRGC f'Tehran, u dak li qabel kien il-Kap tal-Forzi ta' Basij, kellu rwol ċentrali fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni fuq persuni li pprotestaw.

10.10.2011

47.

KHALILOLLAHI Moussa (psewdonimu: KHALILOLLAHI Mousa, ELAHI Mousa Khalil)

 

Prosekutur ta' Tabriz. Huwa kien involut fil-każ ta' Sakineh Mohammadi-Ashtani u huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut.

10.10.2011

48.

MAHSOULI Sadeq (psewdonimu: MAHSULI, Sadeq)

Post tat-twelid: Mashad (Iran) Data tat-Twelid: 1959/60

Konsulent tal-President preċedenti u membru attwali tal-Kunsill ta' Espedjenza Mahmoud Ahmadinejad u Membru tal-Front ta' Perseveranza. Ministru għall-Affarijiet Soċjali u s-Sigurtà Soċjali bejn l-2009 u l-2011. Ministru għall-Intern sa Awwissu 2009. Bħala Ministru tal-Intern, Mahsouli kelli awtorità fuq il-forzi tal-pulizija, l-aġenti tas-sigurtà tal-ministeru tal-intern, u l-aġenti pajżana kollha. Il-forzi taħt it-tmexxija tiegħu kienu responsabbli għall-attakki fuq id-dormitorji tal-Università ta' Tehran fl-14 ta' Ġunju 2009 u t-tortura tal-istudenti fil-kantina tal-Ministeru (il-livell ta' taħt l-art magħruf nru 4). Dimostranti oħrajn ġew abbużati b'mod sever fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak, li kien operat mill-pulizija taħt il-kontroll ta' Mahsouli.

10.10.2011

49.

MALEKI Mojtaba

 

Prosekutur ta' Kermanshah. Kellu rwol fiż-żieda drammatika tas-sentenzi tal-mewt li qed jingħataw fl-Iran, inkluż il-prosekuzzjoni tal-każijiet ta' seba' priġunieri misjuba ħatja ta' traffikar ta' drogi li kienu mgħallqa fl-istess ġurnata fit-3 ta' Jannar 2010 fil-ħabs ċentrali ta' Kermanshah.

10.10.2011

52.

KHODAEI SOURI Hojatollah

Post tat-twelid: Tehran (Iran) — Data tat-twelid: 1964

Membru tal-Kumitat għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija. Deputat parlamentari għall-Provinċja ta' Lorestan. Membru tal-Kummissjoni Parlamentari għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà. Eks Kap tal-Ħabs ta' Evin sal-2012. It-tortura kienet prattika komuni fil-ħabs ta' Evin meta Souri kien il-kap tiegħu. Fis-Sala 209, inżammu bosta attivisti għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-partit fil-gvern.

10.10.2011

53.

TALA Hossein (Psewdonimu: TALA Hosseyn)

 

MP Iranjan. Eks Gvernatur Ġenerali (“Farmandar”) tal-Provinċja ta' Tehran sa Settembru 2010, kien responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-repressjoni tad-dimostrazzjonijiet.

F'Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-repressjoni ta' wara l-elezzjoni.

10.10.2011

54.

TAMADDON Morteza (Psewdonimu: TAMADON Morteza)

Post tat-twelid: Shahr Kord-Isfahan Data tat-Twelid: 1959

Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Tehran. Eks Gvernatur Ġenerali tal-IRGC tal-Provinċja ta' Tehran.

Fil-kapaċità tiegħu bħala gvernatur u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Tehran, kellu r-responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet kollha ta' repressjoni li saru mill-IRGC fil-provinċja ta' Tehran, inkluż ir-repressjoni ta' protesti politiċi minn Ġunju 2009.

10.10.2011

57.

HAJMOHAM- MADI Aziz

 

Imħallef fil-Qorti Kriminali fil-Provinċja ta' Tehran. Eks Imħallef fl-ewwel awla tal-qorti ta' Evin. Huwa mexxa diversi kawżi ta' proċess kontra d-dimostranti, b'mod partikolari dik ta' Abdol-Reza Ghanbari, għalliem arrestat f'Jannar 2010 u kkundannat għall-mewt għall-attivitajiet politiċi tiegħu. It-tribunal tal-prim istanza ta' Evin ġie stabbilit fil-ħabs ta' Evin u dan ġie ġustifikat minn Jafari Dolatabadi f'Marzu 2010. F'dan il-ħabs, ċerti akkużati ġew iżolati, maltrattati u kostretti li jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz.

10.10.2011

59.

BAKHTIARI Seyyed Morteza

Post tat-twelid: Mashad (Iran) Data tat-Twelid: 1952

Deputat Avukat Ġenerali, responsabbli għal kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà. Eks Ministru għall-Ġustizzja mill-2009 sal-2013.

Matul il-mandat tiegħu bħala Ministru għall-Ġustizzja, il-kondizzjonijiet fil-ħabs fl-Iran waqgħu sew taħt l-istandards li huma aċċettati internazzjonalment, u kien hemm firxa wiesgħa ta' trattament ħażin ta' priġunieri. Barra minn hekk, huwa kellu rwol ewlieni fit-theddid u l-molestja tad-diaspora Iranjana billi ħabbar l-istabbiliment ta' qorti speċjali biex titratta speċifikament Iranjani li jgħixu barra mill-pajjiż. Huwa ssorvelja wkoll iż-żieda qawwija fin-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi eżekuzzjonijiet sigrieti mhux imħabbra mill-gvern, u eżekuzzjonijiet għal reati marbuta mad-droga.

10.10.2011

60.

HOSSEINI Dr Mohammad (psewdonimu: HOSSEYNI, Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman Data tat-Twelid: 1961

Konsulent tal-President preċedenti u membru attwali tal-Kunsill ta' Espedjenza Mahmoud Ahmadinejad. Eks Ministru għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika (2009-2013). Ex-IRGC, kompliċi fir-repressjoni tal-ġurnalisti.

10.10.2011

61.

MOSLEHI Heydar (Psewdonimu: MOSLEHI Heidar; MOSLEHI Haidar)

Post tat-twelid: Isfahan (Iran) Data tat-Twelid: 1956

Kap tal-Organizzazzjoni għal pubblikazzjonijiet dwar ir-rwol tal-kleru fi gwerra. Eks Ministru tal-Intelligence (2009-2013).

Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Ministeru tal-Intelligence kompla l-prassi ta' detenzjoni arbitrarja u persekuzzjoni mifruxin ta' dimostranti u dissidenti. Il-Ministeru għall-Intelligence jmexxi s-Sala 209 tal-Ħabs ta' Evin, fejn ħafna attivisti qed jinżammu għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-gvern. Interrogaturi mill-Ministeru tal-Intelligence ssoġġettaw lill-ħabsin tas-Sala 209 għal swat u abbużi mentali u sesswali.

10.10.2011

62.

ZARGHAMI Ezzatollah

Post tat-twelid: Dezful (Iran) Data tat-Twelid: 22 ta' Lulju 1959

Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) sa Novembru 2014. X'aktarx li attwalment jinsab fi proċess ta' riassenjazzjoni għal funzjoni oħra. Taħt it-tmexxija tiegħu fl-IRIB, huwa kien responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' priġunieri u serje ta' “simulazzjonijiet ta' proċessi” f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess ġust u d-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

63.

TAGHIPOUR Reza

Post tat-twelid: Maragheh (Iran) Data tat-Twelid: 1957

Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Tehran. Ex Ministru tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (2009-2012).

Bħala Ministru tal-informazzjoni, huwa kien wieħed mill-ogħla uffiċjali responsabbli miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-Internet u anke kwalunkwe tip ta' komunikazzjoni (partikolarment it-telefons ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' priġunieri politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom. F'diversi okkażjonijiet mill-elezzjoni presidenzjali tal-2009 u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefons ċellulari u s-servizzi tal-sms inqatgħu, il-kanali tat-televiżjoni satellitari ġew iġġamjati, l-Internet ġie sospiż lokalment jew mill-anqas, tnaqqsitlu r-rapidità tiegħu.

23.3.2012

64.

KAZEMI Toraj

 

Kurunell tal-pulizija tat-teknoloġija u l-komunikazzjoni, huwa nieda kampanja ta' reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-Internet u jkun ta' preġudizzju għal siti elettroniċi “li jagħmlu ħsara”.

23.3.2012

65.

LARIJANI Sadeq

Post tat-twelid: Najaf (Iraq) Data tat-twelid: 1960 jew Awwissu 1961

Kap tal-Ġudikatura. Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (retribut), hodoud (reat kontra Alla) u ta'zirat (reat kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjonijiet. F'dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta' piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir, eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta' minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta' eluf ta' nies.

Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta' kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċtu f'għajnejn l-ikkundannati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta' priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. L-eżekuzzjonijiet żdiedu ferm mill-2009. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan għar-rispett tad-dritt għal proċess ġust.

23.3.2012

66.

MIRHEJAZI Ali

 

Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem, wieħed minn dawk responsabbli mit-tfassil tas-soppressjoni tal-protesti li ilha tkun implimentata mill-2009, u assoċjat ma' dawk responsabbli sabiex joħonqu l-protesti.

23.3.2012

68.

RAMIN Mohammad-Ali

Post tat-twelid: Dezful (Iran) Data tat-Twelid: 1954

Segretarju Ġenerali tad-dinja tal-World Holocaust Foundation, stabbilita fil-Konferenza Internazzjonali biex Tirrevedi l-Viżjoni Globali tal-Olokawst fl-2006, li Ramin kien responsabbli mill-organizzazzjoni f'isem il-Gvern Iranjan. Responsabbli ewlieni miċ-ċensura bħala Viċi Ministru responsabbli mill-Istampa sa Diċembru 2013, direttament responsabbli mill-għeluq ta' bosta fergħat tal-istampa riformaturi (Etemad, Etemad-e Melli, Shargh, eċċ), mill-għeluq tal-Union Indipendenti tal-Istampa, u mill-intimidazzjoni jew l-arrest tal-ġurnalisti.

23.3.2012

69.

MORTAZAVI Seyyed Solat

Post tat-twelid: Meibod (Iran) Data tat-Twelid: 1967

Sindku tat-tieni l-akbar belt tal-Iran, Mashad, fejn regolarment iseħħu eżekuzzjonijiet pubbliċi. Eks Viċi Ministru tal-Intern għall-Affarijiet Politiċi. Kien responsabbli mill-istruzzjoni ta' repressjoni ta' persuni li tkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Aktar tard maħtur bħala Kap ta' Kumitat Elettorali Iranjan għall-elezzjonijiet parlamentari fl-2012 u għall-elezzjonijiet Presidenzjali fl-2013.

23.3.2012

73.

FAHRADI Ali

 

Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż proċessi fejn ingħatat il-piena tal-mewt. Kien hemm għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet fir-reġjun ta' Karaj matul il-mandat tiegħu bħala prosekutur.

23.3.2012

74.

REZVANMA- NESH Ali

 

Prosekutur. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-involviment fl-eżekuzzjoni ta' persuna minorenni.

23.3.2012

75.

RAMEZANI Gholamhosein

 

Kap tas-Sigurtà fil-Ministeru għad-Difiża. Eks Kap tal-Protezzjoni u s-Sigurtà fi ħdan l-IRGC sa Marzu 2012. Eks Kmandant tal-intelligence tal-IRGC sa Ottubru 2009. Involut fit-trażżin tal-libertà tal-espressjoni, inkluż billi jiġi assoċjat ma' dawk responsabbli għall-arresti ta' bloggers/ġurnalisti fl-2004, u rrappurtat li kellu rwol fit-trażżin ta' protesti ta' wara l-elezzjoni fl-2009.

23.3.2012

77.

JAFARI Reza

Data tat-Twelid: 1967

Konsulent għall-Qorti Dixxiplinari għall-Imħallfin sa minn April 2012. Membru tal-“Kumitat għad-Determinazzjoni tal-Kontenut Kriminali fuq il-Web”, korp responsabbli miċ-ċensura tas-siti web u tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali. Eks Kap tal-prosekuzzjoni speċjali taċ-ċiberkriminalità bejn l-2007 u l-2012. Kien responsabbli għar-repressjoni tal-libertà ta' espressjoni, inkluż permezz tal-arrest, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' bloggers u ġurnalisti. Persuni arrestati fuq suspett ta' ċiberkriminalità kienu maltrattati u soġġetti għal proċess ġudizzjarju inġust.

23.3.2012

78.

RESHTE- AHMADI Bahram

 

Imħallef ta' qorti ordinarja tat-Tramuntana ta' Tehran. Eks Superviżur tal-Uffiċċju għall-Prosekuzzjoni Pubblika f'Tehran. Viċi Kap tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Ħabs tal-Provinċja ta' Tehran. Eks Viċi Prosekutur f'Tehran sal-2013. Huwa mexxa ċ-ċentru tal-prosekuzzjoni ta' Ran Evin. Kien responsabbli miċ-ċaħda ta' drittijiet, inklużi drittijiet ta' żjara u drittijiet oħrajn tal-priġunieri, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi oħrajn.

23.3.2012

79.

RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

 

Kap tal-Ħabs ta' Evin, maħtur f'nofs l-2012. Sa mill-ħatra tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabs iddeterjoraw u r-rapporti għamlu referenza għal trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F'Ottubru 2012, disa' priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ bi protesta kontra l-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti mill-gwardjani tal-ħabs.

12.3.2013

80.

KIASATI Morteza

 

Imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, il-Fergħa 4, li kkundanna għall-mewt erba' priġunieri politiċi Għarab, Taha Heidarian, Abbas Heidarian, Abd al-Rahman Heidarian (tliet aħwa) u Ali Sharifi. Dawn ġew arrestati, ittorturati u mgħallqa mingħajr proċess korrett. Saret referenza għal dawn il-każijiet u n-nuqqas ta' proċess korrett f'rapport tat-13 ta' Settembru 2012 mir-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Iran tat-22 ta' Awwissu 2012.

12.3.2013

81.

MOUSSAVI, Seyed Mohammad Bagher

 

Imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, il-Fergħa 2, li impona l-kundanna tal-mewt fuq ħames Għarab minn Ahwaz, Mohammad Ali Amouri, Hashem Sha'bani Amouri, Hadi Rashedi, Sayed Jaber Alboshoka, Sayed Mokhtar Alboshoka, fis-17 ta' Marzu 2012 għal “attivitajiet kontra s-sigurtà nazzjonali” u “mibegħda kontra Alla”. Il-kundanni ġew aċċettati mill-Qorti Suprema tal-Iran fid-9 ta' Jannar 2013. Il-ħamsa li huma ġew arrestati mingħajr ma ġew mixlija għal aktar minn sena, ġew ittorturati u kkundannati mingħajr proċess korrett.

12.3.2013

82.

SARAFRAZ, Mohammad (Dr.) (psewdonimu: Haj-agha Sarafraz)

Data tat-Twelid: madwar 1963 Post tat-Twelid: Post tar-Residenza f'Tehran: Post tax-xogħol f'Tehran: IRIB u PressTV HQ, Tehran

President tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB). Eks Kap ta' IRIB World Service u Press TV, responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha ta' programmazzjoni. Assoċjat mill-qrib mal-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-istat. Taħt it-tmexxija tiegħu Press TV, flimkien ma' IRIB, ħadem mas-servizzi tas-sigurtà u l-prosekuturi Iranjani biex ixandar konfessjonijiet furzati mid-detenuti, inklużi dawk tal-ġurnalist u l-produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari, fil-programm ta' kull ġimgħa “Iran Today”. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta' GBP 100 000 talli xandar il-konfessjoni ta' Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. Sarafraz għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt ta' proċess korrett u smigħ ġust.

12.3.2013

83.

JAFARI, Asadollah

 

Prosekutur tal-Provinċja ta' Mazandaran, responsabbli għall-arresti illegali u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti ta' Baha'i minn arrest inizjali saż-żamma tagħhom f'iżolament fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni tal-Intelligence. Sitt eżempji konkreti ta' każijiet fejn ġie dokumentat il-ksur tal-proċess ġust. Jafari mexxa l-prosekuzzjoni ta' każijiet li rriżultaw f'għadd kbir ta' eżekuzzjonijiet, inklużi eżekuzzjonijiet pubbliċi.

12.3.2013

85.

HAMLBAR, Rahim

 

Imħallef tal-Fergħa 1 tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tabriz. Responsabbli mill-kundanni serji kontra ġurnalisti u minoranzi etniċi Azeri u attivisti tad-drittijiet tal-ħaddiema, li akkużahom bi spjunaġġ, atti kontra s-sigurtà nazzjonali, propaganda kontra r-reġim Iranjan u insulti kontra l-mexxej tal-Iran. Is-sentenzi tiegħu ma segwewx proċess korrett f'diversi okkażjonijiet u d-detenuti ġew furzati jagħmlu konfessjonijiet foloz. Każ bi profil għoli kien jinvolvi 20 ħaddiem voluntier ta' għajnuna wara terremot (wara terremot fl-Iran f'Awwissu 2012) li tahom kundanni ta' ħabs għat-tentattivi tagħhom li jassistu lill-vittmi tat-terremot. Il-qorti sabet lill-ħaddiema ħatja minn “kollaborazzjoni f'assemblea u kollużjoni biex isiru reati kontra s-sigurtà nazzjonali.”

12.3.2013

86.

MUSAVI- TABAR, Seyyed Reza

 

Kap tal-Prosekuzzjoni Rivoluzzjonarja ta' Shiraz. Responsabbli mill-arresti illegali u t-trattament ħażin ta' attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni Baha'i u priġunieri tat-twemmin, li ġew molestati, ittorturati, interrogati u rrifjutati aċċess għal avukati u proċess korrett. Musavi-Tabar iffirma ordnijiet ġudizzjarji fil-famuż Ċentru ta' Detenzjoni Nru 100 (ħabs għall-irġiel), inkluża ordni biex tinżamm priġuniera mara Baha'i Raha Sabet għal tliet snin f'iżolament.

12.3.2013

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Ċentru għall-Investigazzjoni tal-Kriminalità Organizzata (magħruf ukoll bħala: Uffiċċju tal-Kriminalità Ċibernetika jew Pulizija Ċibernetika)

Post: Tehran, Sit web Iranjan: http://www.cyberpolice.ir

Il-Pulizija Ċibernetika Iranjana, imwaqqfa f'Jannar 2011, hija taqsima tal-Pulizija tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li hija mmexxija minn Esmail Ahmadi-Moqaddam (elenkat). Ahmadi-Moqaddam enfasizza li l-Pulizija Ċibernetika ser tfittex lill-gruppi anti-rivoluzzjonarji u ta' protesta li użaw in-netwerks soċjali bbażati fuq l-Internet fl-2009 biex jinħolqu protesti kontra l-elezzjoni mill-ġdid tal-President Mahmoud Ahmadinejad. F'Jannar 2012, il-Pulizija Ċibernetika ħarġet linji gwida ġodda għall-Internet cafés, li jeħtieġu lill-utenti jipprovdu informazzjoni personali li tinżamm mis-sidien tal-café għal sitt xhur, kif ukoll rekord tas-siti elettroniċi li żaru. Ir-regoli jeħtieġu wkoll lis-sidien tal-café biex jinstallaw kameras tat-televixin b'ċirkwit magħluq u jżommu r-reġistrazzjonijiet għal sitt xhur.

Dawn ir-regoli ġodda jistgħu joħolqu logbook li l-awtoritajiet jistgħu jużaw biex jintraċċaw attivisti jew kwalunkwe persuna li titqies bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali. F'Ġunju 2012, il-mezzi ta' komunikazzjoni Iranjani rrappurtaw li l-Pulizija Ċibernetika kienet ser tniedi repressjoni fuq in-netwerks privati virtwali (VPNs). Fit-30 ta' Ottubru 2012, il-Pulizija Ċibernetika arrestat lill-blogger Sattar Beheshti mingħajr mandat għal “azzjonijiet kontra s-sigurtà nazzjonali fuq netwerks soċjali u Facebook.” Beheshti kien ikkritika l-gvern Iranjan fil-blog tiegħu. Beheshti nstab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu fit-3 ta' Novembru 2012, u huwa mifhum li dan ġie ttorturat għall-mewt mill-awtoritajiet tal-Pulizija Ċibernetika.