3.3.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 58/46 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/327
tat-2 ta' Marzu 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq u l-kundizzjonijiet tal-użu ta' addittivi li jikkonsistu minn preparazzjonijiet
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 3(5) u 16(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
F'ċerti preparazzjonijiet, awtorizzati bħala addittivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, addittivi teknoloġiċi u sustanzi jew prodotti oħra huma inkorporati sabiex jeżerċitaw funzjoni fuq is-sustanza attiva fil-preparazzjoni, bħall-istabbilizzazzjoni jew l-istandardazzjoni tagħha, jiffaċilitaw l-immaniġġar jew l-inkorporazzjoni tagħha f'għalf. Pereżempju, dawk l-addittivi teknoloġiċi jew sustanzi jew prodotti oħrajn jistgħu jżidu l-fluwidità jew l-omoġeneità jew inaqqsu potenzjal tas-sustanza attiva li ssir trab. Għalhekk il-kompożizzjoni speċifika ta' addittivi awtorizzati li tikkonsisti minn preparazzjonijiet se tvarja skont ir-raġunament għall-użu ta' dawn il-preparazzjonijiet. Madankollu l-addittivi teknoloġiċi jew sustanzi jew prodotti oħra miżjuda biex tinżamm l-integrità ta' sustanza attiva mhumiex maħsuba għat-twettiq ta' funzjoni fl-għalf li fih il-preparazzjoni għandha tiġi inkorporata. |
(2) |
Meta dak li jkun iqis li l-progress teknoloġiku jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' preparazzjonijiet ġodda, huwa xieraq li jitqiesu aħjar l-ispeċifiċitajiet ta' addittivi li jikkonsistu minn preparazzjonijiet u biex ikun hemm aktar trasparenza u ċarezza meta jitqiegħdu fis-suq, mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali rigward il-kompożizzjoni ta' taħlitiet lesti minn qabel li jkollhom additivi bħal dawn. |
(3) |
B'mod partikolari, huwa xieraq li fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jiġu introdotti rekwiżiti addizzjonali ta' tikkettar għal dan it-tip ta' addittivi u għal taħlitiet lesti minn qabel li għandhom dawn l-addittivi, sabiex jippermettu verifika li addittivi teknoloġiċi użati fi preparazzjoni huma awtorizzati għall-għan intenzjonat u li dawk l-addittivi jeżerċitaw funzjoni biss fuq is-sustanza attiva fil-preparazzjoni. |
(4) |
Filwaqt li l-aktar informazzjoni rilevanti għandha tinżamm fuq l-imballaġġar jew il-kontenitur tal-additiv jew tat-taħlita lesta minn qabel, il-progress teknoloġiku jippermetti wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-preparazzjonijiet b'mod iktar flessibbli u inqas għali permezz ta' mezzi oħra bil-miktub. Dan huwa f'konformità mad-definizzjoni tat-tikkettar prevista fir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(5) |
L-operaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-preparazzjonijiet imqiegħda fis-suq peress li informazzjoni bħal din tgħin lill-utent aħħari jew lix-xerrej jagħmel għażla infurmata, tippermetti valutazzjoni tar-riskju xierqa u tikkontribwixxi biex it-tranżazzjonijiet isiru b'mod ġust |
(6) |
Dawk ir-rekwiżiti ta' tikkettar u informazzjoni addizzjonali għandhom japplikaw biss għall-addittivi li jappartjenu għall-kategoriji msemmija fl-Artikolu 6(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Fejn tali addittivi huma awtorizzati bħala preparazzjonijiet, is-sustanza attiva biss hija fil-fatt is-suġġett tal-awtorizzazzjoni, u mhux il-komponenti l-oħra tal-preparazzjonijiet, li jistgħu jvarjaw. |
(7) |
Sabiex jiġi evitat kwalunkwe effett mhux mixtieq fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, l-operaturi għandhom jiżguraw li jkun hemm kompatibbiltà fiżikokimika u bijoloġika bejn il-komponenti tal-preparazzjoni li titqiegħed fis-suq u tintuża. |
(8) |
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, dwar ħtiġiet ta' tikkettar speċifiċi għal ċerti addittivi u għal taħlitiet lesti minn qabel, u l-Anness IV tiegħu, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali ta' użu, għalhekk għandhom jiġu emendati sabiex jitqies il-progress teknoloġiku u l-iżvilupp xjentifiku fir-rigward tal-addittivi li jikkonsistu minn preparazzjonijiet. |
(9) |
Hemm bżonn ta' perjodu tranżitorju sabiex jiġi evitat it-tfixkil fit-tqegħid fis-suq u l-użu ta' preparazzjonijiet għall-addittivi eżistenti, u l-għalf li jkun fih dawn l-addittivi, sabiex ikunu jistgħu jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għall-Annessi III u IV
L-Annessi III u IIV tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dispożizzjoni transitorja
Addittivi li jikkonsistu minn preparazzjonijiet u taħlitiet lesti minn qabel li fihom dawn l-addittivi, li huma prodotti u ttikkettati qabel it-23 ta' Marzu 2017 skont ir-Regolament Nru 1831/2003 kif kien qabel it-23 ta' Marzu 2015 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2009 tat-13 ta' Lulju 2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).
ANNESS
L-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huma emendati kif ġej:
(1) |
L-Anness III jinbidel bit-test li ġej: “ANNESS III
|
(2) |
F'Anness IV, jiżdied il-punt 5 li ġej:
|