18.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/255

tat-13 ta' Frar 2015

li japprova emenda minuri fl-Ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Marchfeldspargel (IĠP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Awstrija għall-approvazzjoni ta' emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Marchfeldspargel”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1263/96 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 564/2002 (3).

(2)

L-applikazzjoni għandha l-għan li timmodifika l-Ispeċifikazzjoni fir-rigward tal-bidla tal-organu ta' spezzjoni.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 50 sa 52 ta' dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Marchfeldspargel” hija b'dan emendata skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness II ta' dan ir-Regolament jinkludi d-Dokument Uniku kkonsolidat li jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1263/96 tal-1 ta' Lulju 1996 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 19).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 564/2002 tat-2 ta' April 2002 li jemenda l-ispeċifikazzjoni ta' żewġ ismijiet li jidhru fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet u d-denominazzjonijiet ġeografiċi ta' oriġini permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet u d-denominazzjonijiet ġeografiċi ta' oriġini ta' prodotti u ta' ikel agrikolu, li jemenda l-ispeċifikazzjoni tal-isem li jidher fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta' ċertu ismijiet fir-Reġistru ta' denominazzjoni protetta ta' oriġgini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (Marchfeldspargel/Baena/Lammefjordsgulerod) (ĠU L 86, 3.4.2002, p. 7).


ANNESS I

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Marchfeldspargel”, ġew approvati l-emendi li ġejjin:

Fil-punt 5g tal-Ispeċifikazzjoni, l-organu ta' spezzjoni indikat, Landeshauptmann von Niederösterreich, huwa sostitwit mill-organu ta' spezzjoni privat li ġej:

SGS Austria Controll-Co.GesmbH

Diefenbachgasse 35

A-1150 Vienna

Tél. + 43-1-512 25 67-0

Fax + 43-1-512 25 67-9

E-Mail: sgs.austria@sgs.com

L-isem tal-entità li qed tapplika jinbidel għal li ġej:

“Verein Genuss Region Marchfeldspargel g.g.A.”


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU KKONSOLIDAT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (*)

“ARCHFELDSPARGEL”

Nru tal-KE: AT-PGI-0217-01213 — 11.03.2014

IĠP (X) DPO ( )

1.   Isem

“Marchfeldspargel”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

Iz-zkuk tal-ispraġ (nebbieta tal-ispraġ “Asparagus officinalis L.”) iridu jkunu sħaħ, b'saħħithom, mingħajr ħsara kkawżata minn ħasil mhux xieraq, nodfa, b'dehra u riħa friska, mingħajr parassiti u ħsarat ikkawżati minn rodituri jew insetti, u mingħajr difetti jew umdità esterna anormali u riħa u/jew togħma mhux tas-soltu. Il-qasma f'qiegħ l-ispraġ għandha tkun nadifa kemm jista' jkun. Barra dan, iz-zkuk ma għandhom ikunu la vojta minn ġewwa, la maqsuma u la mqaxxra. Huma awtorizzati qasmiet żgħar, fi kwantità limitata, li jkunu seħħew waqt il-ħsad. Il-“Marchfeldspargel” għandhom togħma mmarkata u delikata ta' spraġ, bi ftit li xejn imrar. It-togħma tagħhom ma tista' tkun la morra u lanqas fibruża.

L-ispraġ huwa mqassam f'erba' gruppi, skont lewnu:

spraġ abjad,

spraġ vjola: il-blanzun għandu lewn bejn roża u vjola, u parti min-nebbieta lewn abjad,

spraġ vjola/aħdar: parzjalment vjola u lewn ħadrani,

l-spraġ aħdar: il-blanzun u l-biċċa l-kbira tan-nebbieta għandu jkollhom lewn ħadrani.

It-tul massimu ammess għall-ispraġ abjad u vjola huwa ta' 22 cm u ta' 25 cm għall-ispraġ vjola/aħdar u l-ispraġ aħdar.

Varjetajiet:

Varjetajiet Ġermaniżi: Ruhm von Braunschweig, Schwetzinger Meisterschuss, Huchels Auslese, Lukullus, Vulkan, Presto, Merkur, Hermes, Eposs, Ravel, Ramos,

varjetajiet ta' spraġ aħdar (neqsin mill-antoċjani): Spaganiva, Schneewittchen, Schneekopf,

Varjetajiet Olandiżi: Venlim, Carlim, Gijnlim, Boonlim, Backlim, Thielim, Horlim, Prelim, Grolim,

Varjetajiet Franċiżi: Larac, Cito, Aneto, Desto, Selection “Darbonne no4”, Selection “Darbonne no3”, Jacq. Ma. 2001, Jacq. Ma. 2002, Andreas, Dariana, Cipres, Viola,

Varjetà Amerikana: Mary Washington.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Marchfeldspargel” jiġu ppakkjati f'faxxi marbutin sew, f'kaxxi jew f'pakketti żgħar. Id-daqs jiġi ddeterminat mid-dijametru, skont l-Ispeċifikazzjoni. Il-kontenut ta' kull pakkett jew faxx għandu jkun omoġeneu u jkun fih biss spraġ tal-istess oriġini, kwalità u lewn. L-ippakkjar isir biss b'materjali li jħarsu mill-umdità u mid-dawl, u li jippermettu li l-ippakkjar jiġi ssiġillat.

Sistema speċjali ta' trasportazzjoni tiggarantixxi li l-ispraġ ta' dak il-jum ikunu disponibbli fl-Awstrija kollha fi żmien 24 siegħa.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Logo komuni; id-denominazzjoni protetta “Marchfeldspargel”, kif ukoll l-isem, l-indirizz, it-tip ta' lewn, il-klassi, il-grad ta' kwalità, il-piż u l-għadd ta' pakketti.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Marchfeld: il-pjanura fertili qiegħda fil-lvant ta' Vjenna bejn id-Danubju u l-Morava (bil-Ġermaniż: March), delimitata fin-nofsinhar mid-Danubju, fuq il-lvant mill-Morava, fit-tramuntana mill-għoljiet ta' Weinviertler Hügelland, u fil-punent mill-konfini tal-belt ta' Vjenna.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Ir-reġjun ta' Marchfeld jintlaqat xi ftit mill-klima tal-isteppi tal-Pannonja u għandu tipi ta' ħamrija partikolari (ħamrija tax-xatt tax-xmara, ċernożemi, kolluvjonijiet u alluvjonijiet b'ammont kbir ta' ħumus kif ukoll ammonti varjabbli ta' tafal u loess). Flimkien max-xlokk tal-Istrija, għandu l-aktar jiem ta' xemx tal-Awstrija kollha u huwa wieħed mill-isħan reġunijiet tal-pajjiż kollu. Sa mis-seklu 19, ir-reġjun ta' Marchfeld kellu rwol importanti fil-kultivazzjoni tal-ispraġ (fi żmien il-monarkija Awstro-Ungarika, kien hemm produtturi individwali li kienu jfornu lill-qorti tal-imperatur fi Vjenna); Il-kultivaturi f'dan ir-reġjun għandhom għalhekk esprejenza kbira fit-tkabbir tal-ispraġ. Il-kundizzjonijiet favorevoli tal-produzzjoni fir-reġun ta' Marchefeld jippermettu li wieħed jaħdem tajjeb skont kriterji ekoloġiċi.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il- “Marchfeldspargel” huma kkaratterizzati minn aroma ta' spraġ partikolari ħafna; għandhom inqas sustanzi li jagħtu togħma morra minn prodotti simili, u huma mfittxa ħafna minħabba l-irtubija tagħhom.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-kundizzjonijiet klimatiċi, assoċjati ma' tipi partikolari ta' ħamrija, huma ideali għall-kutivazzjoni tal-ispraġ. It-temperatuiri medji għoljin flimkien ma' biżżejjed umdità jassiguraw kundizzjonijiet favorevoli ħafna għall-kultivazzjoni. L-ispraġ fil-forma salvaġġa tiegħu huwa għalhekk oriġinarju tar-reġjun ta' Marchefeld. L-esperjenza twila tal-kultivaturi tar-reġjun ta' Marchfeld tiggarantixxi li jiġu kkultivati biss il-varjetajiet l-aktar xierqa għall-kundizzjonijiet partikolari tal-produzzjoni. Billi l-varjetajiet tal-ispraġ ikkultivat huma partikolarment xierqa għall-kundizzjonijiet pedoloġiċi, il-“Marchfeldspargel” fihom ftit li xejn sustanzi morri. Barra minn hekk, iz-zkuk tal-“Marchfeldspargel” jinħasdu wisq aktar frekwentement minn prodotti simili, u dan għalhekk jippermetti li jkollhom tessut inqas aħrax.

Il-“Marchfeldspargel” għalhekk igawdu minn fama eċċellenti. Wara li l-istaġun tal-ispraġ ta' Marchfeld jinfetaħ minn ċelebritajiet tad-dinja tal-politika, tan-negozju u tal-kultura, tiġi eletta r-reġina tal-ispraġ ta' Marchfeld.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.patentamt.at/Media/Marchfeldspargel.pdf


(*)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.