20.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/460

tad-19 ta' Marzu 2015

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċedura dwar l-approvazzjoni ta' mudell intern skont id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 114(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jeħtiġilhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE għal mudelli interni. Huma jistgħu jibdlu l-mudell intern tagħhom skont il-politika approvata għat-tibdil tal-mudell skont l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2009/138/KE.

(2)

Bidliet kbar fil-mudell intern, għadd ta' bidliet minuri li jitqiesu bħala bidla kbira u bidliet fil-politika għall-bidliet fil-mudell huma suġġetti għal approvazzjoni superviżorja minn qabel. Ir-regoli dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-proċess tal-approvazzjoni tal-mudelli interni għandhom japplikaw b'mod konsistenti għall-approvazzjoni ta' bidliet kbar fil-mudell intern u għal kwalunkwe bidla fil-politika għall-bidliet fil-mudell.

(3)

L-inklużjoni ta' elementi ġodda fil-mudell intern, bħall-inklużjoni ta' riskji addizzjonali mhux inklużi fl-ambitu tal-mudell intern jew ta' unitajiet tal-operat, huma soġġetti għall-approvazzjoni superviżorja kif stabbilit fl-Artikolu 112 tad-Direttiva 2009/138/KE.

(4)

Minħabba interdipendenzi bejn id-diversi applikazzjonijiet għall-approvazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE, meta tapplika għal approvazzjoni ta' mudell intern, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ta' applikazzjonijiet oħra għall-approvazzjoni tal-elementi elenkati fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li jkunu fis-seħħ jew ikunu previsti fis-sitt xhur segwenti. Tali rekwiżit huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet superviżorji jkunu bbażati fuq informazzjoni trasparenti u imparzjali.

(5)

Il-proċedura li trid tiġi segwita għall-approvazzjoni ta' mudell intern u ta' bidliet kbar fil-mudell intern għandha tipprevedi komunikazzjoni kontinwa bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Huwa xieraq li wieħed jibda l-komunikazzjoni qabel titressaq l-applikazzjoni formali lill-awtoritajiet superviżorji. Din il-komunikazzjoni għandha tkompli wara li l-mudell intern jew l-bidla kbira jkunu ġew approvati permezz ta' proċess ta' rieżami superviżorju.

(6)

Matul il-proċess tal-approvazzjoni l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu jistgħu jitolbu aġġustamenti fil-mudell intern jew għal pjan ta' tranżizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 113 tad-Direttiva 2009/138/KE.

(7)

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament dwar il-proċeduri li jridu jiġu segwiti għall-approvazzjoni, l-approvazzjoni tal-bidliet fil-mudell intern u l-approvazzjoni tal-politika biex jinbidel il-mudell tal-mudelli interni użat f'livell individwali għandhom japplikaw b'mod konsistenti mal-proċeduri għall-mudelli interni biex jiġi kkalkulat r-Rekwiżit Kapitali tas-Sovenza tal-grupp konsolidat u tal-mudelli interni ta' grupp.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni sottomess mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol lill-Kummissjoni Ewropea.

(9)

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

(10)

Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali dwar ir-reġim superviżorju matul il-perjodu ta' introduzzjoni progressiva previst fl-Artikolu 308a tad-Direttiva 2009/138/KE, li se jibda fl-1 ta' April 2015, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika:

(a)

il-proċedura msemmija fl-Artikolu 112 tad-Direttiva 2009/138/KE fir-rigward tal-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet sottomessi minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jużaw mudelli interni sħaħ u parzjali għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(b)

il-proċedura rigward l-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet sottomessi minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal bidla kbira f'mudell intern u bidliet fil-politika biex jinbidel il-mudell intern skont l-Artikolu 115 tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 2

Applikazzjoni biex ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jiġi kkalkulat permezz ta' mudell intern

1.   Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tissottometti bil-miktub, lill-awtorità superviżorja, applikazzjoni għall-approvazzjoni biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza permezz ta' mudell intern.

2.   L-applikazzjoni tiġi ppreżentata f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha jew f'lingwa li tkun ġiet miftiehma mal-awtoritajiet superviżorji.

3.   Meta japplikaw biex jużaw mudell intern biex jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jissottomettu evidenza dokumentata li tistabbilixxi kif il-mudell intern jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 101 u 120 sa 125 tad-Direttiva 2009/138/KE, u fil-każ ta' mudell intern parzjali tal-Artikolu 113 tad-Direttiva 2009/138/KE wkoll. L-awtorità superviżorja tista' titlob informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 3.

4.   L-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 3 tinkludi minn tal-inqas dan li ġej:

(a)

ittra li jkun fiha:

(i)

talba għal approvazzjoni biex jintuża mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza li jibda minn data speċifika u spjegazzjoni ġenerali tal-mudell intern li tinkludi deskrizzjoni fil-qosor tal-istruttura u l-ambitu tal-mudell;

(ii)

konferma tal-perjodu qabel l-applikazzjoni li matulu intuża l-mudell intern fis-sistema tal-immanġġjar tar-riskju u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 120 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(iii)

konferma li l-applikazzjoni hija kompluta u tinkludi deskrizzjoni preċiża tal-mudell intern u li ma tħalla barra l-ebda fatt rilevanti;

(iv)

konferma dwar jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni hijiex parti minn grupp li juża mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' grupp konsolidat jew jekk ġietx sottomessa applikazzjoni biex jintuża kwalunkwe mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' grupp konsolidat mingħajr ma tkun għadha waslet in-notifika tad-deċiżjoni;

(v)

lista ta' applikazzjonijiet oħra sottomessi mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew li attwalment huma previsti fis-sitt xhur li ġejjin, għall-approvazzjoni ta' kwalunkwe element elenkat fl-Artikolu 308a(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, flimkien mad-dati tal-applikazzjoni korrispondenti;

(vi)

informazzjoni ta' kuntatt tal-persunal rilevanti fl-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni involuti fl-attivitajiet relatati fil-mudell intern, kif ukoll il-persunal rilevanti f'din l-impriża li għandu jkunu jistgħu jiġu sottomessi talbiet għal informazzjoni supplimentari;

(b)

spjegazzjoni dwar kif il-mudell intern ikopri r-riskji materjali u kwantifikabbli kollha tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Meta l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tkun dwar mudell intern parzjali, l-ispjegazzjoni tkun limitata għar-riskji materjali u kwantifikabbli fl-ambitu tal-mudell intern parzjali u l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tispjega wkoll kif ġew issodisfati l-kundizzjonijiet addizzjonali msemmija fl-Artikolu 113 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)

spjegazzjoni dwar l-adegwatezza u l-effikaċja tal-integrazzjoni tal-mudell intern fis-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji u r-rwol tiegħu fis-sistema tal-governanza, inkluż kif il-mudell intern jippermetti lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tidentifika, tkejjel, timmonitorja, timmaniġġja u tirrapporta r-riskji fuq bażi kontinwa; għal dan l-għan, l-applikazzjoni tinkludi dawn is-siltiet rilevanti tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fl-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(d)

valutazzjoni u ġustifikazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-preġji, id-dgħufijiet, u l-limitazzjonijiet materjali tal-mudell intern, inkluża valutazzjoni proprja tal-konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2; l-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tispjega wkoll il-pjan tagħha għal titjib futur tal-mudell intern sabiex tindirizza d-dgħufijiet jew il-limitazzjonijiet identifikati jew biex tiżviluppa jew testendi l-mudell intern;

(e)

meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun parti minn grupp li juża mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew meta tkun ġiet sottomessa applikazzjoni biex jintuża xi mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, mingħajr ma tkun irċiviet in-notifika tad-deċiżjoni, ġustifikazzjoni dwar għaliex il-mudell intern tal-grupp mhuwiex idoneu għall-profil tar-riskju tal-impriża u d-differenzi bejn il-mudell intern li se jintuża fil-livell individwali u l-mudell intern tal-grupp;

(f)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-mudell intern, inkluża deskrizzjoni dettaljata tal-istruttura tal-mudell intern, flimkien ma' lista u ġustifikazzjoni tas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-mudell intern meta aġġustament għal dawn is-suppożizzjonijiet ikollu impatt sinifikanti fuq ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(g)

spjegazzjoni dwar l-adegwatezza tas-sistema ta' kontroll intern tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tqis l-istruttura u l-kopertura tal-mudell;

(h)

spjegazzjoni dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, il-ħiliet u l-oġġettività tal-persunal responsabbli għall-iżvilupp u l-validazzjoni tal-mudell intern;

(i)

il-politika biex jinbidel il-mudell intern kif imsemmi fl-Artikolu 115 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(j)

deskrizzjoni tal-proċess li tiżgura konsistenza bejn il-metodi użati għall-kalkolu tal-previżjoni tad-distribuzzjoni tal-probabbiltà mal-metodi użati għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi skont l-Artikolu 121(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(k)

direttorju tad-dejta użata fil-mudell intern, li jispeċifika s-sors tagħhom, il-karatteristiċi u l-użu u deskrizzjoni tal-proċess li jiżgura li d-dejta tkun preċiża, sħiħa u xierqa;

(l)

ir-riżultati tal-aħħar attribuzzjoni ta' profitti u telf u l-ispeċifikazzjoni tal-attribuzzjoni ta' profitti u telf skont l-Artikolu 123 tad-Direttiva 2009/138/KE, inkluż il-profitti u t-telf, l-unitajiet tal-operta prinċipali tal-impriża u l-attribuzzjoni ta' profitti u telf kumplessiva għall-kategoriji tar-riskju u unitajiet tal-operat prinċipali;

(m)

deskrizzjoni tal-proċess tal-validazzjoni indipendenti tal-mudell intern u rapport tar-riżultati tal-aħħar validazzjoni skont l-Artikolu 124 tad-Direttiva 2009/138/KE, inkluż liema rakkomandazzjonijiet saru u kif ittieħdu passi dwarhom;

(n)

l-inventarju tad-dokumenti li jiffurmaw parti mid-dokumentazzjoni tal-mudell intern stabbilit fl-Artikolu 125 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(o)

meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tuża mudell jew dejta miksuba minn parti terza kif imsemmi fl-Artikolu 126 tad-Direttiva 2009/138/KE, prova li l-użu ta' dan il-mudell jew id-dejta esterna ma jostakolowx il-kapaċità tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 101 u 120 sa 125 ta' dik id-Direttiva u fil-każ ta' mudell intern parzjali skont l-Artikolu 113 ta' dik id-Direttiva, l-idoneità għall-użu ta' dak il-mudell jew id-dejta fil-mudell intern u spjegazzjoni dwar il-preferenza li jintużaw mudelli jew dejta esterni minflok mudelli u dejta interni;

(p)

stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kkalkulat b'mudell intern fil-livell l-aktar granulari skont il-kategorizzazzjoni tar-riskju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, u stima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kalkulat permezz tal-formula standard fl-aktar livell granulari tal-formula standard fl-aħħar mument qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni meta r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kien ikkalkulat permezz tal-formula standard. F'każ ta' applikazzjoni qabel ma jiġi kkalkulat kwalunkwe Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, tiġi kkalkulata l-istima tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formola standard bil-parametri tal-formula standard u mhux bil-parametri speċifiċi għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(q)

identifikazzjoni ta' dawk il-partijiet tal-operat tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li ġew ikklassifikati bħala unità ta' operat ewlieni u ġustifikazzjoni għal din il-klassifikazzjoni;

(r)

fil-każ ta' mudelli interni parzjali, spjegazzjoni ta' kif l-integrazzjoni teknika proposta tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 113(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, u, fil-każ ta' teknika differenti minn dik awtomatika msemmija fl-Artikolu 239(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 (3), ġustifikazzjoni tat-teknika ta' integrazzjoni proposta.

5.   L-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tippreżenta evidenza dokumentata dwar l-approvazzjoni tal-applikazzjoni minn korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji kif stabbilit fl-Artikolu 116 tad-Direttiva 2009/138/KE.

6.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tipprovdi inventarju tad-dokumenti kollha u s-settijiet tal-evidenza inklużi fl-applikazzjoni. Meta l-kontenut ta' dokument ikun rilevanti għal dokumenti oħra, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tenfasizza n-natura tar-rilevanza u tinkludi kontroreferenzi.

Artikolu 3

Valutazzjoni tal-applikazzjoni

1.   L-awtorità superviżorja tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

2.   L-awtoritajiet superviżorji jiddeterminaw jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta fi żmien 30 ġurnata mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni. Applikazzjoni biex jintuża mudell intern biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza titqies kompluta jekk tkun tinkludi l-evidenza dokumentarja kollha stipulata fl-Artikolu 2(2).

3.   Meta l-awtoritajiet superviżorji jiddeterminaw li l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, huma jinformaw immedjatament lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun issottomettiet l-applikazzjoni li l-perjodu ta' approvazzjoni ta' sitt xhur ma jkunx beda u jispeċifikaw ir-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni mhijiex kompluta.

4.   Meta l-awtoritajiet superviżorji jiddeterminaw li l-applikazzjoni tkun kompluta, huma jinformaw lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun issottomettiet l-applikazzjoni li l-applikazzjoni hija kompluta u bid-data minn meta jibda jgħodd il-perjodu ta' sitt xhur. Dik id-data tkun id-data li fiha tkun waslet l-applikazzjoni kompluta.

5.   Meta l-awtoritajiet superviżorji jkunu qiesu li l-applikazzjoni hija kompluta, dan ma jipprevjeni lill-awtoritajiet superviżorji milli jitlobu informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex iwettqu l-valutazzjoni tagħhom. It-talba tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u tinkludi r-raġunijiet għat-talba.

6.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tiżgura li d-dokumenti kollha msemmija fl-Artikolu 125 tad-Direttiva 2009/138/KE ikunu disponibbli, inkluż f'forma elettronika kull meta possibbli, għall-awtoritajiet superviżorji matul il-valutazzjoni tal-applikazzjoni kollha.

7.   Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tinvolvi komunikazzjoni kontinwa mal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u tista' tinkludu talbiet għal aġġustamenti fil-mudell intern u, fil-każ ta' mudell intern parzjali, għal pjan ta' tranżizzjoni kif stipulat fl-Artikolu 113 tad-Direttiva 2009/138/KE.

8.   Jekk l-awtoritajiet superviżorji jiddeċiedu li jista' jkun possibbli li japprovaw il-mudell intern bil-kundizzjoni li jsiru aġġustamenti fil-mudell intern, dawn jistgħu jinnotifikaw lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b'dan.

9.   Meta l-awtoritajiet superviżorji jitolbu aktar informazzjoni jew aġġustamenti fil-mudell intern, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista' titlob sospensjoni tal-perjodu ta' sitt xhur għall-approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 112(4) tad-Direttiva 2009/138/KE. Dik is-sospensjoni tintemm ladarba l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun għamlet l-aġġustamenti meħtieġa u l-awtoritajiet superviżorji jkunu rċevew applikazzjoni emendata li tipprovdi evidenza dokumentata tal-aġġustamenti. L-awtoritajiet superviżorji mbagħad jinfurmaw l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni bid-data tal-iskadenza l-ġdida tal-perjodu tal-approvazzjoni.

Artikolu 4

Id-dritt li l-impriża tirtira l-applikazzjoni

L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tuża l-mudell intern biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tista' tirtira dik l-applikazzjoni bil-miktub billi tinnotifika lill-awtorità superviżorja fi kwalunkwe ħin qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 5

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   L-awtorità superviżorja tapprova biss l-applikazzjoni għall-użu ta' mudell intern jekk tkun issodisfata li s-sistemi tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ, l-immaniġġjar u r-rappurtar tar-riskji huma adegwati, u b'mod partikolari jekk tkun issodisfata li l-mudell intern jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 101, 112 u 120 sa 125 tad-Direttiva 2009/138/KE u wkoll l-Artikolu 113 ta' dik id-Direttiva fil-każ ta' mudell intern parzjali.

2.   Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja tapprova biss l-applikazzjoni għall-użu ta' mudell intern jekk tkun issodisfata li l-politika biex jinbidel il-mudell tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 115 tad-Direttiva 2009/138/KE. Meta l-awtorità superviżorja tkun ħadet deċiżjoni dwar applikazzjoni, hija tinnotifika, mingħajr dewmien, id-deċiżjoni tagħha bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Din id-deċiżjoni tinkludi:

(a)

meta l-awtorità superviżorja tapprova l-applikazzjoni, id-data tal-bidu li minnha jibda jintuża l-mudell biex jiġi kkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(b)

meta l-awtorità superviżorja tapprova l-applikazzjoni, kwalunkwe patti u kundizzjonijiet relatati mad-deċiżjoni tal-approvazzjoni flimkien mar-raġunijiet għal dawk il-patti u kundizzjonijiet;

(c)

meta l-awtorità superviżorja tiċħad l-applikazzjoni, ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni;

(d)

meta l-awtorità superviżorja tkun talbet pjan ta' tranżizzjoni skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva 2009/138/KE, deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-pjan ta' tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 6.

3.   L-awtoritajiet superviżorji ma jiżvelawx li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun applikat biex tuża mudell intern biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, u li applikazzjoni ġiet irrifjutata jew irtirata.

Artikolu 6

Pjan ta' tranżizzjoni biex jestendi l-ambitu tal-mudell

1.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 113(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtorità superviżorja tispjega r-raġunijiet li għalihom teħtieġ pjan ta' tranżizzjoni u tistabbilixxi l-ambitu minimu li l-mudell intern ikopri wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta' tranżizzjoni.

2.   Il-pjan ta' tranżizzjoni jkun approvat mill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jidentifika b'mod ċar il-perjodu għall-implimentazzjoni tal-pjan, l-estensjoni tal-ambitu u l-miżuri u r-riżorsi meħtieġa biex jiġi estiż l-ambitu tal-mudell intern. L-awtoritajiet superviżorji jevalwa l-pjan ippreżentat mill-impriża. L-awtorità superviżorja tista' fejn meħtieġ titlob li jiġi sottomess għall-approvazzjoni pjan ta' tranżizzjoni emendat, approvata mill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju.

3.   Meta l-impriża tonqos milli timplimenta l-pjan ta' tranżizzjoni biex testendi l-ambitu tal-mudell, l-awtorità superviżorja tista', mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura superviżorja oħra disponibbli, tieħu kwalunkwe miżura minn dawn:

(a)

testendi l-perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-pjan;

(b)

testendi l-perjodu ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-pjan, soġġett għal emendi fil-pjan;

(c)

teħtieġ li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formula standard stipulata fl-Artikoli 103 sa 111 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(d)

tippermetti l-użu ta' mudell intern parzjali b'ambitu aktar limitat mill-ambitu minimu msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Bidliet fil-mudell intern

1.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinkludi fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' bidla kbira fil-mudell intern evidenza dokumentata li wara li tiġi applikata din il-bidla kbira fil-mudell intern ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 101, 112 u 120 sa 126 tad-Direttiva 2009/138/KE u l-Artikolu 113 ta' dik id-Direttiva fil-każ ta' mudell intern parzjali, ikunu osservati.

2.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tinkludi fl-applikazzjoni d-dokumenti stipulati fl-Artikolu 2 meta l-kontenut tagħhom ikun affettwat mill-bidla kbira fil-mudell intern, flimkien ma' indikazzjoni tal-bidliet li sarulhom, u deskrizzjoni dettaljata tal-impatti kwalitattivi u kwantitattivi tal-bidla kbira fil-mudell intern approvat u r-riżultati tagħha.

Artikolu 8

Bidliet fil-politika biex jinbidel il-mudell intern

1.   L-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tinkludi fl-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' bidla fil-politika biex jinbidel il-mudell intern ir-raġuni għall-bidla fil-politika biex jinbidel il-mudell intern u evidenza li, wara li jiġu applikati dawn il-bidliet, ir-rekwiżiti biex tiġi approvata din il-politika jkunu ssodisfati.

2.   L-awtoritajiet superviżorji japprovaw l-applikazzjoni biex tibdel il-politika biex jinbidel il-mudell intern biss jekk ikunu ssodisfati li l-ambitu tal-politika huwa komprensiv u li l-proċeduri deskritti fil-politika biex jinbidel il-mudell intern jiżguraw li l-mudell intern jissodisfa b'mod kontinwu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 101, 112 u 120 sa 125 tad-Direttiva 2009/138/KE u, fil-każ ta' mudell intern parzjali, l-Artikolu 113 ta' dik id-Direttiva wkoll.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 12, 17.1.2015, p. 1).